Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Unjoni Ewropea

Il-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar twaqqfet fl-1952. Permezz ta’ storja twila ta’ riformi suċċessivi tat-Trattat, il-Komunità Ekonomika Ewropea flimkien mal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) tal-1958 evolvew fl-Unjoni Ewropea (UE) fl-1992.

L-UE hija kemm proġett politiku kif ukoll forma ta’ organizzazzjoni legali supranazzjonali.

Il-proġett politiku jirrifletti r-rieda tal-Istati Membri tal-UE li joħolqu unjoni dejjem eqreb fost il-popli tal-Ewropa, fejn id-deċiżjonijiet jittieħdu bl-aktar mod trasparenti possibbli u kemm jista’ jkun mill-qrib taċ-ċittadin (l-Artikolu 1 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea).

Biex dan jintlaħaq, l-UE għandha għadd ta’ objettivi:

  • li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tan-nies tagħha;
  • li toffri qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri lin-nies li jgħixu fl-UE;
  • li tistabbilixxi suq intern li jiżgura żvilupp sostenibbli msejjes fuq tkabbir ekonomiku bilanċjat u l-istabbiltà fil-prezzijiet, ekonomija soċjali tas-suq b’kompetittività għolja, filwaqt li timmira għal impjieg sħiħ, il-progress soċjali, il-protezzjoni tal-ambjent u l-promozzjoni tal-avvanzi xjentifiċi;
  • li tiġġieled l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni u li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet u d-drittijiet tat-tfal;
  • li tiggarantixxi l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bejn l-Istati Membri;
  • li tirrispetta d-diversità kulturali u lingwistika tal-Istati Membri u li tipproteġi l-wirt kulturali Ewropew;
  • li tistabbilixxi unjoni ekonomika u monetarja, bl-euro bħala l-munita tagħha;
  • li taġixxi b’konformità mal-valuri tagħha u mal-liġi internazzjonali fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja sabiex tiggarantixxi l-paċi, is-sigurtà, l-iżvilupp sostenibbli, l-iżvilupp tan-nies u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem.

L-UE hija bbażata fuq il-valuri komuni tal-Istati Membri tagħha, li jinkludu r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Id-dikjarazzjoni mill-Istati Membri dwar is-simboli tal-UE tiddefinixxi s-simboli li jesprimu s-sens ta’ komunità tan-nies fl-UE u l-fedeltá tagħhom lejha:

  • il-bandiera (bi tnax-il stilla fuq sfond blu)
  • l-innu (“Ode to Joy” ta’ Ludwig van Beethoven)
  • il-motto (“Magħqudin fid-diversità”)
  • il-munita (l-euro) u
  • Jum l-Ewropa (id-9 ta’ Mejju).

L-UE hija forma ta’ organizzazzjoni legali msejsa l-aktar fuq it-Trattat dwar l-UE u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. L-Istati Membri jikkonferixxu s-setgħat fuq l-UE sabiex jilħqu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom. Il-“metodu tal-UE” (magħruf ukoll bħala l-“metodu Komunitarju”) japplika għal ħafna mill-politiki li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-UE, bl-eċċezzjoni ta’:

  • il-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fuq kwistjonijiet kriminali, fejn l-Istati Membri għandhom dritt ta’ inizjattiva u dritt li jressqu appell quddiem il-Kunsill Ewropew dwar kwistjonijiet leġiżlattivi;
  • il-politika estera u ta’ sigurtà komuni, fejn jipprevali l-metodu intergovernattiv.

Hija għandha qafas istituzzjonali uniku (li jikkonsisti fil-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri. Barra minn hekk, it-Trattat ta’ Lisbona jagħti personalità legali lill-UE.

ARA WKOLL

Top