This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R2106
Commission Delegated Regulation (EU) 2021/2106 of 28 September 2021 on supplementing Regulation (EU) 2021/241 of the European Parliament and of the Council establishing the Recovery and Resilience Facility by setting out the common indicators and the detailed elements of the recovery and resilience scoreboard
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2106 tat-28 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza billi jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2106 tat-28 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza billi jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza
C/2021/8800
ĠU L 429, 1.12.2021, p. 83–91
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/12/2021
1.12.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 429/83 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2106
tat-28 ta’ Settembru 2021
li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza billi jistabbilixxi l-indikaturi komuni u l-elementi dettaljati tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 29(4), punt (a) u 30(2) tiegħu,
Billi:
(1) |
L-għan tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (“il-Faċilità”) huwa li tipprovdi appoġġ finanzjarju effettiv u sinifikanti biex tiżdied l-implimentazzjoni ta’ riformi sostenibbli u investimenti pubbliċi relatati fl-Istati Membri. Il-Faċilità hija strument dedikat imfassal biex jindirizza l-effetti u l-konsegwenzi negattivi tal-kriżi tal-COVID-19 fl-Unjoni. |
(2) |
Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-implimentazzjoni tal-Faċilità għandha tiġi mmonitorjata u evalwata permezz ta’ indikaturi komuni. Dawn l-indikaturi għandhom jintużaw għar-rappurtar dwar il-progress u għall-fini tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Faċilità lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2021/241. L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-indikaturi komuni. |
(3) |
Skont l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) 2021/241, is-sistema ta’ rappurtar dwar il-prestazzjoni tal-Faċilità għandha tieħu l-forma ta’ tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza (‘it-Tabella ta’ Valutazzjoni’). It-tabella ta’ Valutazzjoni għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri f’kull wieħed mis-sitt pilastri tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Faċilità msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dak ir-Regolament, u fir-rigward tal-indikaturi komuni. It-tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku fil-forma ta’ sit web jew portal tal-Internet u għandha tiġi aġġornata darbtejn fis-sena. |
(4) |
L-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament (UE) 2021/241 huma relatati mill-qrib, peress li l-indikaturi komuni se jiffurmaw parti sinifikanti mill-kontenut tat-Tabella ta’ Valutazzjoni, kif previst fl-Artikolu 30(3) tar-Regolament (UE) 2021/241. Sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn dawk id-dispożizzjonijiet li jenħtieġ li jidħlu fis-seħħ fl-istess ħin, biex tiġi ffaċilitata stampa komprensiva tar-rekwiżiti ta’ rapportar għall-Istati Membri u biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġu inklużi d-dispożizzjonijiet li jissupplimentaw dawk l-Artikoli f’Regolament Delegat wieħed. |
(5) |
It-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha l-għan li tipprovdi b’mod trasparenti informazzjoni sintetika dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Faċilità u l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza kif approvati permezz tad-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni rispettivi tal-Kunsill. Dan għandu jservi bħala bażi għad-Djalogu dwar l-Irkupru u r-Reżiljenza mal-Parlament Ewropew imsemmi fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2021/241. |
(6) |
Skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2021/241, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw darbtejn fis-sena fil-kuntest tas-Semestru Ewropew dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza u dwar l-indikaturi komuni. Sabiex it-Tabella ta’ Valutazzjoni tiġi aġġornata bl-aħħar data disponibbli u bl-istess skeda ta’ żmien għall-Istati Membri kollha, biex b’hekk jiġi żgurat trattament ugwali, jenħtieġ li tali rapportar isir fl-istess ħin għall-Istati Membri kollha, f’allinjament mal-iskeda ta’ żmien tas-Semestru Ewropew. |
(7) |
Il-lista ta’ indikaturi komuni fl-Anness hija mfassla biex tkopri l-pjanijiet kollha għall-irkupru u r-reżiljenza, iżda r-rappurtar minn Stat Membru dwar indikatur komuni speċifiku huwa rilevanti biss sal-punt li jkun hemm miżuri korrispondenti fil-pjan tiegħu. In-nuqqas ta’ rilevanza ta’ indikatur komuni għal pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jenħtieġ li jiġi diskuss bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat. Minħabba li kull indikatur komuni huwa ġeneralment rilevanti għal maġġoranza kbira tal-Istati Membri, huwa mistenni li kull Membru jirrapporta dwar il-biċċa l-kbira tal-indikaturi. |
(8) |
L-indikaturi komuni jenħtieġ li jiġu definiti b’livell suffiċjenti ta’ dettall biex jiġi żgurat li d-data miġbura mill-Istati Membri tkun komparabbli u tkun tista’ tiġi aggregata biex l-implimentazzjoni tal-Faċilità tiġi esibita fil-livell tal-Unjoni. Jekk jiġu esibiti fil-livell tal-Istati Membri individwali, l-indikaturi komuni jenħtieġ li jiġu ppreżentati f’termini relattivi, li jiddependu wkoll fuq data mill-Eurostat, biex jiġi evitat tqabbil qarrieqi bejn l-Istati Membri minħabba d-daqs jew in-natura differenti tal-pjanijiet ta’ rkupru u ta’ reżiljenza. |
(9) |
Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-Kummissjoni u l-Istati Membri kkonċernati għandhom irawmu sinerġiji u jiżguraw koordinazzjoni effettiva bejn il-Faċilità u programmi u strumenti oħra tal-Unjoni. Għalhekk, l-indikaturi inklużi fit-Tabella ta’ Valutazzjoni jenħtieġ li jkunu, sa fejn ikun possibbli, koerenti ma’ dawk użati għal fondi oħra tal-Unjoni. |
(10) |
Skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) 2021/241, il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni għandu jkun immirat u proporzjonat mal-attivitajiet imwettqa taħt il-Faċilità. Is-sistema tar-rappurtar tal-prestazzjoni li għandha l-Kummissjoni għalhekk jenħtieġ li tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet u r-riżultati jinġabru b’mod effiċjenti, effikaċi u fil-ħin. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonati fuq ir-riċevituri tal-finanzjament tal-Unjoni. |
(11) |
L-elementi l-oħra tat-Tabella ta’ Valutazzjoni jenħtieġ li jiġu kkompilati mill-Kummissjoni permezz ta’ informazzjoni miġbura matul il-proċess ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u tal-Faċilità. Dan jenħtieġ li jiżgura l-komparabbiltà tad-data. |
(12) |
Peress li t-Tabella ta’ Valutazzjoni għandha tkun operattiva sal-31 ta’ Diċembru 2021 u sabiex tippermetti għall-applikazzjoni immedjata tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-kontenut tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u r-reżiljenza u l-lista ta’ indikaturi komuni
It-tabella ta’ valutazzjoni għandha turi l-progress tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza f’kull wieħed mis-sitt pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, li għandhom jitkejlu b’mod partikolari permezz ta’:
(a) |
l-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri, li jirriflettu l-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti stabbiliti fid-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni adottati tal-Kunsill, billi jiġu elenkati l-istadji importanti u l-miri li ġew issodisfati b’mod sodisfaċenti, billi jingħadd l-għadd tagħhom, u jintwera l-perċentwal fuq l-għadd totali ta’ stadji importanti u miri stabbiliti f’dawk id-deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. F’dan il-kuntest jista’ jiġi rrappurtat ukoll dwar kif l-issodisfar tal-istadji importanti u l-miri jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi rilevanti, |
(b) |
in-nefqa ffinanzjata mill-Faċilità, ukoll taħt kull wieħed mill-pilastri msemmija fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/241, li tinkorpora nefqiet soċjali bbażati fuq il-metodoloġija definita fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 (2), abbażi tal-analiżi tan-nefqa stmata pprovduta fil-pjanijiet approvati għall-irkupru u r-reżiljenza, |
(c) |
l-istatus ta’ kull pjan għall-irkupru u r-reżiljenza, |
(d) |
il-progress fl-iżborż tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji u s-self, |
(e) |
analiżi tematika tal-miżuri inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza u eżempji li juru l-progress tal-implimentazzjoni taħt is-sitt pilastri, |
(f) |
indikaturi komuni, kif stabbiliti fl-Anness, li jridu jintużaw għar-rappurtar dwar il-progress u għall-fini tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Faċilità lejn l-ilħiq tal-objettivi ġenerali u speċifiċi. |
Artikolu 2
Rappurtar
1. Sabiex it-Tabella ta’ Valutazzjoni, inklużi l-indikaturi komuni, tiġi aġġornata b’mod konsistenti u uniformi darbtejn fis-sena, l-Istati Membri kollha għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni darbtejn fis-sena fil-kuntest tas-Semestru Ewropew dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, inklużi l-arranġamenti operazzjonali, u dwar l-indikaturi komuni.
2. Ir-rappurtar dwar il-progress li jkun sar fil-kisba tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza għandu jsir kull sena, bħala regola, sa nofs April u l-bidu ta’ Ottubru, u mhux aktar tard mit-30 ta’ April u l-15 ta’ Ottubru, rispettivament. Il-perjodu ta’ rapportar għandu jkopri l-perjodu sħiħ ta’ implimentazzjoni tal-pjan, mill-1 ta’ Frar 2020 ’il quddiem, fejn rilevanti.
3. Ir-rappurtar għall-aġġornament tal-indikaturi komuni għandu jsir kull sena sat-28 ta’ Frar u l-31 ta’ Awwissu. Il-perjodu ta’ rapportar għandu jkopri l-perjodu sħiħ ta’ implimentazzjoni tal-pjan, mill-1 ta’ Frar 2020 ’il quddiem, fejn rilevanti, sad-dati ta’ skadenza rispettivi tal-31 ta’ Diċembru u l-30 ta’ Ġunju ta’ kull sena.
Artikolu 3
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17.
(2) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2105 tat-28 ta’ Settembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza bid-definizzjoni ta’ metodoloġija għar-rapportar dwar in-nefqa soċjali (ara l-paġna 79 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).
ANNESS
Lista ta’ Indikaturi Komuni
L-indikaturi komuni se jirriflettu l-progress lejn l-objettivi tal-Faċilità skont ir-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza. Miżura tista’ tikkontribwixxi għal diversi indikaturi komuni. Jekk il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza ta’ Stat Membru ma jkun fih l-ebda miżura li tikkontribwixxi għal xi wħud mill-indikaturi ta’ hawn taħt, l-Istat Membru għandu jiddiskuti mal-Kummissjoni biex jiddeċiedi jekk għandux jirrapporta dwar l-indikatur bħala “mhux applikabbli”.
Numru |
Indikatur komuni relatat mal-appoġġ għall-RRF |
Pilastri RRF |
Spjegazzjoni |
Unità |
1 |
Iffrankar fil-konsum annwali tal-enerġija primarja |
Pilastru 1 Pilastru 3 |
Tnaqqis annwali totali fil-konsum tal-enerġija primarja għal entitajiet appoġġati minħabba sostenn minn miżuri skont il-Faċilità. Il-linja bażi għandha tirreferi għall-konsum annwali tal-enerġija primarja qabel l-intervent, u l-valur miksub għandu jirreferi għall-konsum annwali tal-enerġija primarja għas-sena ta’ wara l-intervent. Għall-binjiet, l-interventi għandhom ikunu dokumentati biżżejjed biex ikunu jistgħu jiġu kkalkulati dawn il-valuri, pereżempju bl-użu ta’ Ċertifikati tal-Prestazzjoni tal-Enerġija jew sistemi oħra ta’ monitoraġġ li jirrispettaw il-kriterji kif stabbiliti fl-Artikolu 10.6 tad-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija). Għall-proċessi fl-intrapriżi, il-konsum annwali tal-enerġija primarja għandu jiġi ddokumentat abbażi ta’ awditi tal-enerġija f’konformità mal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) (id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika) jew speċifikazzjonijiet tekniċi rilevanti oħra. Binjiet pubbliċi għandha tiġi definita bħala binjiet li jkunu proprjetà ta’ awtoritajiet pubbliċi u binjiet li jkunu proprjetà ta’ organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ, kemm-il darba dawn il-korpi jsegwu objettivi ta’ interess ġenerali bħall-edukazzjoni, is-saħħa, l-ambjent u t-trasport. Eżempji jinkludu l-binjiet għall-amministrazzjoni pubblika, l-iskejjel, l-isptarijiet, eċċ. |
MWh/sena |
2 |
Kapaċità operattiva addizzjonali installata għall-enerġija rinnovabbli |
Pilastru 1 Pilastru 3 |
Kapaċità addizzjonali installata għall-enerġija rinnovabbli minħabba s-sostenn minn miżuri skont il-Faċilità, u li hija operazzjonali (jiġifieri konnessa mal-grilja, jekk applikabbli, u totalment lesta biex tipproduċi jew diġà tipproduċi l-enerġija). Kapaċità tal-produzzjoni għandha tiġi definita bħala l-“kapaċità elettrika massima netta” kif definita mill-Eurostat (3). Enerġija rinnovabbli għandha tiġi definita bħala “enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, b’mod partikolari enerġija mir-riħ, solari (solari termiċi u solari fotovoltajċi) u enerġija ġeotermika, enerġija ambjentali, marea, mewġ u enerġija oħra oċeanika, idroenerġija, bijomassa, gass minn landfill, gass minn impjanti għat-trattament tad-drenaġġ, u bijogass.” (ara d-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4)). L-indikatur għandu jkopri wkoll il-kapaċità tal-elettrolizzatur għall-produzzjoni tal-idroġenu mibni bl-appoġġ ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikatur għandu jinġabar u jiġi rrappurtat separatament bejn i) il-kapaċità għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ii) il-kapaċità tal-elettrolizzatur għall-produzzjoni tal-idroġenu |
MW |
3 |
Infrastruttura tal-fjuwils alternattivi (punti ta’ riforniment/irriċarġjar) |
Pilastru 1 Pilastru 3 |
L-għadd ta’ punti ta’ riforniment/irriċarġjar (ġodda jew imtejba) għal vetturi nodfa appoġġati minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. “punt tal-irriċarġjar” għandha tiġi definita bħala interfaċċa, li tista’ tiċċarġja vettura waħda kull darba jew tbiddel batterija ta’ vettura elettrika waħda kull darba. Punt ta’ riforniment tal-fjuwil għandu jirreferi għal faċilità ta’ riforniment għall-forniment ta’ fjuwil alternattiv permezz ta’ installazzjoni fissa jew mobbli. Il-fjuwil alternattiv għandu jiġi definit biex jinkludi fjuwils jew sorsi tal-enerġija li jservu, tal-inqas parzjalment, bħala sostitut għal sorsi ta’ żejt fossili fil-provvista tal-enerġija għat-trasport u li għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tiegħu u jtejbu l-prestazzjoni ambjentali tas-settur tat-trasport u li huma konformi mad-Direttiva 2018/2001 (5). L-indikatur għandu jinġabar u jiġi rrappurtat b’mod separat bejn (i) il-punti tal-irriċarġjar u (ii) il-punti ta’ riforniment. Bħala parti minn dan tal-aħħar, (iii) il-punti ta’ riforniment tal-idroġenu għandhom jiġu rrappurtati separatament. |
Il-punti tar-riforniment/irriċarġjar |
4 |
Popolazzjoni li tibbenefika minn miżuri ta’ protezzjoni kontra l-għargħar, in-nirien forestali u diżastri naturali oħra relatati mal-klima |
Pilastru 1 Pilastru 4 |
Il-popolazzjoni li tgħix f’żoni fejn l-infrastruttura tal-protezzjoni (inklużi l-infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-adattament għat-tibdil fil-klima) hija mibnija jew imtejba b’mod sinifikanti permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità sabiex titnaqqas il-vulnerabbiltà għall-għargħar, in-nirien forestali u riskji naturali oħra relatati mal-klima (maltempati, nixfiet, mewġiet ta’ sħana). L-indikatur għandu jkopri miżuri ta’ protezzjoni, li huma lokalizzati b’mod ċar f’żoni ta’ riskju għoli u li jindirizzaw direttament ir-riskji speċifiċi, għall-kuntrarju ta’ miżuri aktar ġenerali implimentati fil-livell nazzjonali jew reġjonali. Għall-għargħar, l-indikatur għandu jgħodd il-popolazzjoni residenti f’riskju. |
Persuni |
5 |
Abitazzjonijiet addizzjonali b’aċċess għall-Internet ipprovdut permezz ta’ networks b’kapaċità kbira ħafna |
Pilastru 2 Pilastru 4 |
L-għadd totali ta’ abitazzjonijiet b’aċċess għal networks b’kapaċità għolja ħafna, kif definit fil-Linji Gwida tal-BEREC dwar in-Networks ta’ Kapaċità Għolja Ħafna (BoR (20) 165 (6)) li kellhom biss aċċess għal konnessjonijiet aktar bil-mod jew li ma kellhom l-ebda aċċess għall-Internet qabel l-appoġġ permezz ta’ miżuri taħt il-Faċilità. Bħala tali, għandha tikkunsidra wkoll il-kopertura tan-network 5G u l-aġġornamenti għall-veloċità tal-gigabits. L-aċċess imtejjeb għall-Internet għandu jkun konsegwenza diretta tal-appoġġ permezz ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikatur għandu jkejjel l-abitazzjonijiet bil-possibbiltà ta’ aċċess u mhux l-użu effettiv. Abitazzjoni għandha tiġi definita bħala “kamra jew sett ta’ kmamar f’bini permanenti jew parti ta’ bini strutturalment separata (…) hija ddisinjata għall-abitazzjoni minn unità domestika privata waħda s-sena kollha” (7) (ara l-Kummissjoni (Eurostat)). L-indikatur ma jgħoddx abitazzjonijiet kollettivi bħal sptarijiet, djar tal-anzjani, djar residenzjali, ħabsijiet, kwartieri militari, istituzzjonijiet reliġjużi, djar ta’ alloġġ, hostels tal-ħaddiema eċċ. |
Abitazzjonijiet |
6 |
Intrapriżi appoġġati biex jiżviluppaw jew jadottaw prodotti, servizzi u proċessi ta’ applikazzjoni diġitali |
Pilastru 2 Pilastru 3 |
L-għadd ta’ intrapriżi appoġġati biex jiżviluppaw jew jadottaw servizzi, prodotti u proċessi ġodda jew aġġornati b’mod sinifikanti bbażati fuq teknoloġiji diġitali, permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Dan jinkludi teknoloġiji diġitali avvanzati bħall-awtomatizzazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-blockchain, l-infrastrutturi cloud u edge u l-ispazji tad-data, l-informatika quantum u ta’ prestazzjoni għolja. Titjib sinifikanti għandu jkopri biss il-funzjonalitajiet ġodda. L-informazzjoni għandha għalhekk tinġabar separatament (i) għall-intrapriżi appoġġati biex jiżviluppaw teknoloġiji u soluzzjonijiet diġitali u (ii) għall-intrapriżi appoġġati biex jadottaw soluzzjonijiet diġitali biex jittrasformaw is-servizzi, il-prodotti jew il-proċessi tagħhom. L-informazzjoni għandha tinġabar ukoll skont id-daqs tal-intrapriża. Intrapriża għandha tingħadd darba irrispettivament minn kemm drabi tirċievi appoġġ biex tiddiġitalizza permezz ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Intrapriża u d-diżaggregazzjoni skont id-daqs tal-intrapriża għandhom jiġu definiti skont id-definizzjoni adottata għall-indikatur 9. |
Intrapriżi |
7 |
Utenti ta’ servizzi, prodotti u proċessi diġitali pubbliċi ġodda u aġġornati |
Pilastru 2 Pilastru 5 |
L-għadd ta’ utenti tas-servizzi pubbliċi diġitali, tal-prodotti u tal-proċessi żviluppati reċentement jew aġġornati b’mod sinifikanti permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Titjib sinifikanti għandu jkopri biss il-funzjonalitajiet ġodda. L-indikatur għandu jkollu linja bażi ta’ 0 biss jekk is-servizz, il-prodott jew il-proċess diġitali jkunu ġodda. L-utenti jirreferu għall-klijenti tas-servizzi u l-prodotti pubbliċi appena żviluppati jew aġġornati permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità, u għall-persunal tal-istituzzjoni pubblika li juża l-proċessi diġitali appena żviluppati jew li ġew aġġornati b’mod sinifikanti permezz ta’ appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Jekk l-utenti individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati, l-għadd tal-istess klijent li juża servizz online diversi drabi ma għandux jitqies bħala għadd doppju. |
Utenti/sena |
8 |
Riċerkaturi li jaħdmu f’faċilitajiet ta’ riċerka appoġġati |
Pilastru 3 |
L-għadd ta’ riċerkaturi li jużaw direttament, fil-linja ta’ attività tagħhom, il-faċilità ta’ riċerka pubblika jew privata jew it-tagħmir li għalih jingħata appoġġ minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-indikatur għandu jitkejjel f’termini ta’ ekwivalenti annwali full time (FTEs), ikkalkulati skont il-metodoloġija pprovduta fil-Manwal ta’ Frascati tal-OECD tal-2015. L-appoġġ irid itejjeb il-faċilità tar-riċerka jew il-kwalità tat-tagħmir tar-riċerka. Għandhom jiġu esklużi s-sostituzzjonijiet mingħajr żieda fil-kwalità, bħall-manutenzjoni. Il-pożizzjonijiet vakanti tar-R&Ż ma għandhomx jingħaddu, lanqas il-persunal ta’ appoġġ għar-R&Ż (jiġifieri karigi mhux direttament involuti fl-attivitajiet ta’ R&Ż). FTE annwali tal-persunal tar-R&Ż għandha tiġi definita bħala l-proporzjon ta’ sigħat ta’ xogħol attwalment imqatta’ f’R&Ż matul sena kalendarja diviż bl-għadd totali ta’ sigħat maħduma konvenzjonalment fl-istess perjodu minn individwu jew grupp. Bħala konvenzjoni persuna ma tistax twettaq aktar minn FTE wieħed fuq R&Ż fuq bażi biannwali. L-għadd ta’ sigħat maħduma konvenzjonalment għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ sigħat ta’ xogħol normattivi/statutorji. Persuna full time għandha tiġi identifikata b’referenza għall-istatus tal-impjieg tagħha, it-tip ta’ kuntratt (full time jew part time) u l-livell ta’ ingaġġ tagħha fir-R&Ż (ara l-Manwal 2015 ta’ Frascati tal-OECD, il-Kapitolu 5.3). L-indikatur għandu jkun diżaggregat skont il-ġeneru (8). |
Ekwivalenti Annwali għal Full Time |
9 |
Intrapriżi appoġġati (li minnhom żgħar– inklużi mikro, medji u kbar) |
Pilastru 3 |
L-indikatur għandu jgħodd l-intrapriżi kollha li jirċievu appoġġ monetarju jew in natura minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. L-intrapriża għandha tiġi definita bħala l-iżgħar kombinazzjoni ta’ unitajiet legali li hija unità organizzattiva li tipproduċi oġġetti u servizzi, li tibbenefika minn ċertu livell ta’ awtonomija fit-teħid tad-deċiżjonijiet, speċjalment għall-allokazzjoni tar-riżorsi attwali tagħha, li twettaq attività waħda jew aktar f’post wieħed jew aktar. Intrapriża tista’ tkun unità legali unika. L-unitajiet legali għandhom jinkludu persuni ġuridiċi li l-eżistenza tagħhom hija rikonoxxuta mil-liġi indipendentement mill-individwi jew l-istituzzjonijiet li jistgħu jkunu s-sidien tagħhom jew li huma membri tagħhom, bħal soċjetajiet ġenerali, soċjetajiet privati limitati, kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, kumpaniji inkorporati eċċ. L-unitajiet legali għandhom jinkludu wkoll persuni fiżiċi li huma involuti f’attività ekonomika bi dritt proprju, bħas-sid u l-operatur ta’ ħanut jew garaxx, avukat jew persuna tas-sengħa li taħdem għal rasha (il-Kummissjoni (Eurostat), abbażi tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93, Taqsima III A tal-15.3.1993). L-indikatur għandu jinġabar u jiġi rrappurtat skont id-daqs tal-intrapriża. Għall-fini ta’ dan l-indikatur, l-intrapriżi għandhom jiġu definiti bħala organizzazzjonijiet orjentati lejn il-profitt li jipproduċu oġġetti u servizzi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq. Klassifikazzjoni tal-intrapriżi: Intrapriżi żgħar, inklużi dawk mikro (0-49 impjegat u dawk li jaħdmu għal rashom u fatturat annwali -≤ EUR 10 miljun jew karta tal-bilanċ - ≤ EUR 10 miljun); Intrapriżi medji (50-249 impjegat u dawk li jaħdmu għal rashom u fatturat annwali > EUR 10 miljun - ≤ EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ > EUR 10 miljun -≤ EUR 43 miljun); Intrapriżi kbar (> 250 impjegat u dawk li jaħdmu għal rashom u fatturat > EUR 50 miljun jew karta tal-bilanċ > EUR 43 miljun); Jekk wieħed miż-żewġ limiti (impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u l-fatturat/karta tal-bilanċ annwali) jinqabeż, l-intrapriżi għandhom jiġu kkategorizzati fil-kategorija tal-livell li jmiss; (Il-Kummissjoni (Eurostat) abbażi tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (9), l-Anness, l-Artikoli 2-3); Id-daqs tal-intrapriża appoġġata għandu jitkejjel fil-bidu tal-appoġġ. |
Intrapriżi |
10 |
Għadd ta’ parteċipanti f’kors ta’ edukazzjoni jew taħriġ |
Pilastru 2 Pilastru 4 Pilastru 6 |
L-indikatur għandu jqis l-għadd ta’ parteċipanti li qed jirċievu edukazzjoni (ISCED 0-6, tagħlim għall-adulti) u taħriġ (taħriġ barra mill-impjieg/taħriġ fil-post tax-xogħol, edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kontinwi, eċċ.) appoġġati minn miżuri fl-ambitu tal-Faċilità, inklużi parteċipanti fit-taħriġ tal-ħiliet diġitali (10). Għalhekk għandu jinġabar u jiġi rrappurtat skont i) il-parteċipanti li qed jirċievu edukazzjoni jew taħriġ, u minn dawk, ii) il-parteċipanti fit-taħriġ tal-ħiliet diġitali. Għandu wkoll ikun diżaggregat skont il-ġeneru (11) u l-età (12). Il-parteċipanti għandhom jingħaddu meta jidħlu fl-attività ta’ edukazzjoni jew taħriġ. |
Persuni |
11 |
Għadd ta’ persuni f’impjieg jew involuti f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg |
Pilastru 3 Pilastru 4 |
Persuni qiegħda (13) jew inattivi (14) li rċevew appoġġ permezz ta’ miżuri skont l-RRF, u li huma f’impjieg, inkluż impjieg indipendenti, jew li kienu inattivi meta rċevew dak l-appoġġ u li appena ġew involuti f’attivitajiet ta’ tiftix ta’ impjieg, immedjatament wara li rċevew dak l-appoġġ. L-indikatur għandu jkun diżaggregat skont il-ġeneru (15) u l-età (16). “Involuti fit-tiftix ta’ impjieg” għandha tiġi definita bħala persuni normalment mingħajr xogħol, disponibbli għax-xogħol u li jfittxu xogħol b’mod attiv, kif definit fl-indikatur “Qiegħda”. Il-persuni li appena rreġistraw mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi bħala persuni li qed ifittxu impjieg għandhom dejjem jingħaddu anki jekk ma jkunux disponibbli immedjatament għax-xogħol. |
Persuni |
12 |
Kapaċità tal-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa ġodda jew modernizzati |
Pilastru 4 Pilastru 5 |
L-għadd massimu annwali ta’ persuni li jistgħu jiġu servuti minn faċilità tal-kura tas-saħħa ġdida jew modernizzata minħabba appoġġ permezz ta’ miżuri skont il-Faċilità mill-inqas darba matul perjodu ta’ sena. Il-modernizzazzjoni ma għandhiex tinkludi r-rinnovazzjoni tal-enerġija jew il-manutenzjoni u t-tiswijiet. Il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa għandhom jinkludu sptarijiet, kliniċi, ċentri tal-kura outpatient, ċentri tal-kura speċjalizzata eċċ. |
Persuni/sena |
13 |
Kapaċità fil-klassi ta’ faċilitajiet ġodda jew modernizzati għall-indukrar tat-tfal u għat-tagħlim |
Pilastru 4 Pilastru 6 |
Il-kapaċità tal-klassijiet f’termini tal-għadd massimu ta’ postijiet fil-faċilitajiet ġodda jew modernizzati tat-tagħlim u tal-indukrar u t-tagħlim tat-tfal (ISCED 0–6) minħabba appoġġ permezz ta’ miżuri fl-ambitu tal-Faċilità. Il-kapaċità tal-klassijiet għandha tiġi kkalkulata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, iżda ma għandhiex tinkludi għalliema, ġenituri, persunal awżiljarju jew kwalunkwe persuna oħra li tista’ tuża wkoll il-faċilitajiet. Il-faċilitajiet ta’ tagħlim u tal-indukrar tat-tfal żgħar bħal crèches u skejjel preprimarji għandhom jirreferu għal dawk imfassla għat-tfal mit-twelid sal-bidu tal-edukazzjoni primarja (ISCED 0). Il-faċilitajiet edukattivi għandhom jinkludu l-iskejjel (ISCED 1-3, ISCED 4) u l-edukazzjoni għolja (ISCED 5-6). L-indikatur għandu jkopri l-indukrar tat-tfal jew il-faċilitajiet edukattivi li jkunu għadhom kemm inbnew jew ġew modernizzati (pereżempju, biex jiżdiedu l-istandards tal-iġjene u tas-sikurezza), u l-modernizzazzjoni ma għandhiex tinkludi r-rinnovazzjoni tal-enerġija jew il-manutenzjoni u t-tiswijiet. |
Persuni |
14 |
L-għadd ta’ żgħażagħ bejn l-età ta’15 u 29 li jirċievu sostenn |
Pilastru 6 |
L-għadd ta’ parteċipanti bejn l-età ta’ 15 u 29 li jirċievu sostenn monetarju jew in natura permezz ta’ miżuri skont il-Faċilità. L-indikatur għandu jkun diżaggregat skont il-ġeneru (17). |
Persuni |
(1) Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13) kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).
(2) Id-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1).
(3) “il-potenza attiva massima li tista’ tiġi pprovduta, b’mod kontinwu, bl-impjanti kollha jaħdmu, fil-punt tal-iżbokk (jiġifieri wara li jittieħdu l-provvisti tal-enerġija għall-awżiljarji tal-istazzjon u wara li jitqies it-telf f’dawk it-transformers li huma kkunsidrati integrali għall-istazzjon”.
(4) Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 82).
(5) B’mod speċifiku l-Artikolu 29 tad-Direttiva (UE) 2018/2001 li jistabbilixxi kriterji ta’ sostenibbiltà u ta’ ffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa.
(6) L-Artikolu 2(2) tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (European Electronic Communications Code, EECC) attwalment jiddefinixxi t-terminu “network ta’ kapaċità għolja ħafna” kif ġej: “Network b’kapaċità għolja ħafna” tfisser network tal-komunikazzjoni elettronika li jikkonsisti għalkollox minn elementi tal-fibra ottika tal-inqas sal-ewwel punt tad-distribuzzjoni fil-post fejn ikun qed iservi jew network elettroniku ta’ komunikazzjoni li, fl-istess kundizzjonijiet waqt il-ħinijiet intensivi (peak-time), ikun kapaċi jagħti prestazzjoni tan-network simili mil-lat ta’ wisa’ tal-banda tad-downlink u tal-uplink disponibbli, reżiljenza, parametri relatati mal-erruri, u latenza u l-varjazzjoni tagħha;
(7) https://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php?title=Glossary:Dwelling
(8) Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi ma jistgħu jaqgħu taħt l-ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.
(9) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.
(10) F’konformità mal-Anness VII tar-Regolament RRF li juri t-tikkettar diġitali skont il-Faċilità, it-taħriġ fil-ħiliet diġitali għandu jinftiehem skont it-tifsira tal-qasam ta’ intervent 108 (Appoġġ għall-iżvilupp ta’ ħiliet diġitali), li jiddikjara: “Dan jirreferi għall-ħiliet diġitali fil-livelli kollha u jinkludi: programmi edukattivi speċjalizzati ħafna għat-taħriġ ta’ speċjalisti diġitali (jiġifieri programmi ffukati fuq it-teknoloġija); it-taħriġ tal-għalliema, l-iżvilupp tal-kontenut diġitali għal finijiet edukattivi u l-kapaċitajiet organizzattivi rilevanti. Dan jinkludi wkoll miżuri u programmi mmirati lejn it-titjib tal-ħiliet diġitali bażiċi.”
(11) Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi ma jistgħu ma jkunu f’ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.
(12) 0-17, 18-29, 30-54, 55 u aktar.
(13) Il-persuni qiegħda normalment ikunu persuni mingħajr xogħol, disponibbli għax-xogħol u li jkunu qed fittxu x-xogħol b’mod attiv. Il-persuni meqjusa bħala qiegħda rreġistrati skont id-definizzjonijiet nazzjonali dejjem jiġu inklużi hawnhekk anki jekk ma jissodisfawx dawn it-tliet kriterji kollha. Sors: §18 fid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Statistika tal-politika tas-suq tax-xogħol (LMP) – Metodoloġija 2018.
(14) Inattivi huma persuni li fil-mument mhumiex parti mill-forza tax-xogħol (fis-sens li mhumiex impjegati jew qiegħda skont id-definizzjonijiet ipprovduti). Sors: §20 fid-Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Statistika tal-politika tas-suq tax-xogħol – Metodoloġija 2018.
(15) Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi jistgħu ma jkunu f’ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.
(16) 0-17, 18-29, 30-54, 55 u aktar.
(17) Irġiel, nisa, persuni mhux binarji. Għadd ta’ Stati Membri għandhom dispożizzjonijiet jew prattiki legali li jirrikonoxxu li l-individwi jistgħu ma jkunu f’ebda waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji jew jistgħu ma jkunux jixtiequ jkunu assoċjati ma’ waħda minnhom. Għal dawn l-Istati Membri, dawn l-individwi għandhom jiġu rreġistrati bħala “mhux binarji”.