Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018H0624

    Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/624 tal-20 ta' April 2018 dwar l-aċċess għas-suq transfruntier għas-subfornituri u l-SMEs fis-settur tad-difiża

    C/2018/2281

    ĠU L 102, 23.4.2018, p. 87–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2018/624/oj

    23.4.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 102/87


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/624

    tal-20 ta' April 2018

    dwar l-aċċess għas-suq transfruntier għas-subfornituri u l-SMEs fis-settur tad-difiża

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    F'Diċembru 2013, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-objettiv li tinkiseb bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB) integrata aħjar u aktar sostenibbli, innovattiva u kompetittiva, li hija meħtieġa biex tiżviluppa u ssostni l-kapaċitajiet tad-difiża u ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tieħu azzjoni f'kooperazzjoni mas-sħab. F'dan il-kuntest, enfasizza l-importanza li l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) ikollhom aċċess għas-suq transfruntier, talab biex il-Kummissjoni tinvestiga l-possibbiltà ta' miżuri addizzjonali biex il-katini tal-provvista jinfetħu għall-SMEs mill-Istati Membri kollha, u nnota li l-SMEs huma element maġġuri fil-katina tal-provvista tad-difiża, sors ta' innovazzjoni u xpruni ewlenin għall-kompetittività (1).

    (2)

    Fil-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (EDAP) tat-30 ta' Novembru 2016 tħabbar li l-Kummissjoni se tagħmel rakkomandazzjonijiet biex tiffaċilita l-aċċess għas-suq transfruntier għall-SMEs u għall-kumpaniji intermedji fis-settur tad-difiża. Dan ġie kkonfermat ukoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża” (2), adottata fis-7 ta' Ġunju 2017.

    (3)

    Il-Kummissjoni tqis li katini tal-provvista transfruntiera kompetittivi huma element kruċjali għal EDTIB integrata aħjar u aktar kompetittiva, u temmen li s-suq Ewropew tat-tagħmir tad-difiża għandu jipprovdi opportunitajiet għall-kumpaniji Ewropej irrispettivament mid-daqs tagħhom u l-post fejn jinsabu.

    (4)

    Din ir-Rakkomandazzjoni ġiet żviluppata b'kontributi mill-grupp konsultattiv tal-Kummissjoni dwar l-aċċess transfruntier tal-SMEs għall-kuntratti tad-difiża u tas-sigurtà, li temm il-ħidma tiegħu u ppubblika r-rapport finali tiegħu f'Novembru 2016 (3), u minn esperti mill-Istati Membri. Tifforma parti minn firxa wiesgħa ta' inizjattivi u attivitajiet tal-Kummissjoni maħsuba biex jappoġġaw lill-SMEs attivi fil-qasam tad-difiża.

    (5)

    Il-ħidma li saret mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) (4) fl-oqsma tal-akkwist tad-difiża, tal-ħiliet, tal-finanzjament u tal-kapaċità tal-SMEs tqieset fl-iżvilupp ta' din ir-Rakkomandazzjoni (5).

    (6)

    Billi l-atturi fl-industrija, speċjalment il-kuntratturi ewlenin, jaqdu rwol ewlieni fid-difiża, minbarra l-iżvilupp ta' din ir-Rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogu mal-partijiet ikkonċernati tal-industrija, bil-ħsieb li jiġu identifikati u jintlaħaq qbil komuni dwar aktar azzjonijiet possibbli bl-għan li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal ktajjen tal-provvista tad-difiża transfruntiera kompetittivi.

    (7)

    Azzjoni tal-Istati Membri tista' ttejjeb b'mod sinifikanti l-aċċess għas-suq transfruntier għall-SMEs u għall-kumpaniji intermedji fis-settur tad-difiża. Għalhekk, din ir-Rakkomandazzjoni għandha telenka t-tipi ta' azzjonijiet li jistgħu jirrimedjaw xi wħud mill-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-SMEs u l-kumpaniji intermedji jew tgħin biex dawn jintegrawhom fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża.

    (8)

    Il-kisba ta' informazzjoni bikrija dwar il-pjanijiet u l-proġetti futuri dwar l-armament tista' tippermetti lill-SMEs u lill-kumpaniji intermedji li jantiċipaw aħjar l-iżviluppi tas-suq u l-possibbiltà ta' parteċipazzjoni fi proġetti u kuntratti tad-difiża.

    (9)

    Ir-reklamar ta' kuntratti b'valur inqas mil-limitu stabbilit fl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) itejjeb il-kompetizzjoni. Iħeġġeġ ukoll il-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-settur tad-difiża. L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jillimitaw dan ir-reklamar għall-Istat Membru tagħhom.

    (10)

    In-natura kumplessa tal-informazzjoni fid-dokumenti tal-akkwist għad-dispożizzjoni tal-offerenti jew offerenti potenzjali mill-awtoritajiet kontraenti tista' tiskoraġġixxi lil negozji iżgħar ġodda milli jidħlu fis-suq tal-akkwist pubbliku. Għalhekk, informazzjoni bħal din għandha tkun rilevanti u strutturata sew.

    (11)

    L-iskala tal-offerti għall-akkwist pubbliku fil-qasam tad-difiża u r-rekwiżiti relatati dwar l-adegwatezza biex jiġu pprovduti servizzi huma ostakli ulterjuri għall-SMEs u għall-kumpaniji intermedji. Il-konklużjoni ta' kuntratti iżgħar separati miġbura f'lottijiet fl-istess proċedura ta' akkwist pubbliku tista' tgħin biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni.

    (12)

    Jekk il-perjodi għas-sottomissjoni tal-offerti jkunu itwal l-SMEs u l-kumpaniji intermedji jibbenefikaw billi jingħataw aktar żmien sabiex jidentifikaw l-opportunitajiet għan-negozju u jorganizzaw il-parteċipazzjoni tagħhom.

    (13)

    Il-possibbiltà li wieħed iserraħ fuq il-kapaċitajiet ta' operaturi ekonomiċi oħrajn, inklużi s-sottokuntratturi jew parteċipanti oħrajn f'konsorzji jew gruppi, tiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-akkwist, speċjalment fejn huwa kkonċernat b'mod partikolari xiri fi kwantitajiet kbar. Operaturi ekonomiċi interessati li jiksbu kuntratti ta' akkwist pubbliku għandhom ikunu konxji ta' dawn l-opportunitajiet sa mill-bidu nett.

    (14)

    Dokumenti tal-offerti estensivi u kumplessi kif ukoll il-ħtieġa li jingħataw evidenza u ċertifikati huma aspetti li jistgħu jiskoraġġixxu lill-kumpaniji, speċjalment lill-SMEs u lill-kumpaniji intermedji, milli jidħlu fis-suq tal-akkwist fil-qasam tad-difiża. Biex jiffaċilitaw l-aċċess għal dak is-suq, l-awtoritajiet kontraenti għandhom, kull fejn hu possibbli, jaqblu li jevalwaw il-kriterji tal-għażla kwalitattiva fl-istadju tal-offerti fuq il-bażi unika tal-evidenza preliminari mogħtija mill-offerenti. Huma għandhom jeħtieġu s-sottomissjoni ta' dokumenti u ċertifikati li juru li dawk il-kriterji ġew issodisfati eżatt qabel l-iffirmar tal-kuntratt. L-evidenza preliminari fir-rigward tal-issodisfar tal-kriterji tal-għażla kwalitattiva tista' tieħu l-forma ta' awtodikjarazzjoni standardizzata, id-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (DEUA) (7).

    (15)

    Il-kooperazzjoni reġjonali fost l-Istati Membri u r-ragruppament tan-negozji huma alternattivi oħra li jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ il-qagħda tas-suq ta' impriżi iżgħar.

    (16)

    L-innovattività hija l-vantaġġ ewlieni li l-SMEs jistgħu jikkontribwixxu fl-industrija tad-difiża. Għalhekk, l-inizjattivi kollha li jappoġġaw ir-riċerka u t-teknoloġija (R&T) għandhom iqisu b'mod partikolari lill-SMEs u kemm jista' jkun jiżguraw il-parteċipazzjoni effettiva tagħhom.

    (17)

    L-iżvilupp tal-ħiliet meħtieġa b'mod partikolari fl-industrija tad-difiża jista' jippermetti li atturi ġodda jidħlu fis-suq tad-difiża Ewropew.

    ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.   TERMINOLOĠIJA

    Għall-finijiet ta' din ir-Rakkomandazzjoni, “SME” għandha tinftiehem kif definita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE (8), filwaqt li “kumpanija intermedja” tfisser kumpanija ikbar minn SME, iżda li mhijiex il-kuntrattur prinċipali f'kuntratt għall-provvista tad-sistemi tad-difiża kumplessi.

    Tul it-test kollu ta' din ir-Rakkomandazzjoni, ir-referenzi għal “awtoritajiet kontraenti” għandhom jinftiehmu li jinkludu kemm l-awtoritajiet kontraenti, kif definit fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u kif ukoll l-entitajiet kontraenti, kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10). Ir-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-awtoritajiet kontraenti jew lill-entitajiet kontraenti għandhom x'jaqsmu mal-għoti ta' kuntratti fl-oqsma tad-difiża u tas-sigurtà skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/81/KE.

    2.   AKKWIST PUBBLIKU

    2.1.   Pjanijiet u prijoritajiet fit-tul

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu, meta possibbli u xieraq, informazzjoni bikrija dwar il-pjanijiet fit-tul futuri tagħhom fir-rigward tal-armamenti (ir-rekwiżiti u l-prijoritajiet f'termini tal-kapaċità u tar-riċerka u t-teknoloġija (R&T)). Dan jista' jsir: bil-pubblikazzjoni tad-dokumenti tal-ippjanar; bl-organizzazzjoni ta' avvenimenti apposta miftuħa għan-negozji (il-kuntratturi ewlenin, l-SMEs u l-kumpaniji intermedji) minn Stati Membri differenti; u bl-għoti ta' informazzjoni b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju lill-industrija tad-difiża, inkluż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industriji Ajruspazjali u tad-Difiża (ASD), l-Assoċjazzjonijiet tal-Industrija tad-Difiża Nazzjonali (NDIAs), u organizzazzjonijiet kummerċjali oħrajn tad-difiża u tas-sigurtà (eż. raggruppamenti), biex ikun żgurat li l-informazzjoni rilevanti tkun disseminata fl-Unjoni kollha. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li azzjoni bħal din ma tirriżultax f'distorsjoni tal-kompetizzjoni jew fi ksur tal-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' trasparenza.

    2.2.   Pubblikazzjoni volontarja u miżuri ta' trasparenza

    Sa fejn ikun l-aktar possibbli, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jużaw l-għodod tar-reklamar ta' qabel l-akkwist bħall-Avviżi ta' Informazzjoni minn Qabel (PIN) (11) u jorganizzaw avvenimenti apposta dwar pjanijiet għall-akkwist avvanzati u proġetti speċifiċi. Avvenimenti ta' dan it-tip għandu jkollhom fil-mira n-negozji (il-kuntratturi ewlenin, l-SMEs u l-kumpaniji intermedji) minn Stati Membri differenti; L-informazzjoni rilevanti tista' tinxtered madwar l-industrija tad-difiża, inklużi l-ASD, l-NDIAs u organizzazzjonijiet kummerċjali oħrajn tad-difiża u tas-sigurtà (eż. raggruppamenti). Meta jużaw dawn l-għodod, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jieħdu ħsieb li jkun hemm konformità mal-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' trasparenza, u jiċċaraw in-natura provviżorja tal-pjanijiet tal-akkwist inkwistjoni.

    L-awtoritajiet kontraenti għandhom ifittxu li jirreklamaw l-opportunitajiet ta' akkwist bl-aktar mod wiesa' possibbli, u jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali applikabbli. Dan jimplika, pereżempju, ir-reklamar tal-informazzjoni fl-avviż tal-kuntratt bl-aktar mod wiesa' possibbli ladarba tkun intbagħtet għall-pubblikazzjoni fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Tender Electronic Daily (TED)), u l-iżvilupp ta' mekkaniżmu biex l-operaturi ekonomiċi interessati f'sejħiet futuri jabbonaw biex jirċievu messaġġi dwar avviżi ppubblikati.

    Kull meta jkun possibbli, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jirreklamaw l-opportunitajiet ta' akkwist għal kuntratti ta' valur aktar baxx mil-livell limitu stabbilit bl-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva 2009/81/KE (12) permezz ta' pubblikazzjonijiet volontarji fuq portali u siti web rilevanti (mhux neċessarjament f'TED) u jibagħtu talbiet għal informazzjoni jew talbiet għal kwotazzjoni lil negozji madwar l-Unjoni li jkunu potenzjalment interessati. Għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li azzjonijiet bħal dawn ma jxekklux il-kompetizzjoni jew ma jiksrux il-prinċipji ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni u ta' trasparenza. L-awtoritajiet kontraenti għandhom iwettqu wkoll proċeduri kompetittivi simplifikati għall-kuntratti ta' valur baxx, anki jekk dan ma jkunx meħtieġ formalment mir-regoli nazzjonali.

    2.3.   Il-kwalità tal-informazzjoni

    L-awtoritajiet kontraenti għandhom jipprovdu lis-suq b'punti ta' informazzjoni qosra, sinifikanti u preċiżi (eż. deskrizzjoni tal-akkwist fl-avviżi tal-kuntratti ppubblikati f'TED). Dan jippermetti lin-negozji biex jeżaminaw u jidentifikaw l-opportunitajiet, u biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar jekk għandhomx interess li jissottomettu offerta.

    Kull meta jkun possibbli, bħala korteżija informazzjoni bħal din għandhom jipprovduha tradotta għall-Ingliż jew f'waħda mil-lingwi l-oħra użati b'mod komuni fil-kummerċ tad-difiża, fuq is-sit web tal-awtorità tal-akkwist jew jippubblikawha f'TED.

    2.4.   Diviżjoni f'lottijiet

    L-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw il-possibbiltà li l-kuntratti jiġu suddiviżi f'lottijiet. Jistgħu jikkunsidraw wkoll offerti f'lottijiet separati, filwaqt li jirrikjedu li l-kumpaniji li joffru b'suċċess għal dawn il-lottijiet jaħdmu mal-operatur ekonomiku li jkun ingħata l-kuntratt għal koordinazzjoni tal-proġett kollu (il-kuntrattur ġenerali).

    2.5.   Tħejjija u twettiq tal-proċeduri

    Skont l-Artikolu 33 tad-Direttiva 2009/81/KE, meta jistabbilixxu l-limiti ta' żmien biex jirċievu t-talbiet għall-parteċipazzjoni u l-offerti, l-awtoritajiet kontraenti huma obbligati iqisu b'mod partikolari l-kumplessità tal-kuntratt u ż-żmien meħtieġ għat-tfassil tal-offerti, mingħajr preġudizzju għal-limiti ta' żmien minimi stipulati f'dak l-Artikolu. L-awtoritajiet kontraenti għandhom, kull meta jkun possibbli, jippermettu aktar żmien milli meħtieġ mir-regoli ta' dak l-Artikolu għas-sottomissjoni tal-offerti. Dan il-perjodu ta' żmien estiż se jagħti lill-industrija, speċjalment lill-SMEs, aktar żmien biex tiddeċiedi jekk tissottomettix offerta, biex tħejji u tissottometti l-offerti, u li tagħmel l-arranġamenti neċessarji biex jiġu ffurmati konsorzji jew jiġi organizzat subkuntrattar.

    L-akkwist elettroniku, speċjalment is-sottomissjoni tal-offerti b'mezzi elettroniċi, jgħin jissimplifika l-proċeduri u jnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż amministrattivi. Dan jista' jnaqqas l-ostakli għall-aċċess għas-suq (l-ispejjes tal-offerti), speċjalment għal impriżi iżgħar b'riżorsi amministrattivi limitati. Kull fejn ikun possibbli, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jużaw l-akkwist elettroniku, filwaqt li jitqies is-suġġett tal-kuntratt u b'mod partikolari, il-bżonn li tiġi protetta l-informazzjoni klassifikata.

    Fl-avviż dwar il-kuntratt, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiġbdu l-attenzjoni tal-offerenti potenzjali b'mod konsistenti għall-possibbiltà li jserrħu fuq il-kapaċità ta' partijiet oħra, fosthom is-subkuntratturi (13) jew membri tal-istess konsorzju jew grupp (14), biex jissodisfaw il-kriterji tal-idoneità, skont l-Artikolu 41(2) u (3) u l-Artikolu 42(2) u (3) tad-Direttiva 2009/81/KE.

    L-awtoritajiet kontraenti għandhom ifittxu li jtaffu l-piż amministrattiv li jirriżulta mill-proċedura tal-akkwist. Pereżempju, għandhom jevitaw kemm jista' jkun li jwettqu għadd kbir ta' laqgħat ta' negozjati u jitolbu biss l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni meħtieġa għall-proċedura speċifika inkwistjoni.

    2.6.   Għażla kwalitattiva

    L-awtoritajiet kontraenti għandhom iżommu l-kriterji tal-għażla proporzjonali u jevitaw li jiffissaw rekwiżiti li mhumiex strettament meħtieġa. Fil-każ tal-kapaċità teknika u professjonali, għandhom imorru għal kriterji tal-għażla li jippermettulhom jivverifikaw jekk offerent ikollux il-kapaċità meħtieġa għall-kuntratt inkwistjoni, mhux li jevalwaw il-kapaċità ġenerali tiegħu. Fir-rigward tal-qagħda ekonomika u finanzjarja, id-dħul annwali minimu mitlub m'għandux jaqbeż darbtejn il-valur stmat tal-kuntratt.

    Ir-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-provvista (SoS) u s-sigurtà tal-informazzjoni (SoI), bħala raġunijiet mhux obbligatorji għall-esklużjoni, kriterji tal-għażla jew kundizzjonijiet għat-twettiq tal-kuntratt, għandhom jinżammu proporzjonali u konformi mal-ħtiġijiet tal-akkwist individwali. B'mod speċifiku, meta rekwiżiti bħal dawn jiġu applikati, għandha tingħata attenzjoni biex jiġu limitati għal dak li huwa neċessarju biex jintlaħaq l-għan partikolari imfittex, u biex jiġi żgurat li ma jirrestrinġux indebitament il-kompetizzjoni. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fejn tkun meħtieġa l-approvazzjoni tas-sigurtà u l-awtoritajiet kontraenti jkunu affaċċjati b'kandidati li l-approvazzjoni tas-sigurtà tagħhom tkun inħarġet minn Stat Membru ieħor, jittieħdu l-passi xierqa u fil-ħin biex jiġi vvalutat jekk tali awtorizzazzjoni tas-sigurtà hijiex ekwivalenti għal dik maħruġa skont il-liġi nazzjonali tal-awtorità kontraenti (15), b'konsiderazzjoni dovuta għall-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/81/KE. L-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi biex jiżguraw li s-sodisfazzjon tar-rekwiżiti tal-SoS u tal-SoI ta' Stati Membri oħra mill-intrapriżi orjentati lejn id-difiża tagħhom huwa possibbli u kredibbli.

    L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2009/81/KE jeħtieġ il-verifika tal-adegwatezza tal-kandidati, f'konformità mal-kriterji u permezz ta' prova stabbiliti mill-awtoritajiet kontraenti skont id-Direttiva. Prova bħal din tista' tinkludi ċertifikati. Madankollu, l-awtoritajiet kontraenti mhumiex obbligati li jirrikjedu s-sottomissjoni ta' ċertifikati u forom oħra ta' evidenza dokumentata fl-istess waqt li jsiru l-offerti. Biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fil-proċeduri tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw li jaċċettaw bħala evidenza preliminari fiż-żmien meta jsiru l-offerti, awtodikjarazzjonijiet dwar:

    is-sitwazzjoni personali tal-offerent (l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2009/81/KE),

    l-adegwatezza li offerent isegwi l-attività professjonali (l-Artikolu 40 tad-Direttiva 2009/81/KE),

    jekk l-offerenti jissodifax il-kriterji rigward is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja kif ukoll il-kapaċità teknika u professjonali (l-Artikoli 41-44 tad-Direttiva 2009/81/KE),

    il-ħtieġa li l-evidenza u ċ-ċertifikati rilevanti jiġu sottomessi biss fl-istadju tal-għoti, jiġifieri qabel l-iffirmar tal-kuntratt, iżda wara l-evalwazzjoni u l-għażla tar-rebbieħ. F'dan il-kuntest, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jippermettu li l-operaturi ekonomiċi jissottomettu awtodikjarazzjoni jew jerġgħu jużawha permezz ta' awtodikjarazzjonijiet standardizzati (DEAU, magħruf mil-liġi dwar l-akkwist pubbliku ġenerali, l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24/UE), u fejn neċessarju jissupplimentawhom b'informazzjoni mhux koperta fid-DEAU.

    M'hemm xejn li jżomm lill-awtoritajiet kontraenti milli jitolbu aktar informazzjoni, inklużi xi dokumenti ta' sostenn jew kull dokument ta' sostenn, jekk ikollhom xi dubji f'kull mument tal-proċedura, sabiex tiġi żgurata t-tmexxija xierqa tagħha. Dan jista' jkun meħtieġ b'mod partikolari jekk awtorità kontraenti tiddeċiedi li tillimita n-numru ta' kandidati li għandhom jiġu mistiedna jagħmlu offerta jew imexxu djalogu (l-Artikolu 38(3) tad-Direttiva 2009/81/KE). Meta jagħmlu talbiet bħal dawn għal informazzjoni jew dokumenti ta' sostenn, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jiżguraw dejjem il-konformità mal-prinċipju ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni.

    L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jeħtieġu li l-offerenti jipprovdu dokumenti ta' sostenn li jkunu diġà fil-pussess tagħhom, jew li jistgħu jiksbuhom faċilment bl-aċċess dirett għal bażi ta' dejta nazzjonali fi kwalunkwe Stat Membru, li tkun disponibbli bla ħlas.

    Kull meta jkun possibbli, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jużaw l-alternattiva li lill-kandidati li jkun għad m'għandhomx approvazzjoni tas-sigurtà (jekk din l-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa) jagħtuhom żmien addizzjonali biex jiksbuha (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 42(1)(j) tad-Direttiva 2009/81/KE). Bħala prinċipju ġenerali, l-awtoritajiet kontraenti għandhom dejjem jagħmlu użu mill-possibbilità li jitolbu lill-operaturi ekonomiċi jipprovdu dokumenti u ċertifikati neqsin li jkunu relatati mal-kriterji tal-esklużjoni u tal-għażla, jew li jiċċaraw tali dokumenti u ċertifikati jekk dawn ma jkunux ċari (l-Artikolu 45 tad-Direttiva 2009/81/KE).

    L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw l-użu transfruntier tad-dokumenti u taċ-ċertifikati. B'mod partikolari, għandhom jiżguraw li l-informazzjoni fiċ-ċertifikati u f'forom oħra ta' evidenza dokumentata għall-offerti skont id-Direttiva 2009/81/KE tiddaħħal f'e-Certis (16) u tiġi aġġornata regolarment. Meta jwettqu l-proċeduri skont id-Direttiva 2009/81/KE, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jużaw ir-repożitorju online e-Certis.

    2.7.   Taħriġ fl-akkwist u bini tal-kapaċità

    L-Istati Membri għandhom jorganizzaw taħriġ għall-uffiċjali tal-akkwist, jipprovdu opportunitajiet biex jikkondividu l-esperjenzi, kif ukoll materjal ta' gwida. Għandhom jipprovdu taħriġ apposta biex jiġu enfasizzati l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs u l-limitazzjonijiet operazzjonali inerenti tagħhom (il-flussi finanzjarji, ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, eċċ.).

    L-Istati Membri għandhom ukoll jorganizzaw taħriġ u jħejju materjal ta' informazzjoni għall-fornituri, għall-fornituri tas-servizzi, u għall-kuntratturi. Materjal bħal dan għandu jkun aċċessibbli b'mod ġenerali (jew għall-inqas ikun disponibbli għan-negozji kollha interessati f'kuntratti tal-akkwist tad-difiża). Dan se jkun partikolarment ta' benefiċċju għall-SMEs u għall-kumpaniji intermedji.

    3.   IL-POLITIKA INDUSTRIJALI

    3.1.   Finanzjament

    L-awtoritajiet ta' ġestjoni lokali u reġjonali tal-Istati Membri għandhom jappoġġaw lill-SMEs u lill-kumpaniji intermedji li huma jew li jistgħu jkunu attivi fil-ktajjen tal-provvista tad-difiża. L-Istati Membri jistgħu jżidu l-għarfien fost l-awtoritajiet ta' ġestjoni u l-benefiċjarji potenzjali (bħall-SMEs, il-kumpaniji intermedji, l-istituti tar-riċerka jew l-universitajiet) dwar l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej fil-qasam tad-difiża. Dawn huma mħeġġa jużaw il-gwida speċifika li l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tfassal f'dan ir-rigward (17).

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jiftħu l-istrumenti ta' finanzjament nazzjonali eżistenti għall-SMEs u l-kumpaniji intermedji li għandhom x'jaqsmu mad-difiża, jekk dan ma jkunx diġà l-każ.

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw tipi oħra ta' appoġġ possibbli għall-SMEs, pereżempju garanziji mill-Istat apposta għall-SMEs u għall-kumpaniji intermedji li jingħaqdu fi proġetti tad-difiża Ewropea transfruntiera ta' natura innovattiva. Garanziji bħal dawn jistgħu jkopru parzjalment jew bis-sħiħ ir-riskju tan-negozju ta' kumpaniji iżgħar li jipparteċipaw f'tali sforzi jew tal-banek li jiffinanzjaw dawn il-proġetti (18).

    L-Istati Membri għandhom jinfurmaw u jagħtu pariri lill-SMEs dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew bl-użu ta' fora, pjattaformi u għodod oħra fis-settur tad-difiża jew f'setturi ekonomiċi oħra.

    L-Istati Membri huma mħeġġa jipproponu proġetti ta' investiment għaqlin għar-rekwiżiti futuri tal-Ittestjar u l-Evalwazzjoni (T&E). Dan għandu jiftaħ il-faċilitajiet T&E għall-SMEs u għall-kumpaniji intermedji, u jgħinhom biex jiċċertifikaw il-prodotti tagħhom u jibbenefikaw mill-kontribut tagħhom għall-isforzi tal-kwalifika u taċ-ċertifikazzjoni tad-difiża Ewropea.

    3.2.   Bażijiet ta' data

    L-Istati Membri jistgħu jagħmlu sforz biex ifasslu jew jirrevedu l-bażi industrijali tad-difiża nazzjonali tagħhom u biex jappoġġaw it-tixrid tal-informazzjoni dwar il-kapaċità tal-industrija tagħhom. Dan jista' jsir, pereżempju, billi jiġu stabbiliti bażijiet ta' data ġodda jew bil-kontribut f'dawk eżistenti permezz ta' entitajiet bħall-Assoċjazzjonijiet tal-Industrija tad-Difiża Nazzjonali (NDIAs).

    L-Istati Membri huma mħeġġa jappoġġaw azzjoni għat-titjib tal-bażijiet ta' data u tal-proġetti eżistenti dwar il-kumpaniji li għandhom x'jaqsmu mad-difiża, il-kapaċitajiet tagħhom u l-iskemi u l-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli. Dan għandu jinkludi, b'mod partikolari, l-interkonnessjoni tal-bażijiet ta' data nazzjonali eżistenti, id-direttorji tal-NDIAs u sorsi rilevanti eżistenti oħra (eż. listi ta' membri ta' raggruppamenti li għandhom x'jaqsmu mad-difiża). Dawn l-għodod jistgħu jinkludu wkoll informazzjoni dwar kapaċitajiet teknoloġiċi tal-kumpaniji. Fi stadju sussegwenti, bażijiet ta' data bħal dawn jistgħu jippermettu lill-SMEs u lill-kumpaniji intermedji biex jgħaqqdu d-deskrizzjonijiet tagħhom mal-informazzjoni mill-Istati Membri dwar il-programmi futuri jew l-avviżi tal-akkwist ippubblikati. Għaldaqstant, il-kuntratturi ewlenin ikunu jistgħu jassoċjaw immedjatament id-deskrizzjoni ta' SME ma' tip partikolari ta' proġett jew opportunità kummerċjali.

    3.3.   Raggruppamenti

    L-Istati Membri għandhom jappoġġaw l-iżvilupp ta' raggruppamenti ta' eċċellenza reġjonali, kompetittivi u ta' klassi dinjija fil-qasam tad-difiża u jħeġġuhom jikkooperaw fost ir-reġjuni u l-Istati Membri. Fir-raggruppamenti għandhom jiġu mħeġġa forom speċifiċi oħra ta' kooperazzjoni billi jitħeġġeġ l-involviment b'mod proattiv taċ-ċentri tat-teknoloġija u tal-parks tax-xjenza, “laboratorji ħajjin”, finanzjaturi jew raggruppamenti bl-għan ta' proġett, biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni teknoloġika madwar il-konfini settorjali u jitrawmu opportunitajiet ta' tkabbir għall-SMEs li għandhom x'jaqsmu mad-difiża.

    L-Istati Membri għandhom iħeġġu r-raggruppamenti domestiċi biex ifittxu involviment fi Sħubijiet Strateġiċi Ewropej tar-Raggruppamenti (19) appoġġati taħt il-programm tal-UE għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME). L-għan ta' dawn is-sħubijiet huwa doppju: li jippermetti li l-impriżi jkollhom l-aċċess għas-swieq mhux tal-UE, u li l-investimenti ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jingħataw spinta fi ħdan l-Unjoni. L-Istati Membri għandhom ukoll iħeġġu r-raggruppamenti biex jippruvaw jinvolvu lilhom infushom f'kooperazzjoni fl-Unjoni skont sejħiet rilevanti għal Orizzont 2020 (20).

    L-Istati Membri huma mħeġġa jimmiraw is-settur tad-difiża meta jkunu qed jiżviluppaw u jimplimentaw politiki u miżuri b'appoġġ għar-raggruppamenti (reġjonali). Għal dak il-għan, jistgħu jużaw għodod u netwerks eżistenti fil-livell tal-UE, bħan-Netwerk Ewropew tar-Reġjuni Relatati mad-Difiża (21). Huma għandhom ukoll jippromwovu l-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni tar-Raggruppamenti (ECCP) (22) b'mod wiesa', bħala għodda li tista' tgħin biex tgħaqqad ir-raggruppamenti b'aktar minn 500 organizzazzjoni ta' raggruppamenti, u b'hekk titnieda kooperazzjoni fl-UE u lil hinn minnha, għall-benefiċċju tal-SMEs li jiffurmaw parti minnhom.

    3.4.   L-innovazzjoni, R&T

    L-Istati Membri huma mitluba jipprovdu appoġġ speċifiku lill-SMEs b'kunċetti u teknoloġiji innovattivi li jista' jkollhom applikazzjonijiet tad-difiża. Barra minn hekk, in-netwerks apposta tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali għandhom jipprovdu informazzjoni dwar ir-regoli tal-parteċipazzjoni fi proġetti ta' riċerka u l-għoti tal-għotjiet għar-riċerka. Għandhom ukoll jorganizzaw avvenimenti ta' senserija u servizzi.

    L-Istati Membri għandhom ifittxu li jfasslu proġetti ta' riċerka li ikunu favorevoli għall-SMEs. Barra minn hekk, l-istituti tar-riċerka tad-difiża tagħhom għandhom jeżaminaw kemm huwa possibbli li l-SMEs jiġu involuti fil-proġetti tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-ġestjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tkun disponibbli għall-awtoritajiet tal-akkwist tad-difiża (eż. permezz tad-dettalji ta' kuntatt tal-istituzzjonijiet xierqa jew fuljetti disponibbli fil-faċilitajiet tal-awtoritajiet).

    L-Istati Membri għandhom jappoġġaw arkitetturi ta' referenza miftuħa għal sistemi ta' difiża modulari, li jippermettu lill-SMEs ifasslu u jikkummerċjalizzaw subsistemi u komponenti b'mod awtonomu u kompetittiv.

    3.5.   Ħiliet

    L-Istati Membri għandu jkollhom tagħrif ġenerali tas-sitwazzjoni nazzjonali fir-rigward tal-ħiliet meħtieġa fl-industrija tad-difiża tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jisfruttaw l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa adottata reċentement u l-opportunitajiet li qed tiftaħ fil-livelli tal-Unjoni, f'dawk nazzjonali u reġjonali biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi fil-ħiliet (23).

    L-Istati Membri għandhom iħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-industrija, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-organizzazzjonijiet rilevanti l-oħra tagħhom, biex isegwu azzjoni konċertata biex il-provvista u d-domanda jitqabblu b'mod aktar sodisfaċenti u jitħeġġeġ l-użu tal-għodod u tal-istrumenti tal-UE biex jinkisbu dawn l-għanijiet. L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jużaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (24) (il-Fondi ESI), b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) (25), biex jindrizaw id-diskrepanzi fil-ħiliet.

    3.6.   Il-kapaċità tal-SMEs

    L-Istati Membri għandhom ixerrdu l-informazzjoni dwar stejjer transfruntiera ta' suċċess sabiex iħeġġu lill-SMEs u s-subfornituri biex jagħmlu offerti transfruntiera. Għandhom ukoll jappoġġaw l-organizzazzjoni ta' konferenzi tal-fornituri transfruntiera (avvenimenti B2B u laqgħat diretti mal-kuntratturi ewlenin) biex itejbu l-fehim tal-SMEs dwar ir-rekwiżiti u l-mod li bih jaħdmu l-kuntratturi ewlenin u l-kompetenzi u l-kapaċitajiet industrijali mfittxija; u jipprovdu pjattaformi u opportunitajiet għall-kuntatti transfruntiera bejn l-SMEs.

    Dan jista' jsir, pereżempju, bl-għoti ta' għotjiet lill-organizzaturi tal-avvenimenti fi proporzjon mal-livell tal-parteċipazzjoni mill-SMEs u min-negozji l-ġodda. Għotjiet bħal dawn jistgħu jkopru diversi setturi tad-difiża b'mod ibbilanċjat. Dan jista' jgħin lill-SMEs biex jieħdu sehem f'laqgħat internazzjonali B2B, f'missjonijiet kummerċjali barra minn pajjiżhom, u f'avvenimenti internazzjonali oħrajn.

    L-Istati Membri għandhom jużaw ukoll b'mod aktar sistematiku l-għodod eżistenti fil-livell tal-Unjoni biex jappoġġaw l-attivitajiet transfruntiera tal-SMEs, partikolarment permezz ta' tqabbil tas-servizzi pprovduti, (pereżempju, permezz tan-Netwerk Enterprise Europe (26)).

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta' April 2018.

    Għall-Kummissjoni

    Elżbieta BIEŃKOWSKA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  Din ir-rakkomandazzjoni tindirizza kwistjonijiet li huma relatati direttament mal-parteċipazzjoni transfruntiera tal-SMEs u ta' kumpaniji intermedji f'kuntratti ta' akkwist fil-qasam tad-difiża, iżda ma tindirizzax kwistjonijiet li jista' jkollhom influwenza indiretta imma sinifikanti fuqhom, b'mod partikolari t-trasferimenti intra-UE tal-prodotti relatati mad-difiża, l-istandardizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni.

    (2)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża (COM(2017)295 final).

    (3)  http://ec.europa.eu/DocsRoom/documents/20354/

    (4)  https://www.eda.europa.eu/

    (5)  Għal ħarsa ġenerali tal-attivitajiet tal-EDA f'dan is-suġġett: https://www.eda.europa.eu/procurement-biz/information/eda-market-industry-policies; https://www.eda.europa.eu/what-we-do/activities/activities-search/small-and-medium-sized-enterprises-(smes).

    (6)  Id-Direttiva 2009/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri għall-għoti ta' ċerti kuntratti ta' xogħlijiet, provvisti u servizzi minn awtoritajiet jew entitajiet kontraenti fl-oqsma tad-difiża u s-sigurtà, u li temenda d-Direttiva 2004/17/KE u d-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 216, 20.8.2009, p. 76).

    (7)  Id-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (DEUA) kif definit mir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/7 tal-5 ta' Jannar 2016 li jistabbilixxi formola standard għad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (ĠU L 3, 6.1.2016, p. 16) skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24/UE.

    (8)  Ara: http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2003:124:0036:0041:en:PDF

    (9)  Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).

    (10)  Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).

    (11)  L-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2009/81/KE.

    (12)  Il-valur stmat tal-kuntratti u tal-ftehimiet qafas huma kkalkulati skont l-Artikolu 9. Il-limiti fl-Artikolu 8 jiġu aġġornati kull sentejn; l-informazzjoni ġenerali dwar il-limiti attwali fil-qasam tal-akkwist tinsab hawn: https://ec.europa.eu/growth/single-market/public-procurement/rules-implementation/thresholds_mt

    (13)  Ara l-punt 22 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2009/81/KE.

    (14)  Ara l-punt 13 tal-Artikolu 1 u l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/81/KE.

    (15)  L-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2009/81/KE jistipula li “L-Istati Membri għandhom jirrikonoxxu l-approvazzjonijiet tas-sigurtà li jqisu ekwivalenti għal dawk maħruġa skont il-liġi nazzjonali tagħhom, minkejja l-possibbiltà li jwettqu u jikkunsidraw investigazzjonijiet ulterjuri tagħhom stess jekk dan ikun meqjus neċessarju.” Ara wkoll il-paragrafu 12 tan-Nota ta' Gwida dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni: https://ec.europa.eu/docsroom/documents/15411/attachments/1/translations/en/renditions/native.

    (16)  Ara: https://ec.europa.eu/growth/tools-databases/ecertis.

    (17)  Eż. il-fuljett tal-2017 tal-Kummissjoni “Dual use technology in the EU” (It-teknoloġija b'użu doppju fl-UE). Ara: http://ec.europa.eu/growth/content/dual-use-technology-eu-%E2%80%93-sme-success-stories-eu-funding_mt

    (18)  L-Istat Membru li jistabbilixxi l-iskema ta' garanzija għandu jiżgura li ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat (f'dan ir-rigward, ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' garanziji: http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52008XC0620%2802%29&from=MT) jew jinnotifika l-miżura lill-Kummissjoni.

    (19)  Il-Pjattaforma Ewropea għall-Kollaborazzjoni tar-Raggruppamenti: https://www.clustercollaboration.eu/eu-cluster-partnerships

    (20)  Għal informazzjoni ġenerali dwar Orizzont 2020 ara: https://ec.europa.eu/programmes/horizon2020/en/what-horizon-2020.

    (21)  Ara: https://www.endr.eu/

    (22)  Ara: https://www.clustercollaboration.eu/

    (23)  B'mod partikolari, l-inizjattiva tal-Pjan ta' Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet taħt l-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, li tindirizza s-settur tad-difiża.

    (24)  Ara: https://ec.europa.eu/info/funding-tenders-0/european-structural-and-investment-funds_mt

    (25)  Ara: http://ec.europa.eu/esf/home.jsp?langId=mt

    (26)  Ara: http://een.ec.europa.eu/


    Top