Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R0451

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/451 tal-25 ta’ Novembru 2022 li jispeċifika l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti u mill-kulleġġ superviżorju meta jiġi vvalutat il-pjan ta’ rkupru tal-kontropartijiet ċentrali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/8435

ĠU L 67, 3.3.2023, p. 7–16 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2023/451/oj

3.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 67/7


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/451

tal-25 ta’ Novembru 2022

li jispeċifika l-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-awtorità kompetenti u mill-kulleġġ superviżorju meta jiġi vvalutat il-pjan ta’ rkupru tal-kontropartijiet ċentrali

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(12) tiegħu,

Billi:

(1)

Meta jqisu l-istruttura tal-kapital u l-profil tar-riskju ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex xieraq biex tiġi żgurata l-adegwatezza tar-riżorsi finanzjarji tas-CCP, inkluż fejn meħtieġ biex tiġi żgurata rikapitalizzazzjoni f’waqtha tas-CCP, ir-rikostituzzjoni tar-riżorsi prefinanzjati tagħha, u biex tiġi indirizzata kwalunkwe diskrepanza fil-finanzjament u fil-likwidità.

(2)

Meta jqisu l-kaskata tal-inadempjenza ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jenħtieġ li jikkunsidraw jekk l-istruttura tal-kaskata tal-inadempjenza ta’ dik is-CCP u r-regoli tagħha tal-allokazzjoni tat-telf humiex adegwati biex isostnu x-xenarji kollha previsti ta’ telf minħabba inadempjenza, u jekk dik l-allokazzjoni tat-telf hijiex legalment infurzabbli.

(3)

Meta jqisu l-kumplessità tal-istruttura organizzazzjonali ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw jekk l-istruttura tas-sjieda u l-arranġamenti ta’ governanza ta’ dik is-CCP humiex ċari u prattikabbli biżżejjed biex jikkonfermaw il-fattibbiltà tal-pjan ta’ rkupru u jiżguraw implimentazzjoni bla intoppi tal-miżuri ta’ rkupru.

(4)

Meta jqisu s-sostitwibbiltà tal-attivitajiet ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw kif il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP jipprevedi li parti mis-servizzi tal-ikklirjar tas-CCP jew is-servizzi tal-ikklirjar kollha tas-CCP jistgħu jiġu pprovduti minn CCPs awtorizzati oħra tal-Unjoni jew CCPs rikonoxxuti ta’ pajjiżi terzi biex jiġi mmitigat ir-riskju ta’ tfixkil tas-servizzi li huma essenzjali għall-ekonomija reali u għall-istabbiltà finanzjarja.

(5)

Meta jqisu l-profil tar-riskju ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw il-karatteristiċi tan-negozju u l-governanza u r-riskji legali ta’ dik is-CCP sabiex jivvalutaw jekk dik is-CCP hijiex f’pożizzjoni li twettaq il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ rkupru b’mod rapidu u effiċjenti, irrispettivament mill-ispeċifiċitajiet tas-CCP.

(6)

Meta jqisu t-tħejjija ta’ CCP biex tiffaċċja stress li jipperikola l-vijabbiltà tas-CCP bl-għan li jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw l-adegwatezza tax-xenarji u l-indikaturi inklużi fil-pjan ta’ rkupru fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet ta’ dik is-CCP biex tiġi żgurata l-kredibbiltà tal-livell ta’ tħejjija tas-CCP biex tiffaċċja stress ta’ dan it-tip.

(7)

Meta jqisu l-mudell tan-negozju ta’ CCP biex jivvalutaw il-pjan ta’ rkupru ta’ dik is-CCP, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw l-idoneità tal-identifikazzjoni tal-funzjonijiet kritiċi f’dak il-pjan ta’ rkupru u kif il-pjan ta’ rkupru jipprevedi li jwettaq bejgħ ta’ assi jew linji tan-negozju biex jantiċipa l-effetti tal-attivazzjoni tal-pjan ta’ rkupru fuq il-membri tal-ikklirjar, il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, u l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni.

(8)

Meta jqisu l-impatt ta’ pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq ċerti entitajiet b’rabta mal-komunikazzjoni, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw l-adegwatezza tal-proċeduri ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP biex jikkondividu l-informazzjoni bl-aktar mod trasparenti possibbli u jimmaniġġjaw reazzjonijiet potenzjalment negattivi tas-suq għad-diffikultajiet tas-CCP.

(9)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq il-membri tal-ikklirjar, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw kif dik is-CCP tevalwa l-kumplessità tas-sħubija tal-ikklirjar tagħha biex tantiċipa l-impatt tal-pjan ta’ rkupru fuq il-klijenti u l-klijenti indiretti tal-membri tal-ikklirjar, u jikkunsidraw l-obbligi kuntrattwali tagħhom fi kwalunkwe xenarju ta’ rkupru.

(10)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq infrastrutturi tas-suq marbuta, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw jekk l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru ta’ dik is-CCP tistax taffettwa l-operazzjonijiet ta’ infrastruttura marbuta sabiex jiġi evalwat kif xieraq l-impatt tal-pjan ta’ riżoluzzjoni f’termini tal-effetti tal-interoperabbiltà.

(11)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-swieq finanzjarji servuti mis-CCP, inklużi ċ-ċentri tan-negozjar, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jikkunsidraw kwalunkwe rabta maċ-ċentri tan-negozjar ta’ dik is-CCP biex jantiċipaw kwalunkwe impatt materjali tal-miżuri ta’ rkupru fuq l-abbiltà ta’ ċentru tan-negozjar li jipproċessa t-tranżazzjonijiet jew jistabbilixxi l-prezzijiet.

(12)

Meta jqisu l-impatt tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u l-Unjoni kollha kemm hi, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji jevalwaw l-impatt tal-miżuri ta’ rkupru fuq entitajiet b’rabtiet materjali ma’ dik is-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-FMIs biex jikkunsidraw kwalunkwe riskju ta’ kontaġju li jista’ jinbet mill-attivazzjoni tal-pjan ta’ rkupru. Jenħtieġ li jqisu wkoll l-adegwatezza tal-inċentivi introdotti mill-pjan ta’ rkupru biex jiżguraw li l-miżuri ta’ rkupru u l-għodod għall-allokazzjoni tat-telf probabbilment jottimizzaw il-probabbiltà ta’ rkupru li jirnexxi, b’allokazzjoni ġusta u proporzjonata tal-kostijiet fost l-azzjonisti ta’ dik is-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom.

(13)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji ppreżentat lill-Kummissjoni mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (“ESMA”, European Securities and Markets Authority).

(14)

L-ESMA żviluppat l-abbozz ta’ standards tekniċi li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament f’kooperazzjoni mas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku. L-ESMA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar dan l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji relatati potenzjali u talbet il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq stabbilit f’konformità mal-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Valutazzjoni tal-istruttura tal-kapital u r-riskju finanzjarju ta’ CCP

Meta jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-istruttura tal-kapital u r-riskju finanzjarju ta’ dik is-CCP, l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk hemmx xi inkonsistenzi bejn l-istruttura tal-kapital tas-CCP u l-miżuri ta’ rkupru mfassla biex jiżguraw rikapitalizzazzjoni f’waqtha tas-CCP fl-eventwalità li l-livell tal-kapital tagħha jaqa’ taħt il-livell limitu ta’ notifika jew ir-rekwiżiti ta’ kapital;

(b)

jekk il-pjan ta’ rkupru jirrappreżentax kif dovut l-ammont addizzjonali ta’ riżorsi proprji ddedikati prefinanzjati msemmija fl-Artikolu 9(14) tar-Regolament (UE) 2021/23;

(c)

jekk, meta jitqiesu t-tipi ta’ prodotti kklirjati, il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru humiex imfassla tajjeb, fattibbli, kredibbli u adatti għas-CCP, biex:

(i)

jirrestawraw il-valur kontabilistiku rikonċiljat u l-kapital tas-CCP;

(ii)

jirrikostitwixxu r-riżorsi prefinanzjati;

(iii)

iżommu aċċess għal sorsi suffiċjenti ta’ likwidità;

(iv)

iżżommu jew jirrestawraw il-vijabbiltà u s-solidità finanzjarja tas-CCP billi jittieħdu ċerti miżuri ta’ rkupru jew jiġu applikati ċerti għodod ta’ rkupru, inklużi għodod għall-allokazzjoni tat-telf bħal sejħiet għal flus għal irkupru, tnaqqis fil-valur tal-qligħ pagabbli mis-CCP lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti, allokazzjoni ta’ pożizzjonijiet u azzjonijiet oħra ta’ likwidità;

(d)

jekk il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru humiex ittestjati kif dovut biex jippermettu l-allokazzjoni u l-identifikazzjoni tal-prezzijiet;

(e)

jekk il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru u l-għodod imsemmija fil-punt (c)(iv) humiex suffiċjentement affidabbli u disponibbli fil-pront fil-każ ta’ avvenimenti ta’ rkupru idjosinkratiċi u fis-sistema kollha;

(f)

jekk il-pjan ta’ rkupru jistabbilixxix arranġamenti biex jiġu indirizzati kemm id-diskrepanzi fil-finanzjament kif ukoll id-diskrepanzi temporanji fil-likwidità, u jispeċifikax l-arranġamenti ta’ likwidità disponibbli għas-CCP;

(g)

jekk il-miżuri fil-pjan ta’ rkupru jqisux il-mudell tal-marġnijiet u l-proċessi tal-marġnijiet kif ukoll il-qafas tal-kollateral, inkluża lista ta’ kollateral aċċettat u telf tal-kollateral fis-CCP, u b’mod partikolari dawn kollha li ġejjin:

(i)

l-ammont massimu ta’ marġnijiet miġbura mis-CCP;

(ii)

fejn applikabbli, għal kull fond tal-inadempjenza tas-CCP, il-kontribuzzjonijiet massimi meħtieġa għall-fond tal-inadempjenza;

(iii)

stima tal-akbar ammont totali li jista’ jsir dovut f’obbligi ta’ pagament f’jum wieħed fl-eventwalità ta’ inadempjenza ta’ wieħed jew tnejn mill-akbar membri tal-ikklirjar uniċi u l-affiljati tagħhom f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli;

(iv)

il-possibbiltà li jiġu trasferiti riżorsi jew likwidità bejn il-linji tan-negozju;

(h)

jekk il-pjan ta’ rkupru jipprevedix l-użu ta’ faċilitajiet permanenti tal-bank ċentrali u jidentifikax b’mod ċar l-assi li jkunu mistennija jikkwalifikaw bħala kollateral skont it-termini tal-faċilità tal-bank ċentrali.

Artikolu 2

Valutazzjoni tal-kaskata tal-inadempjenza ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-kaskata tal-inadempjenza ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-kaskata tal-inadempjenza u l-perkorsi differenti tal-propagazzjoni tat-telf humiex speċifikati b’mod ċar u jekk il-konsegwenzi ta’ kwalunkwe telf humiex immudellati f’konformità mar-regoli li jallokaw dak it-telf, inklużi l-arranġamenti bejn is-CCP u l-membri tal-ikklirjar tagħha u l-qafas ġenerali tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP, bħall-ġabra tar-regoli tas-CCP;

(b)

jekk ir-riskji legali rilevanti ġewx ivvalutati u indirizzati fl-iżgurar tal-infurzabbiltà tal-kaskata, inkluż fir-rigward tal-membri tal-ikklirjar li huma domiċiljati f’ġuriżdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 3

Valutazzjoni tal-istruttura organizzazzjonali ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-livell tal-kumplessità tal-istruttura organizzazzjonali billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-istruttura tas-sjieda tas-CCP tistax taffettwa l-pjan ta’ rkupru;

(b)

kif l-istruttura tas-sjieda tas-CCP hija riflessa fl-istrutturi tal-inċentivi jew fil-proċessi tad-deċiżjonijiet tas-CCP;

(c)

kif ir-rekwiżiti rigward is-sidien fl-ambitu tal-pjan ta’ rkupru jistgħu jaffettwaw il-pjan ta’ rkupru, inkluż meta l-ftehimiet ta’ appoġġ kuntrattwali tal-grupp jew tal-impriża prinċipali jiffurmaw parti mill-pjan ta’ rkupru, u jivvalutaw b’mod partikolari:

(i)

l-affidabbiltà u l-infurzabbiltà ta’ tali appoġġ;

(ii)

jekk il-pjan ta’ rkupru jikkunsidrax u jindirizzax b’mod xieraq każijiet fejn tali ftehimiet ta’ appoġġ ma jistgħux jiġu onorati;

(d)

jekk ir-rabtiet tas-CCP ma’ kwalunkwe entità li tappartjeni għall-istess grupp humiex suffiċjentement ivvalutati biex jiġi żgurat li kwalunkwe riskju ta’ kontaġju li jista’ jfeġġ fl-eventwalità li kwalunkwe kumpanija tal-grupp tkun soġġetta għal restrizzjonijiet finanzjarji jew tkun inadempjenti, jiġi kontabilizzat, u jivvalutaw kif dawk ir-rabtiet jista’ jkollhom impatt fuq l-applikabbiltà tal-miżuri fil-pjan ta’ rkupru;

(e)

jekk il-politiki u l-proċeduri li jirregolaw l-approvazzjoni tal-pjan ta’ rkupru u l-identifikazzjoni tal-persuni fl-organizzazzjoni responsabbli għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru humiex adatti, ċari u prattikabbli;

(f)

jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex konsistenti mal-istruttura tal-governanza korporattiva tas-CCP u mal-proċessi tad-deċiżjonijiet u l-governanza interna tas-CCP;

(g)

jekk il-kumplessità tal-organizzazzjoni interna tas-CCP tistax tkun ta’ xkiel għal azzjonijiet f’waqthom jew jekk huwiex probabbli li l-proċessi jitmexxew b’mod effiċjenti bi ktajjen ċari ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar;

(h)

jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex ċar u prattikabbli f’dawk li huma proċeduri u pjanijiet ta’ azzjoni, inklużi proċeduri għal proċessi tad-deċiżjonijiet, skedi ta’ kuntatt dettaljati minn kwalunkwe persuna rilevanti għall-proċess tal-pjan ta’ rkupru, kapaċitajiet ta’ aċċess remot u aċċessibbiltà għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, u jekk il-pjan ta’ rkupru għandux proċeduri biex jaċċessa persuni ewlenin kemm fuq il-post kif ukoll lil hinn minnu;

(i)

jekk il-pjan ta’ rkupru huwiex effettivament inkluż, fejn meħtieġ, fir-regoli operattivi tas-CCP;

(j)

jekk is-CCP għandhiex fis-seħħ regoli u proċeduri xierqa biex tittestja l-pjan ta’ rkupru tagħha mal-membri tal-ikklirjar tagħha fuq bażi regolari, u fejn possibbli, biex jidentifikaw il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti.

Artikolu 4

Valutazzjoni tas-sostitwibbiltà tal-attivitajiet ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tas-sostitwibbiltà tal-attivitajiet ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru qiesx jekk CCPs oħrajn awtorizzati jew rikonoxxuti skont l-Artikolu 14 jew l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jipprovdux xi wħud mis-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti mis-CCP jew kollha kemm huma;

(b)

il-punt sa fejn il-pjan ta’ rkupru jipprovdi dettalji, bl-użu tal-informazzjoni disponibbli għas-CCP, dwar kif is-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti minn CCP oħra ġew identifikati u jekk tali servizzi identifikati minn CCPs oħrajn humiex servizzi stabbiliti jew servizzi tal-ikklirjar stabbiliti ġodda;

(c)

fejn il-pjan ta’ rkupru jipprevedi l-portabbiltà tat-tranżazzjonijiet jew it-trasferiment ta’ attivitajiet mhux kritiċi, parzjalment jew kompletament, lil fornitur ta’ servizz ieħor, u:

(i)

jekk din il-possibbiltà hijiex ippreżentata b’valutazzjoni tal-vijabbiltà tagħha, bl-użu tal-informazzjoni disponibbli għas-CCP;

(ii)

kif il-pjan ta’ rkupru jipprovdi għall-eventwalità li l-implimentazzjoni ta’ tali portabbiltà tat-tranżazzjonijiet jew it-trasferiment ta’ attivitajiet mhux kritiċi ma jkunux possibbli.

Artikolu 5

Valutazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ CCP

1.   L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-profil tar-riskju ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru tas-CCP jinkludix u jipprovdix, b’mod kumplessiv, miżuri xierqa biex jiġu indirizzati tipi differenti ta’ riskju, u kombinazzjonijiet plawżibbli tagħhom, li jistgħu jirrikjedu l-użu tal-għodod ta’ rkupru msemmija fl-Artikolu 1, il-punt (c)(iv);

(b)

jekk ir-riskju ta’ tħarbit li joriġina kemm mis-CCP kif ukoll minn entitajiet u fornituri ta’ servizzi oħra li għalihom tkun esposta s-CCP, inkluż l-ikklirjar, l-investiment, il-kustodja u l-pagamenti, huwiex ivvalutat u mmitigat fil-pjan ta’ rkupru;

(c)

jekk il-pjan ta’ rkupru jqisx in-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tas-CCP u kif dawn l-elementi huma riflessi fil-miżuri proposti mis-CCP;

(d)

jekk is-CCP tistax tapplika b’mod indipendenti l-pjan ta’ rkupru mingħajr interferenza minn entitajiet oħra fl-istess grupp korporattiv u, fejn possibbli, jekk kwalunkwe effett kollaterali fuq entitajiet oħra tal-grupp u kwalunkwe interdipendenza finanzjarja humiex identifikati b’mod ċar;

(e)

jekk il-pjan ta’ rkupru jqisx ir-riskji ambjentali u r-riskju ta’ attakki ċibernetiċi li jistgħu jwasslu għal deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni finanzjarja tas-CCP u kwalunkwe riskju ieħor identifikat fl-eżerċizzji tat-testijiet tal-istress imwettqa f’konformità mal-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, fejn rilevanti għall-pjan ta’ rkupru;

(f)

jekk ir-riskji legali ġewx ivvalutati fil-pjan ta’ rkupru, u b’mod partikolari jekk il-miżuri kollha fil-pjan ta’ rkupru humiex legali, validi, vinkolanti u infurzabbli;

(g)

jekk l-arranġamenti, il-ftehimiet u l-kuntratti, inklużi r-regoli operattivi tas-CCP u l-ftehimiet mal-fornituri tas-servizzi, humiex ċari, legali, validi, vinkolanti u infurzabbli u azzjonabbli biex jiġi żgurat li r-riskji tal-kontestazzjonijiet ġuridiċi u l-kawżi l-qorti jiġu ġestiti u minimizzati;

(h)

jekk inġabrux opinjonijiet legali, fejn meħtieġ, biex tiġi ppruvata l-validità legali u l-infurzabbiltà tal-miżuri u l-ftehimiet ta’ rkupru, b’mod partikolari fejn il-kontroparti għall-ftehim tkun tinsab f’pajjiż terz;

(i)

jekk, meta l-bord tas-CCP ikun iddeċieda li ma jimxix mal-parir tal-kumitat tar-riskju meta japprova l-pjan ta’ rkupru tas-CCP, ir-raġuni pprovduta mis-CCP kemm lill-membri tal-kumitat tar-riskju kif ukoll lill-awtorità kompetenti tagħha f’konformità mal-Artikolu 9(18) tar-Regolament (UE) 2021/23, hijiex adegwata.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (a), it-tipi ta’ riskju li għandhom jitqiesu għandhom jinkludu, skont is-CCP, ir-riskji operazzjonali, tal-kreditu, tal-likwidità, tan-negozju ġenerali, tal-kustodja, tas-saldu, tal-investiment, tas-suq, sistemiċi, ambjentali u klimatiċi.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (c), l-aspetti msemmija f’dak il-punt jistgħu jiġu vvalutati fil-pjan ta’ rkupru billi jitqiesu l-aspetti kollha li ġejjin tan-negozju tas-CCP:

(a)

it-tip ta’ strumenti finanzjarji kklirjati jew li għandhom jiġu kklirjati mis-CCP;

(b)

l-istrumenti finanzjarji kklirjati jew li għandhom jiġu kklirjati mis-CCP li huma soġġetti għall-obbligu tal-ikklirjar imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c)

il-valuri medji kklirjati mis-CCP fuq sena, għal kull tip ta’ prodott u skont il-munita kemm f’termini assoluti, kif ukoll f’termini relattivi għall-kapital tas-CCP, fil-livell ta’ kull membru tal-ikklirjar u, fejn possibbli, ta’ kull klijent;

(d)

jekk it-tranżazzjonijiet ikklirjati mis-CCP humiex eżegwiti f’ċentru tan-negozjar tal-UE, f’ċentru tan-negozjar ta’ pajjiż terz meqjus ekwivalenti f’konformità mal-Artikolu 2a tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jew OTC;

(e)

l-Istati Membri fejn is-CCP tipprovdi, jew biħsiebha tipprovdi, servizzi u attivitajiet transfruntiera oħra tas-CCP.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-profil tar-riskju tas-CCP fir-rigward tat-tħejjija tas-CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-iskeda ta’ żmien, ix-xenarji u l-indikaturi li jinsabu fil-pjan ta’ rkupru. Meta jwettqu din il-valutazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-applikazzjoni ppjanata u l-istrateġija mfassla tal-pjan ta’ rkupru:

(i)

jirriflettux il-profil tar-riskju tas-CCP li jirriżulta mill-mudell tan-negozju u t-taħlita ta’ prodotti tagħha, inklużi kunsiderazzjonijiet dwar il-likwidità tas-suq, il-konċentrazzjoni tas-suq, ir-rwol tal-membri tal-ikklirjar diretti u l-klijenti tagħhom, il-metodoloġiji tas-saldu, il-muniti u s-sigħat tal-ikklirjar tagħha, kif ukoll iċ-ċentri tan-negozjar servuti;

(ii)

iqisux l-istruttura speċifika u l-istruttura organizzazzjonali tas-CCP, inklużi kunsiderazzjonijiet dwar is-segregazzjoni tal-kaskata tal-inadempjenza tagħha u l-possibbiltajiet ta’ aggregazzjoni tar-riskji bejn is-servizzi kollha;

(iii)

iqisux id-dipendenzi tas-CCP fuq entitajiet rilevanti, inklużi entitajiet tal-grupp relatati u partijiet terzi;

(b)

jekk il-qafas tal-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi inkluż fil-pjan ta’ rkupru jidentifikax iċ-ċirkostanzi li l-miżuri fil-pjan ta’ rkupru għandhom jittieħdu fihom.

Artikolu 7

Valutazzjoni tal-profil tar-riskju tas-CCP fir-rigward tal-mudell tan-negozju

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tar-riskju operazzjonali tal-mudell tan-negozju ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-funzjonijiet kritiċi tas-CCP humiex identifikati kif suppost;

(b)

jekk l-arranġamenti ta’ tħejjija biex jiġi ffaċilitat il-bejgħ tal-assi jew tal-linji tan-negozju, kif previst fil-pjan ta’ rkupru, humiex adatti għas-CCP, filwaqt li jitqiesu dawn kollha li ġejjin:

(i)

jekk il-proċessi għad-determinazzjoni tal-valur u l-kummerċjabbiltà tal-linji tan-negozju ewlenin, l-operazzjonijiet u l-assi tas-CCP humiex adatti għal valutazzjoni rapida u affidabbli;

(ii)

jekk il-perjodu ta’ żmien previst għat-tħejjija tal-bejgħ huwiex xieraq meta wieħed iqis it-tip ta’ strumenti kklirjati u l-ambitu tal-bejgħ;

(iii)

jekk il-valutazzjoni tal-impatt potenzjali ta’ tali bejgħ fuq l-operazzjonijiet tas-CCP tkunx tirrifletti l-operazzjonijiet speċifiċi tas-CCP, jiġifieri t-tip ta’ prodotti kklirjati jew il-metodi ta’ marġinazzjoni applikabbli għall-prodotti u l-istrutturi tal-kontijiet;

(iv)

jekk l-impatt tal-arranġamenti ta’ tħejjija tal-linji tan-negozju fuq il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, fejn ikun possibbli li jiġu identifikati, huwiex suffiċjentement ivvalutat u jekk xi effetti negattivi humiex mitigati;

(c)

meta s-CCP tikklirja diversi prodotti, jekk is-CCP ikkunsidratx il-potenzjal li tissepara l-bejgħ bejn il-prodotti, u jekk kwalunkwe impediment ġiex identifikat bħala effett ta’ tali separazzjoni jew jekk kwalunkwe effett ieħor fuq il-pjan ta’ rkupru ġiex identifikat minħabba tali bejgħ isseparat;

(d)

jekk l-għadd u l-importanza ta’ rabtiet differenti mal-entitajiet, inklużi l-fornituri tal-likwidità, il-banek tas-saldu, il-pjattaformi, il-kustodji, l-aġenti tal-investiment, il-banek jew il-fornituri tas-servizzi ġewx ivvalutati fil-pjan ta’ rkupru u kif dawn ir-rabtiet għandhom impatt fuq il-miżuri ta’ rkupru u l-effettività tal-pjan ta’ rkupru;

(e)

jekk is-sinifikat jew il-materjalità ta’ kull rabta ġewx ivvalutati, inkluż f’termini ta’ volumi kklirjati u l-iskoperturi finanzjarji skont dawk l-arranġamenti;

(f)

jekk xi arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni li jkopru parti min-negozju ewlieni tas-CCP ġewx suffiċjentement ivvalutati u jekk ġewx mitigati xi riskji identifikati;

(g)

kif l-infurzabbiltà legali tal-pjan ta’ rkupru fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi ta’ arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni kif imsemmi fil-punt (f) ġiet ivvalutata u jekk kwalunkwe inabbiltà tal-fornitur ta’ tali arranġamenti esternalizzati li jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont l-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni ġietx ivvalutata b’mod sodisfaċenti u kif dawk ir-riskji ġew mitigati fil-pjan ta’ rkupru.

Artikolu 8

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv fuq ċerti entitajiet b’rabta ma’ pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni ta’ CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni ta’ dik is-CCP billi jikkunsidraw l-impatt kumplessiv li l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru jkollha fuq l-entitajiet jew is-swieq imsemmija fl-Artikolu 10(3), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2021/23, u b’mod partikolari billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP jikkonformax mat-Taqsima A, il-punt (3), tal-Anness tar-Regolament (UE) 2021/23, u b’mod partikolari jekk il-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP:

(i)

jipprevedix kif l-informazzjoni għandha tiġi kondiviża bl-aktar mod trasparenti possibbli mal-partijiet ikkonċernati tas-CCP, inklużi l-membri tal-ikklirjar u s-suq finanzjarju b’mod ġenerali;

(ii)

jipprovdix gwida ċara dwar kif għandhom jiġu mmaniġġjati l-aspettattivi u jipprevedix li jimminimizza r-reazzjonijiet potenzjalment negattivi tas-suq meta l-informazzjoni tiġi ddivulgata;

(b)

jekk il-pjan ta’ komunikazzjoni u divulgazzjoni tas-CCP fihx proċeduri ċari għal kif u meta għandha tiġi kondiviża l-informazzjoni ma’ entitajiet differenti, filwaqt li jipprovdi deskrizzjonijiet ċari ta’ kif tali proċeduri qiesu r-rekwiżiti legali u rekwiżiti vinkolanti oħra.

Artikolu 9

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq il-membri tal-ikklirjar, il-klijenti tagħhom, u l-klijenti indiretti

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru fir-rigward tal-impatt kumplessiv tiegħu fuq il-membri tal-ikklirjar tas-CCP u, fejn dik l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP, fuq il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, inkluż meta dawn il-klijenti u l-klijenti indiretti jkunu ġew iddeżinjati bħala istituzzjonijiet oħra sistemikament importanti (O-SIIs, other systemically important institutions), billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru jirriflettix b’mod korrett il-kumplessità tas-sħubija tal-ikklirjar tas-CCP, inklużi dawn kollha li ġejjin:

(i)

il-livell ta’ kklirjar tal-klijenti fis-CCP;

(ii)

l-għadd ta’ membri tal-ikklirjar stabbiliti:

(1)

fil-ġuriżdizzjoni tas-CCP;

(2)

fi Stat Membru ieħor;

(3)

f’pajjiż terz;

(iii)

il-konċentrazzjoni tas-sħubija;

(b)

jekk il-pjan ta’ rkupru qiesx l-impatt kumplessiv fuq il-membri tal-ikklirjar u, fejn dik l-informazzjoni tkun disponibbli għas-CCP, fuq il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, ta’ tħarbit possibbli tas-servizzi tal-ikklirjar ipprovduti mis-CCP, inklużi l-impatti potenzjali fuq l-aċċess għall-ikklirjar u effetti oħra li jirriżultaw mir-regoli operattivi tas-CCP;

(c)

jekk il-pjan ta’ rkupru qiesx l-effett potenzjali tal-miżuri maqbula li għandhom jittieħdu taħt il-pjan ta’ rkupru fuq il-membri tal-ikklirjar u, fejn rilevanti, fuq il-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti;

(d)

jekk, skont ir-regoli operattivi tas-CCP, kull obbligu finanzjarju jew kuntrattwali jkollux il-qbil tal-membri tal-ikklirjar u, fejn rilevanti, tal-klijenti tagħhom u l-klijenti indiretti, inkluż dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont tal-obbligu, jekk jiġix applikat xi limitu massimu jew xi livell limitu, jekk l-ammont jikkorrispondix għal somma miftiehma minn qabel jew huwiex se jinħadem bħala funzjoni tal-iskoperturi tal-membru jew tal-klijent u kif se jintalbu tali r-riżorsi.

Artikolu 10

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv ta’ pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq FMIs marbuta

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-impatt kumplessiv tiegħu fuq kwalunkwe infrastruttura tas-suq finanzjarju marbuta (FMI, financial market infrastructure), billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk il-pjan ta’ rkupru jivvalutax l-impatt potenzjali tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru fuq kwalunkwe CCP interoperabbli u fuq kwalunkwe FMI oħra marbuta mas-CCP, billi jivvaluta s-sinifikat tal-involviment tas-CCP f’dawk l-entitajiet;

(b)

jekk il-pjan ta’ rkupru jindirizzax xi ftehimiet ta’ interoperabbiltà jew ta’ marġinazzjoni inkroċjata ma’ CCPs oħra u l-ambitu ta’ tali arranġamenti, inklużi l-volumi kklirjati u r-riżorsi finanzjarji skambjati bħala parti minn dawn l-arranġamenti;

(c)

jekk l-impatt tal-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe waħda mill-miżuri taħt il-pjan ta’ rkupru jistax jaffettwa l-aċċess għal FMIs oħra, u fejn jiġu identifikati impedimenti jew limitazzjonijiet, kif dawn jiġu mitigati;

(d)

jekk l-FMIs marbuta u l-partijiet ikkonċernati li, f’każ li l-pjan ta’ rkupru jkun ġie implimentat, iġarrbu telf, iġarrbu kostijiet jew jikkontribwixxu biex ikopru n-nuqqasijiet ta’ likwidità, kinux involuti fil-proċess tat-tfassil ta’ dak il-pjan b’mod effettiv u sodisfaċenti f’konformità mal-Artikolu 9(16) tar-Regolament (UE) 2021/23.

Artikolu 11

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-swieq finanzjarji, inklużi ċ-ċentri tan-negozjar, servuti mis-CCP

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-impatt kumplessiv tiegħu fuq is-swieq finanzjarji, inklużi ċ-ċentri tan-negozjar, servuti mis-CCP, billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-impatt potenzjali tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ rkupru fuq iċ-ċentri tan-negozjar kif ukoll kwalunkwe sors ieħor ta’ negozjar konness mas-CCP ġiex ivvalutat fil-pjan ta’ rkupru, inkluża valutazzjoni tas-sinifikat tal-involviment tas-CCP f’dawk l-entitajiet u jekk l-impatt jirrappreżentax theddida għall-istabbiltà tal-entitajiet ikkonċernati;

(b)

jekk is-CCP tipprovdix, minbarra s-servizzi tal-ikklirjar, kwalunkwe servizz ieħor jew anċillari materjali jew sinifikattiv marbut mal-ikklirjar, u jekk kwalunkwe miżura skont il-pjan ta’ rkupru jistax ikollha impatt fuq is-suq finanzjarju servut mis-CCP, fejn is-CCP tipprovdi tali servizzi oħra jew anċillari materjali jew sinifikattivi.

Artikolu 12

Valutazzjoni tal-impatt kumplessiv ta’ pjan ta’ rkupru ta’ CCP fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-impatt kumplessiv fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi, billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-impatt potenzjali tal-pjan ta’ rkupru ġiex ivvalutat, fuq:

(i)

l-istabbiltà finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi li tfeġġ b’riżultat ta’ effetti ta’ kontaġju possibbli, inkluż f’termini ta’ riskji ta’ kreditu, likwidità jew operazzjonali għall-parteċipanti tal-ikklirjar u l-FMIs interdipendenti;

(ii)

is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi li tirriżulta minn entità waħda jew aktar marbuta mas-CCP jew mis-CCP stess li tkun ġarrbet l-impatt tal-pjan ta’ rkupru;

(b)

jekk, biex jiġi vvalutat l-impatt usa’ tar-riskju sistemiku tal-pjan ta’ rkupru, jiġux ikkunsidrati r-riżultati tal-analiżijiet imwettqa minn żmien għal żmien mill-ESMA u jsirux riflessjonijiet dwarhom fil-pjan ta’ rkupru, fejn rilevanti għall-pjan ta’ rkupru, u jekk kwalunkwe sejba jew tħassib rilevanti huwiex mitigat, kemm jista’ jkun, f’dak il-pjan;

(c)

jekk ir-rabtiet materjali mal-entitajiet, inklużi l-fornituri tal-likwidità, il-banek tas-saldu, il-pjattaformi, il-kustodji, l-aġenti tal-investiment, il-banek jew il-fornituri tas-servizzi ġewx ikkunsidrati billi jiġi vvalutat kif il-pjan ta’ rkupru jista’ jkollu impatt fuq l-operazzjonijiet tal-entitajiet konnessi, u jekk il-miżuri li jinsabu fil-pjan ta’ rkupru humiex adatti u fattibbli għall-entitajiet b’rabtiet materjali identifikati jew jistax ikollhom impatt negattiv materjali fuq is-sistema finanzjarja ta’ kwalunkwe Stat Membru u tal-Unjoni kollha kemm hi;

(d)

jekk il-fornituri tal-likwidità, fejn ikunu taħt superviżjoni mill-awtorità kompetenti tas-CCP jew sa fejn tkun disponibbli informazzjoni dwar l-iskoperturi tal-likwidità tagħhom, iwasslux għal skoperturi ta’ likwidità kkonċentrati minħabba r-rwoli multipli li dawk il-fornituri tal-likwidità jista’ jkollhom għal diversi CCPs, inkluż bħala membru tal-ikklirjar, bank tal-pagamenti, bank tal-investiment, kustodju, jew fornitur ta’ arranġament ta’ garanzija ta’ kontinġenza tal-likwidità.

Artikolu 13

Inċentivi

L-awtoritajiet kompetenti u l-kulleġġi superviżorji għandhom jivvalutaw l-adegwatezza tal-pjan ta’ rkupru ta’ CCP fir-rigward tal-ħolqien ta’ inċentivi xierqa sabiex is-sidien tas-CCP, il-membri tal-ikklirjar, u fejn possibbli l-klijenti tagħhom, kif rilevanti, jikkontrollaw l-ammont ta’ riskju li dawk is-sidien tas-CCP, il-membri tal-ikklirjar u l-klijenti tagħhom jintroduċu jew iġarrbu fis-sistema, jimmonitorjaw l-attivitajiet tat-teħid tar-riskji u tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP u jikkontribwixxu għall-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tas-CCP, billi jikkunsidraw il-fatturi kollha li ġejjin:

(a)

jekk l-inċentivi jżidux il-probabbiltà ta’ rkupru b’suċċess u jekk il-pjan ta’ rkupru jispeċifikax l-inċentivi għal partijiet ikkonċernati differenti, billi jipprovdi eżempji, fejn rilevanti, ta’ kif il-kontribuzzjonijiet volontarji jew fakultattivi, minbarra l-kontribuzzjonijiet miftiehma skont ir-regoli operattivi tas-CCP, jistgħu jiġu mħeġġa fi żminijiet ta’ kriżi;

(b)

jekk is-sejħiet għal riżorsi, kontribuzzjonijiet jew l-allokazzjonijiet tal-ispejjeż assoċjati mal-pjan ta’ rkupru joħolqux l-inċentivi xierqa għas-CCP, il-membri tal-ikklerjar tagħha, il-klijenti tagħhom, u l-klijenti indiretti sa fejn dawn il-klijenti diretti u indiretti jkunu magħrufa, l-azzjonisti u entitajiet oħra fl-istess grupp, jaġixxu b’mod li jimminimizza r-riskji u l-ispejjeż potenzjali;

(c)

jekk l-istruttura tal-proċess ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tinċentivax il-parteċipazzjoni fil-ġestjoni tal-inadempjenza tal-membri tal-ikklirjar u tal-klijenti tagħhom bl-użu ta’ għodod ta’ rkupru u mir-riżorsi li għandhom jiġu pprovduti lis-CCP f’irkupru, inklużi penali fil-każ ta’ nuqqas li jiġu pprovduti, fejn ikun hemm qbil, riżorsi impenjati, inkluż il-forniment ta’ persunal issekondat biex jassisti fil-ġestjoni tal-irkupru jew biex jinvolvi ruħu f’offerti kompetittivi f’irkant;

(d)

jekk l-arranġamenti u l-miżuri għall-irkantijiet tal-pożizzjonijiet tal-membri inadempjenti jinċentivawx biżżejjed lill-membri tal-ikklirjar mhux inadempjenti biex joffru b’mod kompetittiv u humiex organizzati tajjeb u jekk dawk l-arranġamenti u l-miżuri joħolqux l-inċentivi previsti fil-pjan ta’ rkupru;

(e)

jekk ir-rabta bejn l-attività tal-membri tal-ikklirjar u t-telf potenzjali tagħhom li jirriżulta mill-pjan ta’ rkupru toħloqx inċentiv xieraq biex l-irkupru jirnexxi aktar probabbli, inkluż jekk it-telf jew limitu massimu fuq it-telf potenzjali humiex proporzjonati għal metrika fuq l-attività tal-membru, abbażi tal-marġni ta’ varjazzjoni, il-marġni inizjali, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza jew metrika oħra bbażata fuq ir-riskju u l-attività;

(f)

jekk il-mekkaniżmi tas-CCPs biex jinvolvu l-FMIs u l-partijiet ikkonċernati marbuta, li jġarrbu telf, iġarrbu kostijiet jew jikkontribwixxu biex ikopru n-nuqqasijiet ta’ likwidità f’każ li l-pjan ta’ rkupru jkun ġie implimentat, fil-proċess tat-tfassil tal-pjan ta’ rkupru u l-parteċipazzjoni f’diskussjonijiet rilevanti dwar il-ġestjoni tar-riskju, humiex organizzati tajjeb u joħolqu inċentivi xierqa biex jiżguraw il-bilanċ bejn l-interessi tal-FMIs marbuta u l-partijiet ikkonċernati;

(g)

jekk l-involviment tal-membri tal-ikklirjar, u possibbilment tal-klijenti, jew ta’ entitajiet oħra marbuta mas-CCP fil-forniment ta’ servizzi, biex tiġi indirizzata l-mitigazzjoni tat-telf fil-każ ta’ rkupru, jinkorporax l-inċentivi t-tajba biex is-CCP tiġi pprovduta b’servizzi xierqa, inkluż li taġixxi bħala kontroparti repo u tipprovdi likwidità.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Novembru 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 22, 22.1.2021, p. 1.

(2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1).


Top