EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0129

2011/129/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 13 ta’ Settembru 2010 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Svizzera stabbilit fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, rigward id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li taġġorna l-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim

ĠU L 53, 26.2.2011, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/129(1)/oj

26.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 53/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Settembru 2010

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt UE-Svizzera stabbilit fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, rigward id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li taġġorna l-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim

(2011/129/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 166(4) u 173(3), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007 (1) li ġie ffirmat fil-11 ta’ Ottubru 2007, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, jistabbilixxi Kumitat Konġunt responsabbli għall-immaniġġjar u l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

(2)

Wara d-dħul fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2007 tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ġiet sussegwentement kodifikata (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (2), jidher li huwa xieraq għall-Unjoni Ewropea u l-Isvizzera, minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Partijiet Kontraenti” li r-referenzi għal dik id-Direttiva jiġu aġġornati kif meħtieġ, kif previst fl-Att Finali (3) għall-Ftehim fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti dwar l-adattament tal-Ftehim għad-Direttiva ġdida tal-Komunità, u li l-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim jiġi aġġornat, f’konformità mal-Artikolu 8(7) tal-Ftehim.

(3)

L-Unjoni għandha għalhekk, fil-Kumitat Konġunt UE-Svizzera, tieħu l-pożizzjoni stabbilita fl-abbozz ta' deċiżjoni hawn mehmuż,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kunsill japprova l-abbozz ta’ deċiżjoni fl-Anness bħala l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea rigward deċiżjoni li għandha tiġi adottata mill-Kumitat Konġunt UE-Svizzera stabbilit fil-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007, dwar l-aġġornar tal-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

S. VANACKERE


(1)  ĠU L 303, 21.11.2007, p. 11.

(2)  ĠU L 298, 17.10.1989, p. 23.

(3)  ĠU L 303, 21.11.2007, p. 20.


ANNESS

Abbozz

DEĊIŻJONI Nru … TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-SVIZZERASTABBILIT FIL-FTEHIM BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA FIL-QASAM AWDJOVIŻIV, LI JISTABBILIXXI T-TERMINI U L-KUNDIZZJONIJIET GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TAL-KONFEDERAZZJONI SVIZZERA FIL-PROGRAMM TAL-KOMUNITÀ MEDIA 2007,

ta’ …

dwar l-aġġornar tal-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fil-qasam awdjoviżiv, li jistabbilixxi t-termini u l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-programm tal-Komunità MEDIA 2007 (1) minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”, u l-Att Finali għall-Ftehim (2), li t-tnejn li huma ġew iffirmati fi Brussell fil-11 ta’ Ottubru 2007,

Billi:

(1)

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010.

(2)

Wara d-dħul fis-seħħ fid-19 ta’ Diċembru 2007 tad-Direttiva 89/552/KEE kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2007/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, kif kodifikata (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva) (3), jidher li huwa xieraq għall-Partijiet Kontraenti li r-referenzi għal dik id-Direttiva jiġu aġġornati kif meħtieġ, kif previst fl-Att Finali għall-Ftehim fid-Dikjarazzjoni Konġunta mill-Partijiet Kontraenti dwar l-adattament tal-Ftehim għad-Direttiva ġdida tal-Komunità, u li l-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim jiġi aġġornat, f’konformità mal-Artikolu 8(7) tal-Ftehim,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tal-Anness I għall-Ftehim għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Libertà ta’ riċezzjoni u ritrażmissjoni tax-xandir

1.   L-Isvizzera għandha tiżgura l-libertà ta’ riċezzjoni u ritrasmissjoni fit-territorju tagħha rigward ix-xandiriet televiżivi taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni, kif stabbilit skont id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (*), (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva’), skont il-proċeduri li ġejjin:

L-Isvizzera għandha żżomm id-dritt li:

(a)

tissospendi r-ritrażmissjoni tax-xandir minn organizzazzjoni ta’ xandir televiżiv taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni li b’mod ċar, serju u gravi tkun kisret ir-regoli dwar il-ħarsien tal-minuri u tad-dinjità umana stipulati fl-Artikolu 27(1) jew (2) u/jew fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva;

(b)

titlob lix-xandara taħt il-ġurisdizzjoni tagħha biex jikkonformaw ma’ regoli iktar dettaljati u stretti fl-oqsma kkordinati mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, bil-kondizzjoni li dawn ir-regoli jkunu proporzjonati u mhux diskriminatorji.

2.   F'każijiet meta l-Iżvizzera

(a)

tkun eżerċitat il-libertà tagħha skont il-paragrafu 1.b li tadotta regoli aktar dettaljati jew aktar stretti ta’ interess pubbliku ġenerali; u

(b)

tqis li xandar taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru tal-Unjoni jipprovdi xandira televiżiva li hija kompletament jew fil-biċċa l-kbira tagħha diretta lejn it-territorju tagħha,

hija tkun tista’ tikkuntattja lill-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni bil-ħsieb li tinkiseb soluzzjoni reċiprokament sodisfaċenti għal kwalunkwe problema kkaġunata. Meta tasal talba ġġustifikata mill-Isvizzera, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jitlob lix-xandar biex jikkonforma mar-regoli ta’ interess pubbliku ġenerali in kwistjoni. Fi żmien xahrejn, l-Istat Membru li jkollu l-ġurisdizzjoni għandu jgħarraf lill-Isvizzera bir-riżultati miksuba wara din it-talba. Kemm l-Isvizzera kif ukoll l-Istat Membru jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tistieden lill-partijiet ikkonċernati għal laqgħa ad-hoc mal-Kummissjoni fil-marġini tal-Kumitat ta’ Kuntatt biex ikun eżaminat il-każ.

3.   Meta l-Isvizzera tqis:

(a)

li r-riżultati miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-paragrafu 2 m’humiex sodisfaċenti; u

(b)

li x-xandar ikkonċernat stabbilixxa lilu nnifsu fl-Istat Membru li jkollu ġurisdizzjoni sabiex jevita r-regoli aktar stretti, fl-oqsma koordinati mid-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, li jkunu applikabbli għalih li kieku kien stabbilit fl-Isvizzera,

tista’ tieħu l-miżuri xierqa kontra x-xandar ikkonċernat.

Miżuri bħal dawn għandhom ikunu oġġettivament meħtieġa, applikati b’mod mhux diskriminatorju u jkunu proporzjonati mal-objettivi li huma jfittxu li jwettqu.

4.   L-Isvizzera tista’ tieħu miżuri skont il-paragrafu 1.a jew il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin biss:

(a)

hija tkun innotifikat lill-Kumitat Konġunt u lill-Istat Membru li fih huwa stabbilit ix-xandar bl-intenzjoni tagħha li tieħu miżuri bħal dawn filwaqt li tissostanzja r-raġunijiet li fuqhom tkun qed tibbaża l-evalwazzjoni tagħha; u

(b)

il-Kumitat Konġunt ikun iddeċieda li l-miżuri jkunu proporzjonati u mhux diskriminatorji, u b’mod partikolari li evalwazzjonijiet li jkunu saru mill-Isvizzera skont il-paragrafi 2 u 3 jkunu sostanzjati korrettement.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, … .

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE

Il-Kap tad-Delegazzjoni Svizzera


(1)  ĠU L 303, 21.11.2007, p. 11.

(2)  ĠU L 303, 21.11.2007, p. 20.

(3)  ĠU L 332, 18.12.2007, p. 27.


Top