EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0273

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 273/2013 tad- 19 ta’ Marzu 2013 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

OJ L 84, 23.3.2013, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 02 Volume 024 P. 79 - 82

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2013/273/oj

23.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 84/1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 273/2013

tad-19 ta’ Marzu 2013

dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u speċjalment Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa neċessarju li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawn ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija totalment jew parzjalment ibbażata fuqha jew li żżid xi suddiviżjoni addizzjonali magħha u li hija stabbilita minn dispożizzjonijiet tal-Unjoni speċifiċi, bl-għan li jkun hemm l-applikazzjoni ta’ tariffi u ta’ miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jkun stipulat li informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa li nħarġet mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni ta’ oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda, iżda li mhijiex skont dan ir-Regolament, tkun tista’, għal perjodu ta’ tliet xhur, tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (2).

(5)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella li tinsab fl-Anness għandhom ikunu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

Artikolu 2

Informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffa, maħruġa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li mhijiex skont dan ir-Regolament, tista’ tkompli tkun invokata għal perjodu ta’ tliet xhur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni, F'isem il-President,

Algirdas ŠEMETA

Membru tal-Kummissjoni

(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 02, p. 382-386).

(2)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 02 Volum 04, p. 307-356).

ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(Kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

1.

Apparat elettroniku (hekk imsejjaħ “analizzatur tal-kompożizzjoni tal-ġisem” li jinkorpora panil ta’ indikazzjoni bid-dimensjonijiet ta’ madwar 30 × 30 × 4 ċm, li fih il-komponenti li ġejjin:

għall-użin: dinamometru (load cell) u hardwer biex jipproċessaw u juru l-piż;

għall-kejl: 2 elettrodi fuq il-wiċċ ta’ fuq tal-miżien, buttuni tal-kontroll u hardwer biex jipproċessaw u jindikaw il-qisien.

Permezz taż-2 elettrodi f’kuntatt mas-saqajn, l-apparat jibgħat kurrenti elettriċi li, bl-użu ta’ karatteristiċi ta’ bioimpedenza, jippermettu lill-apparat jiddetermina, pereżempju, il-persentaġġ ta’ xaħam fil-ġisem, il-persentaġġ ta’ muskolu, il-massa tal-għadam, u l-ilma fil-ġisem.

L-apparat jista wkoll jintuża bħala miżien biss.

L-apparat jista’ jaħżen id-dejta għal 10 utenti. Dan jesebixxi valuri minn żewġ qisien għal kull utent.

L-apparat huwa mfassal għall-użu domestiku.

8423 10 90

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u mit-test tal-kodiċijiet tan-NM 8423 , 8423 10  u 8423 10 90 .

L-apparat huwa oġġett kompost li jikkonsisti minn komponenti klassifikati fil-Kapitolu 84 u l-Kapitolu 90. Bis-saħħa tar-Regola Ġenerali 3(b) għandu jkun ikklassifikat daqslikieku kien jikkonsisti mill-komponent li jagħti lill-apparat il-karatteristika essenzjali tiegħu.

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, jiġifieri s-sistema ta’ kejl b’2 elettrodi biss, jitqies li huwa l-komponent li jiżen li jagħti lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu.

Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 8423 10 90 bħala magna personali tal-użin.

2.

Apparat elettroniku (hekk imsejjaħ “analizzatur tal-kompożizzjoni tal-ġisem”) f’forma ta’ miżien personali li jinkorpora panil ta’ indikazzjoni bil-qisien ta’madwar 36 × 32 × 6 ċm, li jinkludi l-komponenti ewlenin li ġejjin:

għall-użin: dinamometru (load cell) u hardwer biex jipproċessaw u juru l-piż;

għall-kejl: bar tal-idejn li tinqala’ b’4 elettrodi, 4 elettrodi fil-wiċċ ta’ fuq tal-miżien„ buttuni tal-kontroll u hardwer biex jipproċessaw u juru l-qisien.

Permezz tas-sistema tat-tmin elettrodi mqiegħda fl-idejn u taħt is-saqajn, l-apparat jibgħat kurrenti elettriċi bi frekwenza multiplika f’qisien li, bl-użu ta’ karatteristiċi ta’ bioimpedanza, jippermettu lill-apparat jiddetermina, pereżempju, il-persentaġġ ta’ xaħam fil-ġisem, il-massa ta’ xaħam fil-ġisem, l-Indiċi ta’ Massa tal-Ġisem (BMI), il-massa ta’ muskoli skeletali, l-ilma tal-ġisem.

L-apparat jista’ jew jintuża minn professjonisti tas-saħħa fid-dijanjożi tal-piż żejjed jew minn utenti oħra biex jipprovdu informazzjoni dwar il-fiżika tagħhom, jew biex jivverifikaw jew itejbuha għal għanijiet ta’ sport jew ta’ dehra fiżika.

L-apparat jista wkoll jintuża bħala miżien biss.

L-apparat jista’ jaħżen id-dejta għal 99 utent u 300 qies. Id-dejta tista’ tiġi ttrasferita għal magna awtomatika għall-ipproċessar tad-dejta bl-użu ta’ stikka ta’ memorja USB.

9031 80 38

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-Regoli Ġenerali 1, 3(b) u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, u mit-test tal-kodiċijiet tan-NM 9031 , 9031 80  u 9031 80 38 .

Il-klassifikazzjoni taħt l-intestatura 9018 bħala strument jew tagħmir mediku hija eskluża peress li l-apparat ġeneralment ma jintużax fil-prattika professjonali (ara l-ewwel paragrafu tan-Noti Spjegattivi tas-SA mal-intestatura 9018 ).

L-apparat huwa oġġett kompost li jikkonsisti minn komponenti klassifikati fil-Kapitolu 84 u l-Kapitolu 90. Bis-saħħa tar-Regola Ġenerali 3(b) għandu jkun ikklassifikat daqslikieku kien jikkonsisti mill-komponent li jagħti lill-apparat il-karatteristika essenzjali tiegħu.

Minħabba l-karatteristiċi oġġettivi tiegħu, jiġifieri t-teknoloġija tal-kejl użata, għandu jitqies li l-komponent li jkejjel jagħti lill-apparat il-karattru essenzjali tiegħu.

Għalhekk l-apparat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi NM 9031 80 38 bħal strumenti elettroniċi oħra ta’ kejl.

3.

Apparat elettroniku (l-hekk imsejjaħ “analizzatur tal-kompożizzjoni tal-ġisem”) b’bażi ta’ użin u kolonna li fuqha tinsab bord ta’ kontroll li tinkorpora panil ta’ indikazzjoni b’dimensjonijiet ta’ madwar 120 × 87 × 52 ċm, li jinkludi l-komponenti ewlenin li ġejjin:

għall-użin: dinamometru (load cell) u hardwer għall-ipproċessar u li jindika l-piż;

għall-kejl: 2 bars tal-idejn li jinqalgħu b’2 elettrodi kull wieħed, 4 elettrodi fil-wiċċ ta’ fuq tal-miżien, buttuni tal-kontroll u hardwer biex jipproċessaw u juru l-qisien.

Permezz tas-sistema tattili ta’ elettrodi bi 8 punti mqiegħda fl-idejn u taħt is-saqajn, l-apparat jibgħat kurrenti elettriċi b’kejl ta’ frekwenza multiplika li, bl-użu ta’ karatteristiċi ta’ bioimpedanza, tippermetti l-apparat jiddetermina, pereżempju, l-ilma intraċellolari, l-ilma estraċellolari, il-massa ta’ proteina, il-massa ta’ minerali, il-massa ta’ xaħam fil-ġisem, it-total ta’ ilma fil-ġisem, il-massa ħielsa mix-xaħam, l-Indiċi ta’ Massa tal-Ġisem, (BMI), il-massa ta’ muskoli skeletali.

L-apparat huwa mgħammar bil-konnetturi li ġejjin:

RJ45,

USB,

RS232,

25 pin D-sub.

L-apparat jista’ jew jintuża minn professjonisti tas-saħħa fid-dijanjożi tal-piż żejjed jew minn utenti oħra biex jipprovdu informazzjoni dwar il-fiżika tagħhom, jew biex jivverifikaw jew itejbuha għal għanijiet ta’ sport jew ta’ dehra fiżika.

L-apparat jista’ jitqabbad ma’ magna awtomatika li tipproċessa d-dejta jew ma’ printer.

Top