EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023O0818

Linja Gwida (UE) 2023/818 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-5 ta’ April 2023 li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/671 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (BĊE/2023/8)

ECB/2023/8

ĠU L 102, 17.4.2023, p. 59–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/guideline/2023/818/oj

17.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 102/59


LINJA GWIDA (UE) 2023/818 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-5 ta’ April 2023

li temenda l-Linja Gwida (UE) 2019/671 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (BĊE/2023/8)

IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u b’mod partikolari l-Artikoli 12.1 u 14.3 tiegħu,

Billi:

(1)

Fit-8 ta’ Settembru 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jaġġusta temporanjament ir-remunerazzjoni tad-depożiti miżmuma mal-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (minn hawn ’il quddiem il-“BĊNi”) li jaġixxu bħala aġenti fiskali skont l-Artikolu 21.2 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, kif speċifikat fil-Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2019/7) (1). Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30) (2) implimentat dan il-qafas temporanju billi stabbiliet il-limitu massimu tar-remunerazzjoni ta’ tali depożiti bir-rata tal-faċilità ta’ depożitu jew ir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR), skont liema minnhom tkun l-aktar baxxa. Id-Deċiżjoni (UE) 2022/1521 (BĊE/2022/30) mhijiex ser tibqa’ fis-seħħ wara t-30 ta’ April 2023.

(2)

Fis-6 ta’ Frar 2023, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li mill-1 ta’ Mejju 2023 il-limitu massimu tar-remunerazzjoni applikabbli għal tali depożiti miżmuma mal-BĊNi se jiġi aġġustat sabiex fir-rigward tad-depożiti tal-gvern għajr id-depożiti tal-gvern relatati ma’ programm ta’ aġġustament jiġi stabbilit bir-rata tal-euro fuq terminu qasir (€STR) nieqes 20 punt bażi, u li titneħħa l-possibbiltà ta’ remunerazzjoni aktar favorevoli tad-depożiti tal-gvern sa ċertu limitu. Din id-deċiżjoni għandha l-għan li tipprovdi inċentivi għal tnaqqis gradwali u ordnat ta’ dawk id-depożiti miżmuma mal-BĊNi, u b’hekk timminimizza r-riskju ta’ effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq u tiżgura t-trażmissjoni bla xkiel tal-politika monetarja.

(3)

Fit-12 ta’ Mejju 2022, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jnaqqas il-frekwenza tal-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) li għandha tiġi ppreżentata mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) lill-Kunsill Governattiv, minn sena għal sentejn. Konsegwentement, huwa xieraq li l-frekwenza li biha l-BĊNi jinfurmaw lill-BĊE bl-arranġamenti organizzattivi relatati titnaqqas ukoll minn sena għal sentejn.

(4)

Għalhekk, il-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IL-LINJA GWIDA:

Artikolu 1

Emendi

Il-Linja Gwida (UE) 2019/671 (BĊE/2019/7) hija emendata kif ġej:

(1)

fl-Artiklu 3, il-paragrafu 4 huwa mibdul b’li ġej:

“4.   Il-BĊNi għandhom jinformaw lill-BĊE dwar l-arranġamenti stabbiliti skont dan l-Artikolu darba kull sentejn.”

;

(2)

fl-Artikolu 4, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

“1.   Ir-remunerazzjoni tad-depożiti tal-gvern għandha tkun soġġetta għal-limiti massimi li ġejjin:

(a)

fil-każ ta’ depożiti tal-gvern denominati f’euro, minbarra depożiti tal-gvern relatati ma’ programm ta’ aġġustament:

(i)

għal depożiti tal-gvern mil-lum għall-għada, ir-rata tas-suq mil-lum għall-għada mhux iggarantita nieqes 20 punt bażi;

(ii)

għal depożiti tal-gvern b’terminu fiss, ir-rata tas-suq iggarantita b’maturità komparabbli nieqes 20 punt bażi jew jekk dan ma jkunx disponibbli, ir-rata tas-suq mil-lum għall-għada mhux iggarantita nieqes 20 punt bażi;

(b)

fil-każ ta’ depożiti tal-gvern iddenominati f’muniti oħra, għajr id-depożiti tal-gvern relatati ma’ programm ta’ aġġustament, għandu jiġi applikat approċċ komparabbli għall-munita kkonċernata għall-approċċ stabbilit għad-depożiti denominati f’euro, kif stabbilit fil-punt (a) hawn fuq;

(c)

fil-każ ta’ depożiti tal-gvern relatati ma’ programm ta’ aġġustament, l-ogħla minn: (i) żero fil-mija u (ii) ir-rata tas-suq mil-lum għall-għada mhux iggarantita, jew, jekk disponibbli, ir-rata tas-suq iggarantita b’maturità komparabbli, kif applikabbli.”

;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa mibdul b’li ġej:

“1.   Darba kull sentejn il-BĊE għandu jħejji valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ din il-Linja Gwida fis-sentejn preċedenti u jissottomettiha lill-Kunsill Governattiv.”

.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ u implimentazzjoni

1.   Din il-Linja Gwida għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha lill-BĊNi.

2.   Il-BĊNi għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din il-Linja Gwida u japplikawhom mill-1 ta’ Mejju 2023. Huma għandhom jinnotifikaw lill-BĊE dwar it-testi u l-mezzi relatati mal-miżuri speċifikati fl-Artikolu 1, punt (2) sa mhux aktar tard mis-17 ta’ April 2023.

Artikolu 3

Destinatarji

Din il-Linja Gwida hija indirizzata lill-BĊNi.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ April 2023.

Għall-Kunsill Governattiv tal-BĊE

Il-President tal-BĊE

Christine LAGARDE


(1)  Linja Gwida (UE) 2019/671 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta’ April 2019 dwar operazzjonijiet ta’ ġestjoni tal-assi u l-obbligazzjonijiet domestiċi mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊE/2019/7) (ĠU L 113, 29.4.2019, p. 11).

(2)  Deċiżjoni (UE) 2022/1521 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta’ Settembru 2022 dwar aġġustamenti temporanji għar-remunerazzjoni ta’ ċerti depożiti ta’ politika mhux monetarja miżmuma ma’ banek ċentrali nazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2022/30) (ĠU L 236 I, 13.9.2022, p. 1).


Top