Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D2307

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/2307 tat-23 ta’ Novembru 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179 fir-rigward tad-deżinjazzjoni u d-disponibbiltà tal-baned tal-frekwenzi 5150-5250 MHz, 5250-5350 MHz u 5470-5725 MHz skont il-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness (notifikata bid-dokument C(2022) 8313) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/8313

    ĠU L 305, 25.11.2022, p. 63–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/2307/oj

    25.11.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 305/63


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/2307

    tat-23 ta’ Novembru 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179 fir-rigward tad-deżinjazzjoni u d-disponibbiltà tal-baned tal-frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz skont il-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness

    (notifikata bid-dokument C(2022) 8313)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettru tar-Radju) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(3) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/179 (2) armonizzat l-użu tal-ispettru tar-radju fil-banda tal-frekwenzi ta’ 5 GHz (5 150-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz) għas-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili, inkluż in-networks taż-żoni lokali bir-radju. Il-bażi teknika għal din id-Deċiżjoni kienet ir-Rapport 79 tal-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet (“CEPT”).

    (2)

    Fi Frar 2022, l-industrija awtomobilistika Ewropea talbet lill-Kummissjoni tikkonferma l-interpretazzjoni tagħha ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179 fir-rigward tal-każijiet tal-użu tal-WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi ta’ 5 GHz fil-vetturi tat-triq. Bl-ittra tad-29 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni tat mandat lis-CEPT biex tistudja l-każijiet tal-użu tal-WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi ta’ 5 GHz fil-vetturi tat-triq identifikati mill-industrija awtomobilistika fil-kuntest tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179.

    (3)

    F’konformità ma’ dik l-ittra ta’ mandat, fid-29 ta’ Ġunju 2022 is-CEPT tat rispons li jikkumplimenta r-Rapport 79 billi pproponiet bidliet fil-kundizzjonijiet tekniċi għall-banda tal-frekwenzi 5 470-5 725 MHz biex tippermetti użu limitat ta’ apparati WAS/RLAN fil-vetturi tat-triq, jiġifieri meta dawn l-apparati jkunu qed joperaw fil-modalità slave u jkunu kkontrollati minn apparat fiss li jopera fil-modalità prinċipali u li jidentifika sinjali tar-radar bit-teknika ta’ mitigazzjoni tal-Għażla tal-Frekwenza Dinamika (DFS). Fid-dawl ta’ dik it-tweġiba, il-Kummissjoni jidhrilha li t-tħaddim ta’ apparati WAS/RLAN installati fil-modalità slave jenħtieġ li jkun permess fil-vetturi tat-triq sakemm dawn ikunu jittrażmettu biss meta jkunu fil-kontroll ta’ apparat WAS/RLAN fiss b’funzjonalità DFS li jopera fil-modalità prinċipali.

    (4)

    Ma ġiet proposta l-ebda bidla mis-CEPT fit-tweġiba tagħha fir-rigward tal-kundizzjonijiet tekniċi għall-WAS/RLANs fil-banda 5 250-5 350 MHz. Skont is-CEPT, it-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN fil-vetturi tat-triq jenħtieġ li ma jkunx permess f’dik il-banda, għax ma jeżisti l-ebda mezz prattiku fis-seħħ li jiżgura li l-vetturi tat-triq ikunu jinsabu effettivament fuq ġewwa u li t-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN fil-vetturi tat-triq ikun, minħabba f’hekk, limitat għall-użu fuq ġewwa. Għaldaqstant, l-użu tal-banda tal-frekwenzi 5 250-5 350 MHz jenħtieġ li jibqa’ “fuq ġewwa biss” biex ikun evitat ir-riskju ta’ interferenza dannuża għas-servizzi stabbiliti f’din il-banda. Il-vetturi speċjalizzati maħsuba biex joperaw biss fuq ġewwa ma jitqisux bħala vetturi tat-triq.

    (5)

    Il-banda 5 150-5 250 MHz diġà hi disponibbli għall-użu fuq ġewwa minn apparati WAS/RLAN, inkluż it-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN fil-vetturi tat-triq abbażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179.

    (6)

    L-elementi li jinsabu fit-tweġiba tas-CEPT għall-ittra ta’ mandat tal-Kummissjoni jistgħu jintużaw bħala bażi għal din id-Deċiżjoni.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tibni fuq il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179 u tiżviluppahom.

    (8)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ispettru tar-Radju,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/179 hija emendata kif ġej:

    (1)

    L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3

    Sat-30 ta’ Ġunju 2023, l-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw u jagħmlu disponibbli l-baned tal-frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz, fuq bażi mhux esklużiva, għall-implimentazzjoni tal-WAS/RLANs f’konformità mal-kundizzjonijiet tekniċi stabbiliti fl-Anness”;

    (2)

    L-Anness huwa sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Thierry BRETON

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/179 tat-8 ta’ Frar 2022 dwar l-użu armonizzat tal-ispettru tar-radju fil-banda ta’ frekwenzi ta’ 5 GHz għall-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inkluż in-networks ta’ żoni lokali bir-radju u li tħassar id-Deċiżjoni 2005/513/KE (ĠU L 29, 10.2.2022, p. 10).


    ANNESS

    “ANNESS

    Kundizzjonijiet tekniċi armonizzati għall-WAS/RLAN fil-baned tal-frekwenzi 5 150-5 250 MHz, 5 250-5 350 MHz u 5 470-5 725 MHz

    Tabella 1

    WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi 5 150 -5 250 MHz

    Parametru

    Kundizzjonijiet tekniċi

    Banda tal-frekwenzi

    5 150 -5 250 MHz

    Operazzjoni permissibbli

    Fuq ġewwa, inkluż installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fil-ferroviji u fl-inġenji tal-ajru, u użu limitat fuq barra (nota 1).

    L-użu minn sistemi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ (UAS) hu limitat għall-banda 5 170 -5 250 MHz.

    Potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti medja massima (e.i.r.p.) għall-emissjonijiet fil-banda

    200 mW

    Eċċezzjonijiet:

    medja massima ta’ 40 mW tapplika għall-installazzjonijiet fil-vaguni tal-ferroviji b’telf medju tal-attenwazzjoni ta’ inqas minn 12 dB;

    medja massima ta’ 40 mW tapplika għall-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq.

    Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    10 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

    Nota 1:

    Jekk jintuża fuq barra, it-tagħmir ma għandux jitwaħħal ma’ antenna fissa fuq barra, ma’ infrastruttura fissa jew mal-karozzerija esterna tal-vetturi tat-triq.

    Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Meta t-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.

    Tabella 2

    WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi 5 250 -5 350 MHz

    Parametru

    Kundizzjonijiet tekniċi

    Banda tal-frekwenzi

    5 250 -5 350 MHz

    Operazzjoni permissibbli

    Użu fuq ġewwa: fil-binjiet biss.

    L-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq, fil-ferroviji u fl-inġenji tal-ajru mhumiex permessi (nota 2).

    L-użu fuq barra mhux permess.

    E.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    200 mW

    Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    10 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

    Tekniki ta’ mitigazzjoni li jridu jintużaw

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC) u għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS).

    Jistgħu jintużaw tekniki alternattivi tal-mitigazzjoni diment li mill-inqas dawn ikunu jiżguraw prestazzjoni u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ispettru biex jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tad-Direttiva 2014/53/UE, u diment li jirrispettaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din id-Deċiżjoni.

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC)

    It-TPC għandu jipprovdi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-potenza tal-output massima permessa tas-sistemi; jew, jekk il-kontroll tal-potenza tat-trażmettitur ma jkunx qed jintuża, l-e.i.r.p medja massima permessa u l-limitu tad-densità tal-e.i.r.p medja korrispondenti għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

    Għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS)

    Id-DFS hija deskritta fir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1 (3) li tiżgura operazzjoni kompatibbli mas-sistemi tar-radjudeterminazzjoni.

    Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura li l-probabbiltà li jintgħażel kanal partikolari tkun l-istess għall-kanali kollha disponibbli fil-baned 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz. Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura wkoll, bħala medja, firxa kważi uniformi tat-tagħbija tal-ispettru.

    Il-WAS/RLAN għandu jimplimenta għażla dinamika tal-frekwenzi li tipprovdi mitigazzjoni kontra l-interferenza għar-radar li mill-inqas tkun effiċjenti daqs id-DFS kif deskritt fl-Istandard tal-ETSI EN 301 893 V2.1.1. Il-konfigurazzjonijiet (hardware u/jew software) tal-WAS/RLAN relatati mad-DFS ma għandhomx ikunu aċċessibbli għall-utent jekk il-bdil ta’ dawk il-konfigurazzjonijiet jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tal-WAS/RLANs mar-rekwiżiti tad-DFS. Dan jinkludi li (a) l-utent ma jitħalliex jibdel il-pajjiż tal-operazzjoni u/jew il-banda tal-frekwenzi operattiva jekk dan jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS u (b) ma jiġux aċċettati software u/jew firmware li jikkawżaw in-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS.

    Nota 2:

    It-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN fl-inġenji tal-ajru kbar () (għajr fil-ħelikopters b’aktar minn magna waħda) hu permess sal-31 ta’ Diċembru 2028 b’e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda ta’ 100 mW.

    Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Meta t-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.

    Tabella 3

    WAS/RLAN fil-banda tal-frekwenzi 5 470 -5 725 MHz

    Parametru

    Kundizzjonijiet tekniċi

    Banda tal-frekwenzi

    5 470 -5 725 MHz

    Operazzjoni permissibbli

    Użu fuq ġewwa u fuq barra.

    Installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq huma permessi biss għall-apparati WAS/RLANs li joperaw fil-modalità slave (4) kkontrollati minn apparat WAS/RLANs fiss b’funzjonalità ta’ Għażla Dinamika tal-Frekwenzi (DFS) li jopera fil-modalità prinċipali. L-installazzjonijiet fil-ferroviji u fl-inġenji tal-ajru u l-użu għall-UAS mhumiex permessi (nota 3).

    E.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    1 W

    Eċċezzjonijiet:

    medja massima ta’ 200 mW tapplika għall-installazzjonijiet fil-vetturi tat-triq.

    Densità e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda

    50 mW/MHz fi kwalunkwe banda ta’ 1 MHz

    Tekniki ta’ mitigazzjoni li jridu jintużaw

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC) u għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS).

    Jistgħu jintużaw tekniki alternattivi tal-mitigazzjoni diment li mill-inqas dawn ikunu jiżguraw prestazzjoni u livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tal-ispettru biex jikkonformaw mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti tad-Direttiva 2014/53/UE, u diment li jirrispettaw ir-rekwiżiti tekniċi ta’ din id-Deċiżjoni.

    Kontroll tal-potenza tat-trażmettitur (TPC)

    It-TPC għandu jipprovdi, bħala medja, fattur ta’ mitigazzjoni ta’ mill-inqas 3 dB fuq il-potenza tal-output massima permessa tas-sistemi; jew, jekk il-kontroll tal-potenza tat-trażmettitur ma jkunx qed jintuża, l-e.i.r.p medja massima permessa u l-limitu tad-densità tal-e.i.r.p medja korrispondenti għandhom jitnaqqsu bi 3 dB.

    Għażla dinamika tal-frekwenzi (DFS)

    Id-DFS hija deskritta fir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1 biex tiġi żgurata l-operazzjoni kompatibbli mas-sistemi tar-radjudeterminazzjoni.

    Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura li l-probabbiltà li jintgħażel kanal partikolari tkun l-istess għall-kanali kollha disponibbli fil-baned 5 250 -5 350 MHz u 5 470 -5 725 MHz Il-mekkaniżmu tad-DFS għandu jiżgura wkoll, bħala medja, firxa kważi uniformi tat-tagħbija tal-ispettru.

    Il-WAS/RLAN għandu jimplimenta għażla dinamika tal-frekwenzi li tipprovdi mitigazzjoni kontra l-interferenza għar-radar li mill-inqas tkun effiċjenti daqs id-DFS kif deskritt fl-Istandard tal-ETSI EN 301 893 V2.1.1. Il-konfigurazzjonijiet (hardware u/jew software) tal-WAS/RLAN relatati mad-DFS ma għandhomx ikunu aċċessibbli għall-utent jekk il-bdil ta’ dawk il-konfigurazzjonijiet jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tal-WAS/RLANs mar-rekwiżiti tad-DFS. Dan jinkludi li (a) l-utent ma jitħalliex jibdel il-pajjiż tal-operazzjoni u/jew il-banda tal-frekwenzi operattiva jekk dan jikkawża n-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS u (b) ma jiġux aċċettati software u/jew firmware li jikkawżaw in-nuqqas ta’ konformità tat-tagħmir mar-rekwiżiti tad-DFS.

    Nota 3:

    It-tħaddim tal-installazzjonijiet WAS/RLAN f’inġenji tal-ajru kbar (ħlief il-ħelikopters b’aktar minn magna waħda), ħlief fil-banda tal-frekwenzi 5 600 -5 650 MHz, hu permess sal-31 ta’ Diċembru 2028 b’e.i.r.p medja massima għall-emissjonijiet fil-banda ta’ 100 mW.

    Għandhom jintużaw tekniki għall-aċċess tal-ispettru u għall-mitigazzjoni tal-interferenzi li jipprovdu livell xieraq ta’ prestazzjoni għall-konformità mar-rekwiżiti essenzjali tad-Direttiva 2014/53/UE. Meta t-tekniki rilevanti jkunu deskritti fi standards armonizzati jew f’partijiet minnhom, li r-referenzi għalihom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea f’konformità mad-Direttiva 2014/53/UE, mill-inqas għandha tkun żgurata prestazzjoni ekwivalenti għal-livell tal-prestazzjoni assoċjat ma’ dawk it-tekniki.


    (1)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

    (2)  F’konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1321/2014, inġenju tal-ajru kbir tfisser inġenju tal-ajru, ikklassifikat bħala ajruplan b’massa massima waqt it-tlugħ ta’ aktar minn 5 700 kg, jew ħelikopter b’aktar minn magna waħda. Madankollu, l-ħelikopters b’aktar minn magna waħda huma esklużi mill-ambitu tan-noti 2 u 3.

    (3)  Ir-Rakkomandazzjoni ITU-R M. 1652-1, “Għażla dinamika tal-frekwenzi fis-sistemi ta’ aċċess mingħajr fili inkluż in-networks taż-żoni lokali bir-radju għall-iskop li jiġi protett is-servizz ta’ radjudeterminazzjoni fil-banda ta’ 5 GHz”.

    (4)  Il-modalitajiet slave u prinċipali huma definiti fl-EN 301 893 V2.1.1.


    Top