This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D1500
Council Decision (EU) 2022/1500 of 9 September 2022 on the suspension in whole of the application of the Agreement between the European Community and the Russian Federation on the facilitation of the issuance of visas to the citizens of the European Union and the Russian Federation
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1500 tad-9 ta’ Settembru 2022 dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1500 tad-9 ta’ Settembru 2022 dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa
ST/12039/2022/INIT
ĠU L 234I, 9.9.2022, pp. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
9.9.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
LI 234/1 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/1500
tad-9 ta’ Settembru 2022
dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (1) (“il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2007, b’mod parallel mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-ammissjoni mill-ġdid (2). |
|
(2) |
L-għan tal-Ftehim huwa dak li jiffaċilita, fuq il-bażi ta’ reċiproċità, il-ħruġ ta’ viżi għal żjara intiża ta’ mhux aktar minn 90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa. Il-preambolu tal-Ftehim jenfasizza x-xewqa li jiġu ffaċilitati l-kuntatti bejn in-nies bħala kondizzjoni importanti għal żvilupp sod ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn. |
|
(3) |
Skont l-Artikolu 15(5) tal-Ftehim, huwa possibbli li kull Parti tissospendi l-Ftehim b’mod parzjali jew bis-sħiħ għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali jew il-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tiġi notifikata lill-Parti l-oħra mhux aktar tard minn 48 siegħa qabel id-dħul tiegħu fis-seħħ. |
|
(4) |
B’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u tal-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa fl-2014 u għall-azzjonijiet destabbilizzanti kontinwi tar-Russja fil-Lvant tal-Ukrajna, l-Unjoni Ewropea introduċiet sanzjonijiet ekonomiċi b’rispons għall-azzjonijiet tar-Russja li jiddestabbilizzaw is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, b’rabta mal-implimentazzjoni mhux kompluta tal-ftehimiet ta’ Minsk, sanzjonijiet fir-rigward ta’ azzjonijiet li jdgħajfu jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u sanzjonijiet b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tar-Repubblika Awtonoma tal-Krimea u l-belt ta’ Sevastopol mill-Federazzjoni Russa. |
|
(5) |
Bħala firmatarja tal-ftehimiet ta’ Minsk, il-Federazzjoni Russa għandha responsabbiltà ċara u diretta li taħdem biex tinstab soluzzjoni paċifika tal-kunflitt f’konformità ma’ dawk il-prinċipji. Bid-deċiżjoni li r-reġjuni mhux ikkontrollati mill-gvern fl-Ukrajna tal-Lvant jiġu rikonoxxuti bħala entitajiet indipendenti, il-Federazzjoni Russa kisret b’mod ċar il-ftehimiet ta’ Minsk, li jistipulaw ir-ritorn sħiħ ta’ dawk iż-żoni għall-kontroll tal-gvern Ukren. |
|
(6) |
Id-deċiżjoni tal-Federazzjoni Russa li tirrikonoxxi ż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts tal-Ukrajna ta’ Donetsk u ta’ Luhansk bħala entitajiet indipendenti u d-deċiżjoni sussegwenti li jintbagħtu truppi Russi fl-Ukrajna kompliet iddgħajjef l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, u huma ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inklużi l-Karta tan-NU, l-Att Finali ta’ Ħelsinki, il-Karta ta’ Pariġi u l-Memorandum ta’ Budapest. |
|
(7) |
Mill-bidu tal-aggressjoni mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna fl-24 ta’ Frar 2022, is-sitwazzjoni marret għall-agħar, u r-Russja espandiet l-okkupazzjoni sħiħa jew parzjali tagħha tar-reġjuni tal-Lvant u tan-Nofsinhar tal-Ukrajna. Ir-Russja qed tuża wkoll l-akbar impjant tal-enerġija nukleari tal-Ukrajna f’Zaporizhzhia bħala faċilità militari, li joħloq riskju ta’ inċident nukleari kbir b’effetti konsegwenzjali fuq il-pajjiżi ġirien, inklużi l-Istati Membri. |
|
(8) |
Fl-24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill Ewropew, flimkien mas-sħab internazzjonali tiegħu, ikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna u esprima solidarjetà sħiħa mal-Ukrajna u l-poplu tagħha. Il-Kunsill Ewropew iddikjara wkoll li bl-azzjonijiet militari illegali tagħha, ir-Russja qed tikser b’mod serju d-dritt internazzjonali u qed iddgħajjef is-sigurtà u l-istabbiltà Ewropea u globali. Sussegwentement, fil-25 ta’ Frar, il-Kunsill adotta, fost miżuri restrittivi oħra, is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim, b’reazzjoni għall-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja (3). |
|
(9) |
L-aggressjoni militari li sseħħ f’pajjiż konfinanti mal-Unjoni, bħal dik li seħħet fl-Ukrajna u li tat lok għal għadd ta’ miżuri restrittivi, tiġġustifika miżuri li jipproteġu l-interessi essenzjali tas-sigurtà tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha. |
|
(10) |
Il-Federazzjoni Russa kisret ukoll il-ftehimiet ta’ Minsk billi mminat l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna. Dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tal-Federazzjoni Russa. |
|
(11) |
L-azzjonijiet militari mill-Federazzjoni Russa fl-Ukrajna żiedu t-theddid għall-ordni pubbliku, is-sigurtà nazzjonali u s-saħħa pubblika tal-Istati Membri. |
|
(12) |
Għalhekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni li qed tiddeterjora kkawżata mill-aggressjoni militari tar-Russja kontra l-Ukrajna, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim li jipprevedi l-faċilitazzjoni tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa li japplikaw għal viża għal soġġorn qasir jiġi sospiż kompletament. |
|
(13) |
Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
|
(14) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (“il-Ftehim”) hija sospiża kompletament fir-rigward taċ-ċittadini tal-Federazzjoni Russa, mit-12 ta’ Settembru 2022.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/333 hija b’dan imħassra.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 15(5) tal-Ftehim.
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Settembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
J. SÍKELA
(1) ĠU L 129, 17.5.2007, p. 27.
(2) ĠU L 129, 17.5.2007, p. 40.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/333 tal-25 ta’ Frar 2022 dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Federazzjoni Russa dwar l-iffaċilitar tal-ħruġ ta’ viżi għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u tal-Federazzjoni Russa (ĠU L 54, 25.2.2022, p. 1).