Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022R0519

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/519 tal-14 ta’ Jannar 2022 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-proteina għall-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/99

ĠU L 104, 1.4.2022, p. 58–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/519/oj

1.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 104/58


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/519

tal-14 ta’ Jannar 2022

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/127 fir-rigward tar-rekwiżiti tal-proteina għall-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 (2) jistabbilixxi, fost l-oħrajn, ir-rekwiżiti dwar il-kompożizzjoni għall-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina. Dan jipprevedi li l-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-kontenut tal-proteina, l-oriġini tal-proteina, u l-ipproċessar tal-proteina kif ukoll mar-rekwiżiti għall-aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli u L-karnitina kif stabbilit fil-punt 2.3 tal-Anness I u l-punt 2.3 tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament.

(2)

Kif iddikjarat fil-permessi tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127, fl-opinjoni tiegħu tal-24 ta’ Lulju 2014 dwar il-kompożizzjoni essenzjali tal-formuli tat-trabi u ta’ prosegwiment (3), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) innotat li s-sikurezza u l-adegwatezza ta’ kull formula speċifika li fiha l-idroliżati tal-proteina għandha tiġi stabbilita bl-evalwazzjoni klinika fil-popolazzjoni fil-mira. L-Awtorità ddikjarat ukoll li formula waħda biss li fiha l-proteini tax-xorrox parzjalment idrolizzati ġiet evalwata b’mod pożittiv mill-Awtorità sa issa. Il-kompożizzjoni tal-formula evalwata mill-Awtorità tikkorrispondi għar-rekwiżiti attwalment stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/127. Madankollu, dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiġu aġġornati sabiex jiġi permess it-tqegħid fis-suq tal-formula manifatturata mill-idroliżati tal-proteina b’kompożizzjoni differenti minn dik li diġà ġiet evalwata b’mod pożittiv, wara evalwazzjoni każ b’każ tas-sikurezza u l-adegwatezza tagħhom mill-Awtorità.

(3)

Fl-20 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Danone Trading ELN B.V. għall-evalwazzjoni tas-sikurezza u l-adegwatezza mill-Awtorità tal-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata minn idroliżat tal-proteina li l-kompożizzjoni tiegħu ma tikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fil-punt 2.3 tal-Anness I u l-punt 2.3 tal-Anness II tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127.

(4)

Fuq talba mill-Kummissjoni, l-Awtorità ħarġet opinjoni xjentifika fit-28 ta’ Novembru 2020 dwar is-sikurezza u l-adegwatezza nutrizzjonali tal-idroliżat tal-proteina speċifiku li ġej mill-konċentrat ta’ proteina tax-xorrox u li jintuża fil-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-proteina idrolizzata minn Danone Trading ELN B.V (4). L-Awtorità kkonkludiet li l-idroliżat tal-proteina ikkonċernat huwa sors ta’ proteina nutrizzjonalment sikur u adegwat għall-użu fil-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment, sakemm il-formula li tintuża fih ikun fiha minimu ta’ 0,55 g/100 kJ (2,3 g/100 kcal) proteina u tikkonforma ma’ kriterji kompożizzjonali oħra stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 u d-disinn tal-aċidu amminiku li jinsab fit-Taqsima A tal-Anness III ta’ dak ir-Regolament.

(5)

Filwaqt li jitqiesu l-konklużjonijiet tal-opinjoni tal-Awtorità tal-2020, huwa xieraq li jiġi permess it-tqegħid fis-suq tal-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżat tal-proteina kkonċernat. Għalhekk, jenħtieġ li r-rekwiżiti għall-idroliżati tal-proteina stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/127 jiġu aġġornati u adattati biex jinkludu wkoll ir-rekwiżiti li jikkonċernaw dan l-idroliżat tal-proteina.

(6)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2016/127 jipprevedi li d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-formula tat-trabi u ta’ prosewgiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina għandhom japplikaw mill-22 ta’ Frar 2022. Sabiex tippermetti li l-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manifatturata mill-proteina idrolizzata f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament tibqa’ fis-suq minn dik id-data, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza.

(7)

Għalhekk jenħtieġ li l-Annessi I, II u III tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 jiġu emendati skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Jannar 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/127 tal-25 ta’ Settembru 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ rekwiżiti speċifiċi dwar il-kompożizzjoni u l-informazzjoni tal-formula tat-trabi u tal-formula ta’ prosegwiment u fir-rigward ta’ rekwiżiti dwar l-informazzjoni dwar it-tmigħ tat-trabi u tat-tfal żgħar (ĠU L 25, 2.2.2016, p. 1).

(3)  Il-Bord tal-NDS tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar il-Prodotti Djetetiċi, in-Nutrizzjoni u l-Allerġiji), 2014. Scientific Opinion on the essential composition of infant and follow-on formulae. EFSA Journal 2014; 12(7):3760.

(4)  Il-Bord tal-NDS tal-EFSA (Il-Bord tal-EFSA dwar in-Nutrizzjoni, l-Ikel Ġdid u l-Allerġeni tal-Ikel), 2020. Nutritional safety and suitability of a specific protein hydrolysate derived from whey protein concentrate and used in an infant and follow-on formula manufactured from hydrolysed protein by Danone Trading ELN B.V. EFSA Journal 2020;18(11):6304.


ANNESS

L-Annessi I, II u III tar-Regolament Delegat (UE) 2016/127 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness I, il-punt 2.3 hu sostitwit b’dan li ġej:

“2.3.

Il-formula tat-trabi manifatturata mill-idroliżati tal-proteina

Il-formula tat-trabi manifatturata mill-idroliżati tal-proteina għandha tikkonforma jew mar-rekwiżiti relatati mal-proteina previsti skont il-punt 2.3.1., jew mar-rekwiżiti relatati mal-proteina previsti skont il-punt 2.3.2.”

“2.3.1.

Rekwiżiti relatati mal-proteina grupp A”

“2.3.1.1.

Il-kontenut tal-proteina

Minimu

Massimu

0,44  g/100  kJ

0,67  g/100  kJ

(1,86  g/100  kcal)

(2,8  g/100  kcal)

2.3.1.2

L-oriġini tal-proteina

Proteina demineralizzata tax-xorrox ħelu li ġejja mill-ħalib tal-baqar wara l-preċipitazzjoni enżimatika ta’ kaseini bl-użu tal-kimożina, magħmula minn:

(a)

63 % iżolati tal-proteina tax-xorrox mingħajr kaseina-glikomakropeptidu b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 95 % ta’ materja niexfa u denaturazzjoni ta’ proteina ta’ inqas minn 70 % u kontenut massimu ta’ rmied ta’ 3 %; kif ukoll

(b)

37 % konċentrat ħelu ta’ proteina tax-xorrox b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 87 % ta’ materja niexfa u denaturazzjoni ta’ proteina ta’ inqas minn 70 % u kontenut massimu ta’ rmied ta’ 3,5 %.

2.3.1.3

L-ipproċessar tal-proteina

Proċess ta’ idroliżi f’żewġ stadji bl-użu ta’ preparazzjoni ta’ tripsina bi stadju ta’ trattament ta’ sħana (minn 3 sa 10 minuti fi 80 sa 100 C) bejn iż-żewġ stadji ta’ idroliżi.

2.3.1.4

Aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli u L-karnitina

Għal valur enerġetiku ugwali, il-formula tat-trabi manifatturata mill-idroliżati tal-proteina jrid ikun fiha kwantità disponibbli ta’ kull aċidu amminiku indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli li jkun ugwali tal-anqas għal dak li jinsab fil-proteina ta’ referenza kif stabbilit fit-Taqsima B tal-Anness III. Madankollu għall-finijiet tal-kalkolu, il-konċentrazzjoni ta’ metijonina u ta’ ċisteina jistgħu jiżdiedu flimkien jekk il-proporzjon ta’ metijonina:ċisteina ma jkunx aktar minn 2, u l-konċentrazzjoni ta’ fenilalanina u ta’ tirożina jistgħu jiżdiedu flimkien jekk il-proporzjon ta’ tirożina:fenilalanina ma jkunx aktar minn 2. Il-proporzjon ta’ metijonina:ċisteina u ta’ tirożina:fenilalanina jista’ jkun akbar minn 2, sakemm l-adegwatezza tal-prodott ikkonċernat għat-trabi tkun murija f’konformità mal-Artikolu 3(3).

Il-kontenut ta’ L-karnitina għandu jkun mill-inqas ugwali għal 0,3 mg/100 kJ (1,2 mg/100 kcal).”

“2.3.2.

Rekwiżiti relatati mal-proteina grupp B”

“2.3.2.1.

Il-kontenut tal-proteina

Minimu

Massimu

0,55  g/100  kJ

0,67  g/100  kJ

(2,3  g/100  kcal)

(2,8  g/100  kcal)

2.3.2.2

L-oriġini tal-proteina

Proteina tax-xorrox li ġejja mill-ħalib tal-baqar, li tikkonsisti minn:

(a)

77 % xorrox aċiduż, li ġej mill-konċentrat ta’ proteina tax-xorrox b’kontenut ta’ proteina ta’ 35 sa 80 %;

(b)

23 % xorrox ħelu, li ġej mix-xorrox ħelu demineralizzat b’kontenut ta’ proteina minimu ta’ 12,5 %.

2.3.2.3

L-ipproċessar tal-proteina

Il-materjal sors jiġi idratat u msaħħan. Wara l-istadju tat-trattament bis-sħana, l-idroliżi titwettaq f’pH ta’ 7,5 sa 8,5 u temperatura ta’ 55 sa 70 C bl-użu ta’ taħlita ta’ enzimi ta’ serina endopeptidażi u kumpless ta’ enzima proteażi/peptidażi. L-enzimi tal-ikel jiġu inattivati fi stadju ta’ trattament bis-sħana (minn 2 sa 10 sekondi f’120 sa 150 C) matul il-proċess tal-produzzjoni.

2.3.2.4

Aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli u L-karnitina

Għal valur enerġetiku ugwali, il-formula tat-trabi manifatturata mill-idroliżati tal-proteina jrid ikun fiha kwantità disponibbli ta’ kull aċidu amminiku indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli li jkun ugwali tal-anqas għal dak li jinsab fil-proteina ta’ referenza kif stabbilit fit-Taqsima A tal-Anness III. Madankollu għall-finijiet tal-kalkolu, il-konċentrazzjoni ta’ metijonina u ta’ ċisteina u jistgħu jiżdiedu flimkien jekk il-proporzjon ta’ metijonina: ċisteina ma jkunx aktar minn 2, u l-konċentrazzjoni ta’ fenilalanina u ta’ tirożina jistgħu jiżdiedu flimkien jekk il-proporzjon ta’ tirożina:fenilalanina ma jkunx aktar minn 2. Il-proporzjon ta’ metijonina:ċisteina u ta’ tirożina:fenilalanina jista’ jkun akbar minn 2, sakemm l-adegwatezza tal-prodott ikkonċernat għat-trabi tkun murija f’konformità mal-Artikolu 3(3).

Il-kontenut ta’ L-karnitina għandu jkun mill-inqas ugwali għal 0,3 mg/100 kJ (1,2 mg/100 kcal).”

(2)

Fl-Anness II, il-punt 2.3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.3.

Il-formula ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina

Il-formula ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina għandha tikkonforma jew mar-rekwiżiti relatati mal-proteini previsti skont il-punt 2.3.1., jew mar-rekwiżiti relatati mal-proteina previsti skont il-punt 2.3.2.

2.3.1.

Rekwiżiti relatati mal-proteina grupp A

2.3.1.1

Il-kontenut tal-proteina

Minimu

Massimu

0,44  g/100  kJ

0,67  g/100  kJ

(1,86  g/100  kcal)

(2,8  g/100  kcal)

2.3.1.2

L-oriġini tal-proteina

Proteina demineralizzata tax-xorrox ħelu li ġejja mill-ħalib tal-baqar wara l-preċipitazzjoni enżimatika ta’ kaseini bl-użu tal-kimożina, magħmula minn:

(a)

63 % iżolati tal-proteina tax-xorrox mingħajr kaseina-glikomakropeptidu b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 95 % ta’ materja niexfa u denaturazzjoni ta’ proteina ta’ inqas minn 70 % u kontenut massimu ta’ rmied ta’ 3 %; kif ukoll

(b)

37 % konċentrat ħelu ta’ proteina tax-xorrox b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 87 % ta’ materja niexfa u denaturazzjoni ta’ proteina ta’ inqas minn 70 % u kontenut massimu ta’ rmied ta’ 3,5 %.

2.3.1.3

L-ipproċessar tal-proteina

Proċess ta’ idroliżi f’żewġ stadji bl-użu ta’ preparazzjoni ta’ tripsina bi stadju ta’ trattament ta’ sħana (minn 3 sa 10 minuti fi 80 sa 100 C) bejn iż-żewġ stadji ta’ idroliżi.

2.3.1.4

Aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli u L-karnitina

Għal valur enerġetiku ugwali, il-formula ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina jrid ikun fiha kwantità disponibbli ta’ kull aċidu amminiku indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli li jkun ugwali tal-anqas għal dak li jinsab fil-proteina ta’ referenza kif stabbilit fit-Taqsima B tal-Anness III. Madankollu għall-finijiet tal-kalkolu, il-konċentrazzjoni ta’ metijonina u ta’ ċisteina u l-konċentrazzjoni ta’ fenilalanina u ta’ tirożina jistgħu jiżdiedu flimkien.”

“2.3.2.

Rekwiżiti relatati mal-proteina grupp B”

“2.3.2.1.

Il-kontenut tal-proteina

Minimu

Massimu

0,55  g/100  kJ

0,67  g/100  kJ

(2,3  g/100  kcal)

(2,8  g/100  kcal)

2.3.2.2

L-oriġini tal-proteina

Proteina tax-xorrox li ġejja mill-ħalib tal-baqar, li tikkonsisti minn:

a)

77 % xorrox aċiduż, li ġej mill-konċentrat ta’ proteina tax-xorrox b’kontenut ta’ proteina ta’ 35 sa 80 %;

b)

23 % xorrox ħelu, li ġej mix-xorrox ħelu demineralizzat b’kontenut minimu ta’ proteina ta’ 12,5 %.

2.3.2.3

L-ipproċessar tal-proteina

Il-materjal sors jiġi idratat u msaħħan. Wara l-istadju tat-trattament bis-sħana, l-idroliżi titwettaq f’pH ta’ 7,5 sa 8,5 u temperatura ta’ 55 sa 70 C bl-użu ta’ taħlita ta’ enzimi ta’ serina endopeptidażi u kumpless ta’ enzima proteażi/peptidażi. L-enzimi tal-ikel jiġu inattivati fi stadju ta’ trattament bis-sħana (minn 2 sa 10 sekondi f’120 sa 150 C) matul il-proċess tal-produzzjoni.

2.3.2.4

Aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli

Għal valur enerġetiku ugwali, il-formula ta’ prosegwiment manifatturata mill-idroliżati tal-proteina jrid ikun fiha kwantità disponibbli ta’ kull aċidu amminiku indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli li jkun ugwali tal-anqas għal dak li jinsab fil-proteina ta’ referenza kif stabbilit fit-Taqsima A tal-Anness III. Madankollu għall-finijiet tal-kalkolu, il-konċentrazzjoni ta’ metijonina u ta’ ċisteina u l-konċentrazzjoni ta’ fenilalanina u ta’ tirożina jistgħu jiżdiedu flimkien.”

(3)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

it-Taqsima A hija emendata kif ġej:

(i)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment manifatturata mill-proteini tal-ħalib tal-baqar jew tal-mogħoż u l-formula tat-trabi u l-formula ta’ prosegwiment manifatturata mill-iżolati tal-proteina tas-sojja, waħedhom jew f’taħlita mal-proteini tal-ħalib tal-baqar jew tal-mogħoż u l-formula tat-trabi u ta’ prosegwiment manufatturati mill-idroliżati tal-proteina”;

(ii)

is-sentenza introduttorja tiġi sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-punti 2.1. u 2.2 u 2.3.2 tal-Annessi I u II, l-aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli fil-ħalib tal-omm, espressi f’mg għal kull 100 kJ u 100 kcal, huma li ġejjin:”

(b)

fit-Taqsima B, is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“Għall-finijiet tal-punt 2.3.1 tal-Annessi I u II, l-aċidi amminiċi indispensabbli u kundizzjonalment indispensabbli fil-ħalib tal-omm, espressi f’mg għal kull 100 kJ u 100 kcal, huma li ġejjin:”


Top