This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R2102
Commission Implementing Regulation (EU) 2020/2102 of 15 December 2020 approving the checks on conformity to marketing standards for fruit and vegetables carried out by the United Kingdom and amending Implementing Regulation (EU) No 543/2011 laying down detailed rules for the application of Council Regulation (EC) No 1234/2007 in respect of the fruit and vegetables and processed fruit and vegetables sectors
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2102 tal-15 ta’ Diċembru 2020 li japprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2102 tal-15 ta’ Diċembru 2020 li japprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat
C/2020/8930
ĠU L 425, 16.12.2020, pp. 84–86
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 14/11/2021; Imħassar b' 32021R1926
|
16.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 425/84 |
IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2102
tal-15 ta’ Diċembru 2020
li japprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 91(f) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 (2), il-Kummissjoni tista’, fuq talba ta’ pajjiż terz, tapprova l-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqa minn dak il-pajjiż terz qabel ma ssir l-importazzjoni fl-Unjoni. |
|
(2) |
Wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-1 ta’ Frar 2020 u fid-dawl ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ) fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Renju Unit bagħat talba lill-Kummissjoni biex jiġu approvati verifiki tal-konformità mal-istandards speċifiċi tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqa mir-Renju Unit qabel ma ssir l-importazzjoni fl-Unjoni. B’mod partikolari, ir-Renju Unit intrabat li jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti għall-kummerċjalizzazzjoni tal-frott u l-ħaxix wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u indika l-awtorità uffiċjali u l-entitajiet ta’ spezzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011. |
|
(3) |
Il-Kummissjoni tqis li tista’ tagħti tali approvazzjoni minħabba li l-leġiżlazzjoni rilevanti fir-Renju Unit applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2021 għall-frott u l-ħxejjex se żżomm standards tal-kummerċjalizzazzjoni li huma ekwivalenti għal dawk applikabbli fl-Unjoni. |
|
(4) |
Għalhekk, jenħtieġ li jiġu approvati l-verifiki dwar il-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit. F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, jenħtieġ li dan ir-Regolament jispeċifika l-awtorità uffiċjali fil-pajjiż terz li taħt ir-responsabbiltà tagħha jitwettqu dawk il-verifiki, kif ukoll l-entitajiet ta’ spezzjoni inkarigati mill-verifiki xierqa. B’riżultat ta’ din l-approvazzjoni, jenħtieġ li r-Renju Unit jiġi elenkat fl-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq f’konformità mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq għall-Ftehim dwar il-Ħruġ flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll. |
|
(5) |
Billi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 japplika għar-Renju Unit u fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq, il-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni mwettqa mir-Renju Unit għandhom jinftiehmu li jirreferu biss għall-Gran Brittanja. |
|
(6) |
Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 jiġi emendat skont dan. |
|
(7) |
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u sabiex tiġi ggarantita tranżizzjoni bla xkiel tal-flussi kummerċjali fis-setturi kkonċernati, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika mill-1 ta’ Jannar 2021. |
|
(8) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Approvazzjoni tal-verifiki tal-konformità
Il-verifiki tal-konformità mal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni għall-frott u l-ħaxix imwettqa mir-Renju Unit qabel l-importazzjoni fl-Unjoni huma approvati.
Artikolu 2
Awtorità uffiċjali u entitajiet ta’ spezzjoni
1. Is-Segretarju tal-Istat għad-Dipartiment għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali huwa l-awtorità uffiċjali tar-Renju Unit imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li taħt ir-responsabbiltà tiegħu jitwettqu l-verifiki msemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament.
2. L-Ispettorat tal-Kummerċjalizzazzjoni tal-Ortikoltura (HMI) għall-Ingilterra u Wales u l-Unità tal-Ortikoltura u l-Kummerċjalizzazzjoni tal-Gvern Skoċċiż (HMU) għall-Iskozja huma l-entitajiet ta’ spezzjoni tar-Renju Unit inkarigati mill-verifiki xierqa skont it-tifsira tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(2).
Artikolu 3
Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 543/2011
L-Anness IV tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 huwa sostitwit bit-test fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Diċembru 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, 15.6.2011, p. 1).
ANNESS
“ANNESS IV
Pajjiżi Terzi fejn il-verifiki tal-konformità ġew approvati skont l-artikolu 15 u l-prodotti kkonċernati
|
Pajjiż |
Prodotti |
|
L-Iżvizzera |
Frott u ħaxix frisk |
|
Il-Marokk |
Frott u ħaxix frisk |
|
L-Afrika t’Isfel |
Frott u ħaxix frisk |
|
Iżrael (1) |
Frott u ħaxix frisk |
|
L-Indja |
Frott u ħaxix frisk |
|
New Zealand |
Tuffieħ, lanġas u frott tal-kiwi |
|
Is-Senegal |
Frott u ħaxix frisk |
|
Il-Kenja |
Frott u ħaxix frisk |
|
It-Turkija |
Frott u ħaxix frisk |
|
Ir-Renju Unit (2) |
Frott u ħaxix frisk |
(1) L-approvazzjoni tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 15 tingħata għall-frott u l-ħaxix li joriġinaw fl-Istat ta’ Iżrael, minbarra t-territorji taħt l-Amministrazzjoni Iżraeljana minn Ġunju 1967, jiġifieri tal-Artijiet Għoljin tal-Golan, tal-Istrixxa ta’ Gaża, Ġerusalemm tal-Lvant u l-bqija tax-Xatt tal-Punent.
(2) F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, għall-finijiet ta’ dan l-Anness ir-referenzi għar-Renju Unit ma jinkludux l-Irlanda ta’ Fuq.