Elija las funciones experimentales que desea probar

Este documento es un extracto de la web EUR-Lex

Documento 32022L0362

Il-ħlas li jrid isir minn vetturi biex jużaw it-toroq

Il-ħlas li jrid isir minn vetturi biex jużaw it-toroq

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi

Id-Direttiva (UE) 2022/362 li temenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE u (UE) 2019/520, rigward il-ħlas tal-vetturi għall-użu tal-infrastrutturi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi kif l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jitolbu ħlas mill-vetturi għall-użu tal-infrastruttura tat-toroq tagħhom. Il-ħlasijiet huma maħsuba biex:

  • jistabbilixxu suq intern fit-trasport bit-triq b’kundizzjonijiet ekwi u jiżguraw applikazzjoni uniformi u nondiskriminatorja tar-regoli;
  • issaħħu l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-utent u ta’ min iniġġes iħallas;
  • jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-infrastrutturi tat-toroq;
  • jindirizzaw il-konġestjoni u l-impatti negattivi tat-tniġġis tal-arja u tal-istorbju fuq l-ambjent u s-saħħa;
  • jagħtu spinta lid-dekarbonizzazzjoni tat-trasport billi jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-pjanijiet tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tad-CO2.

PUNTI EWLENIN

  • Id-direttiva tapplika għal:
    • taxxi fuq il-vetturi fuq vetturi ta’ merkanzija tqila;
    • nollijiet* u ħlasijiet tal-utent fuq il-vetturi.
  • Dan ma japplikax għall-vetturi:
    • li jintużaw esklussivament fit-territorji tal-Istati Membri barra mill-Ewropa;
    • irreġistrati fil-Gżejjer Kanarji, Ceuta u Melilla, l-Azores jew Madeira li joperaw esklussivament f’dawk it-territorji jew mal-partijiet principali ta’ Spanja u l-Portugall.

PRINĊIPJI ĠENERALI DWAR IT-TASSAZZJONI FUQ IL-VETTURI

L-Istati Membri:

  • jistabbilixxu l-proċeduri għall-impożizzjoni u l-ġbir tat-taxxi;
  • għandhom jirrispettaw ir-rati minimi tat-taxxa stabbiliti fid-direttiva;
  • jistgħu japplikaw rati ta’ taxxa mnaqqsa jew eżenzjonijiet għall-vetturi:
    • użati għad-difiża nazzjonali jew ċivili, għall-manutenzjoni tat-toroq u użati mis-servizzi tan-nar u servizzi oħra ta’ emerġenza u mill-pulizija,
    • okkażjonalment biss permezz ta’ toroq pubbliċi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni,
    • maqbula b’mod unanimu mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fuq bażi soċjoekonomika.

PRINĊIPJI TA’ ĦLAS ĠENERALI

L-Istati Membri:

  • jistgħu japplikaw nollijiet u ħlasijiet mill-utent fuq:
    • in-network trans-Ewropew tat-toroq u awtostradi oħra taħt kondizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fid-direttiva;
    • toroq oħra, sakemm dawn ma jiddiskriminawx kontra t-traffiku internazzjonali jew jirriżultaw f’tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi;
  • jistgħu japplikaw ħlasijiet b’mod indipendenti għal kategoriji differenti ta’ vetturi (heavy duty, merkanzija tqila, coaches u xarabanks, light duty, light commercial, minibuses u karozzi);
  • jitħallew japplikaw ħlasijiet imnaqqsa jew ineħħuhom kompletament fuq ċerti sezzjonijiet tat-triq, b’mod partikolari f’żoni b’popolazzjoni baxxa;
  • jitħallew japplikaw ħlasijiet tat-triq imnaqqsa jew eżenzjoni għal:
    • vetturi eliġibbli għal tnaqqis jew eżenzjoni mit-taxxa fuq il-vetturi,
    • vetturi użati jew proprjetà ta’ persuni b’diżabilità,
    • vetturi mingħajr emissjonijiet b’massa mgħobbija massima teknikament permissibbli sa 4.25 tunnellati metriċi,
    • vetturi ta’ merkanzija tqila b’massa mgħobbija massima ta’ bejn 3.5 u 7.5 tunnellati metriċi, użati għall-ġarr ta’ materjali għall-użu tas-sewwieq fil-kors tax-xogħol tagħhom fuq bażi ta’ dgħajsa,
    • vetturi heavy-duty eżenti mir-regolament dwar it-takografu;
  • ma għandhomx japplikaw ħlasijiet fuq l-utenti għal vetturi heavy-duty fuq in-network ewlieni tat-trasport trans-Ewropew mill-25 ta’ Marzu 2030;
  • jinformaw lill-Kummissjoni Ewropea mill-inqas 6 xhur qabel japplikaw ħlasijiet tal-infrastruttura ġodda jew mibdula sostanzjalment;
  • jistgħu jagħtu skontijiet jew tnaqqis fit-tariffa għall-infrastruttura lil, pereżempju, utenti frekwenti, biex jirriflettu l-iffrankar fl-ispejjeż amministrattivi;
  • ma jistgħux jagħtu skontijiet jew tnaqqis għal kwalunkwe utent fir-rigward tal-element tal-ħlas għall-ispiża esterna ta’ noll;
  • huma liberi jiffissaw ħlasijiet biex:
    • inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku jew jikkumbattu l-impatti ambjentali tat-trasport bit-triq, inkluża kwalità ħażina tal-arja, f’żoni urbani u inklużi toroq tan-network trans-Ewropej li jaqsmu dawn iż-żoni,
    • jiffinanzjaw installazzjonijiet li jipprovdu enerġija lil vetturi b’emissjonijiet baxxi jew żero u li jiġu imposti fuq tali vetturi;
  • japplikaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal kull ksur ta’ din id-direttiva;
  • iħejju u jippubblikaw, sal-25 ta’ Marzu 2025 u kull 5 snin minn hemm ’il quddiem, rapport dwar in-nollijiet u l-ħlasijiet fuq l-utenti imposti fit-territorju tagħhom.

Nollijiet u ħlasijiet tal-utent:

  • ma għandhomx jiddiskriminaw għar-raġunijiet li ġejjin:
    • in-nazzjonalità ta’ min juża t-triq,
    • il-pajjiż tad-domiċilju tal-operatur tat-trasport jew ir-reġistrazzjoni tal-vettura,
    • l-oriġini jew id-destinazzjoni tal-merkanzija li qed tiġi ttrasportata;
  • huma aktar baxxi għall-karozzi tal-passiġġieri, minibuses u vetturi kummerċjali ħfief li jissodisfaw l-aktar standards stretti tal-emissjonijiet tad-CO2 u tas-sustanzi li jniġġsu;
  • għandhom jitħallsu 24 siegħa kuljum, għall-inqas elettronikament, u jfixklu l-fluss tat-traffiku mill-inqas possibbli.

Il-ħlasjiet tal-utent għandhom:

  • ikunu proporzjonati għaż-żmien tal-użu tal-infrastruttura;
  • ma jaqbżux ir-rati massimi stabbiliti fid-direttiva.

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu l-ħlasijiet li ġejjin.

  • Infrastruttura. Għal vetturi heavy-duty abbażi tal-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż imġarrba (il-kostruzzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp tan-network tal-infrastruttura). Il-ħlas għandu jvarja skont l-emissjonijiet tas-CO2 tal-vettura. Jista’ jvarja biex inaqqas il-konġestjoni, jimminimizza l-ħsara fl-infrastruttura jew jottimizza l-użu tagħha, jew biex jippromwovi s-sikurezza fit-toroq.
  • Spejjeż esterni. Dawn jirriflettu l-ispiża tat-tniġġis tal-arja, l-istorbju u t-tibdil fil-klima ġġenerati minn vetturi heavy-duty.
  • Konġestjoni. Għal sezzjonijiet ta’ toroq affettwati minn konġestjoni u biss matul ħinijiet ta’ volum għoli ta’ traffiku. Il-ħlas japplika b’mod mhux diskriminatorju għall-kategoriji kollha tal-vetturi, bil-possibbiltà li jiġu eżentati minibuses, xarabanks u coaches biex jippromwovu t-trasport kollettiv u l-iżvilupp soċjoekonomiku u l-koeżjoni territorjali.

Il-Kummissjoni:

  • tivvaluta l-impatt tad-direttiva, b’mod partikolari fuq vetturi ħfief, sal-25 ta’ Marzu 2027;
  • tadotta atti ta’ implimentazzjoni u ta’ delega.

MINN META JAPPLIKAW IR-REGOLI?

  • Id-direttiva 1999/62/KE kellha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-1 ta’ Lulju 2000.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/362 għandha tiġi trasposta fil-liġi nazzjonali sal-25 ta’ Marzu 2024.

SFOND

  • It-tassazzjoni u l-ħlasiijet għall-infrastruttura huma importanti biex tinżamm u tiġi żviluppata n-network trans-Ewropew tat-toroq. Il-vetturi heavy-duty għandhom impatt kbir fuq it-toroq u l-ambjent, iżda huma l-vetturi ħfief li huma l-aktar responsabbli għall-emissjonijiet u l-konġestjoni.
  • Id-Direttiva oriġinali 1999/62/KE (Eurovignette) dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerta infrastruttura ġiet emendata tliet darbiet. Aktar reċentement, id-Direttiva (UE) 2022/362 stabbiliet skadenza għat-tneħħija gradwali tal-ħlasijiet ibbażati fuq il-ħin (inkluża l-Eurovignette) użati fuq in-network ewlieni trans-Ewropew. Hija introduċiet ukoll sistema ġdida ta’ ħlasijiet li jvarjaw biex tinkoraġġixxi l-użu ta’ vetturi heavy-duty b’emissjonijiet aktar baxxi ta’ CO2.

TERMINI EWLENIN

Nollijiet. Ħlasijiet ibbażati fuq id-distanza.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas (ĠU L 187, 20.7.1999, pp. 42–50).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 1999/62/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2019/362 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Frar 2022 li jemenda d-Direttivi 1999/62/KE, 1999/37/KE and (UE) 2019/520 fir-rigward tal-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU L 69, 4.3.2022, pp. 1–39).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1242 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi standards tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet tad-CO2 għall-vetturi tqal ġodda u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 595/2009 u (UE) 2018/956 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE (ĠU L 198, 25.7.2019, pp. 202–240).

Id-Direttiva (UE) 2019/520 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta’ pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta’ informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ ħlas ta’ tariffi tat-triq fl-Unjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 91, 29.3.2019, pp. 45–76).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni (UE) 2015/1814 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Ottubru 2015 dwar l-istabbiliment u operazzjoni ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ skambju tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (ĠU L 264, 9.10.2015, pp. 1–5).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, pp. 1–33).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU L 283, 31.10.2003, pp. 51–70).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fi ħdan il-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, pp. 32–46).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 30.06.2022

Fuq