Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1013

    Regolament (UE) 2016/1013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali ta' servizzi u investiment dirett barrani (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 171, 29.6.2016, p. 144–152 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1013/oj

    29.6.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 171/144


    REGOLAMENT (UE) 2016/1013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-8 ta' Ġunju 2016

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali ta' servizzi u investiment dirett barrani

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    B'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandhom jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)

    Statistika ta' kwalità għolja u komparabbiltà fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-investiment dirett barrani (IDB) huma essenzjali għal dawk responsabbli mill-politika pubblika fl-Unjoni, ir-riċerkaturi u kull ċittadin Ewropew. Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tippermetti aċċess online sempliċi u faċli għall-utent għal serje ta' data kif ukoll biex tipprovdi lill-utenti preżentazzjoni intuwittiva tad-data.

    (3)

    L-istatistika Ewropea dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-IDB hija ta' importanza vitali biex jiġu żgurati tfassil ta' politika ekonomika informata u previżjonijiet ekonomiċi preċiżi.

    (4)

    Fid-dawl tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), il-Kummissjoni impenjat ruħha, permezz ta' Dikjarazzjoni (5), li tirrevedi, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-TFUE, atti leġislattivi li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju.

    (5)

    Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 fih referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju u għalhekk għandu jiġi rivedut fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fit-TFUE.

    (6)

    Sabiex ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 jiġi allinjat mal-Artikoli 290 u 291 TFUE, is-setgħat ta' implimentazzjoni mogħtija b'dak ir-Regolament lill-Kummissjoni għandhom jiġu sostitwiti b'setgħat ta' adozzjoni ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni.

    (7)

    Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni meta, bħala riżultat ta' bidliet ekonomiċi jew tekniċi, ikun jeħtieġ li jiġu aġġornati l-livelli tad-disaggregazzjoni ġeografika, il-livelli tad-disaggregazzjoni tas-setturi istituzzjonali u l-livelli tad-disaggregazzjoni tal-attività ekonomika stipulati fit-Tabelli 6, 7 u 8 għall-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 184/2005, dment li tali aġġornamenti la jaffettwaw il-piż tar-rappurtar u lanqas ma jimmodifikaw il-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli. Is-setgħa tal-adozzjoni ta' atti skont l-Artikolu 290 TFUE għandha wkoll tiġi ddelegata lill-Kummissjoni kull meta jkun jeħtieġ li jitneħħew jew jitnaqqsu ċerti rekwiżiti ta' flussi ta' data fl-Anness I għal dak ir-Regolament, dment li tali tneħħija jew tnaqqis ma jnaqqasx il-kwalità tal-istatistika prodotta f'konformità ma' dan ir-Regolament. Tali atti delegati għandhom ikopru wkoll l-estensjoni tal-iskadenza għar-rapport dwar il-konklużjonijiet tal-istudji rigward statistika dwar l-IDB ibbażata fuq il-kunċett ta' sjieda effettiva u istatistika dwar l-IDB li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta' IDB f'żona ġdida minn take-overs. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawk l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet rispondenti, li jeċċedu dak li huwa neċessarju għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, jew li jimmodifikaw il-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (6). B'mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta' atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta' atti delegati.

    (8)

    Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 184/2005, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħat ta' implimentazzjoni bil-ħsieb li jiġu armonizzati l-modalitajiet, l-istruttura u l-frekwenza tar-rapporti dwar il-kwalità. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (9)

    Il-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 ta konsulenza u assista lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Taħt l-istrateġija għal struttura ġdida tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) li għandha l-għan li ttejjeb il-koordinazzjoni u s-sħubija fi struttura piramidali ċara fl-ESS, il-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESSC), stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), għandu jaqdi rwol konsultattiv u jassisti lill-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta' implimentazzjoni tagħha. Għal dak il-għan, ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għandu jiġi emendat billi r-referenzi għall-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti jiġu sostituti b'referenzi għall-ESSC.

    (10)

    Il-kooperazzjoni operattiva tajba eżistenti bejn il-Banek Ċentrali Nazzjonali (BĊN) u l-Uffiċċji Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs) u bejn il-Eurostat u l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), hija riżorsa li għandha tiġi ppreservata u tiġi żviluppata aktar bil-ħsieb tat-titjib tal-konsistenza globali u l-kwalità tal-istatistika makroekonomika, bħall-istatistika dwar il-bilanċ tal-pagamenti, l-istatistika finanzjarja, l-istatistika dwar il-finanza pubblika u l-kontijiet nazzjonali. Il-BĊN u l-NSIs għandhom jibqgħu involuti mill-qrib fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet kollha relatati mal-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-istatistika dwar l-IDB, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-gruppi ta' esperti rilevanti responsabbli għall-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-istatistika dwar l-IDB. Il-kooperazzjoni bejn l-ESS u s-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ hija kkoordinata f'livell strateġiku mal-Forum Ewropew tal-Istatistika, stabbilit bis-saħħa tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-kooperazzjoni bejn il-membri tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u l-membri tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali ffirmat fl-24 ta' April 2013.

    (11)

    Sabiex tkompli tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-ESS u s-SEBĊ, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE (8), dwar il-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tiegħu kif imsemmija f'dik id-Deċiżjoni.

    (12)

    Skont l-Artikoli 127(4) u 282(5) TFUE, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat dwar kwalunkwe att propost tal-Unjoni fl-oqsma tal-kompetenza tiegħu.

    (13)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-data meħtieġa biex tiġi prodotta l-istatistika Ewropea rigward il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-IDB fil-ħin, fil-forma adatta u tal-kwalità rikjesta.

    (14)

    Mill-adozzjoni tar-Regolament (KE)Nru 184/2005, il-flussi internazzjonali tal-kapital żdiedu u saru aktar kumplessi. Iż-żieda fl-użu ta' entitajiet bi skop speċjali u l-kostruzzjonijiet legali għat-trasferiment ta' flussi ta' kapital għamluha aktar diffiċli li jiġu mmonitorjati dawn il-flussi sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tagħhom u biex tiġi evitata kontabbiltà doppja jew multipla.

    (15)

    Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għandu jiġi aġġornat biex jitjiebu t-trasparenza u l-granularità fir-rigward tal-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-IDB.

    (16)

    Sabiex tinġabar l-informazzjoni adatta meħtieġa skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jużaw is-sorsi kollha rilevanti u adatti, inklużi sorsi ta' data amministrattiva bħar-reġistri kummerċjali jew ir-Reġistru tal-EuroGruppi (EGR). It-trasparenza tista' wkoll tittejjeb billi jittieħed vantaġġ mill-innovazzjonijiet reċenti, bħall-identifikatur globali tal-entitajiet ġuridiċi (GLEI), kif ukoll ir-reġistri ta' sjieda benefiċjarja stabbiliti fil-qafas tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

    (17)

    Sabiex tiġi żviluppata statistika dwar l-IDB ibbażata fuq il-kunċett ta' sjieda effettiva u statistika dwar l-IDB li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta' IDB f'żona ġdida minn IDB li jirriżulta f'take-overs, li għal perjodu partikolari, ġeneralment, ma jwasslux għal żieda fil-formazzjoni tal-kapital gross fl-Istati Membri, il-metodoloġija adatta għal dawk l-oqsma għandha tiġi żviluppata u mtejba. Dan għandu jsir f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti bħall-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp.

    (18)

    L-istudji pilota għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet, inkluż il-qafas metodoloġiku għall-introduzzjoni ta' ġbir ta' data ġdida dwar l-istatistika annwali dwar l-IDB u l-valutazzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir tad-data relatata, il-kwalità tal-istatistika, kif ukoll il-komparabbiltà bejn pajjiż u ieħor. Ir-riżultati ta' dawk l-istudji għandhom ikunu is-suġġett ta' Rapport ippreparat mill-Kummissjoni u ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    (19)

    Sabiex tiġi żgurata l-kwalità tad-data statistika pprovduta mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tuża l-prerogattivi u s-setgħat adatti previsti fl-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

    (20)

    Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 għandu jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:

    “3.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10 meta, bħala riżultat ta' bidliet ekonomiċi jew tekniċi, ikun jeħtieġ li jiġu aġġornati l-livelli tad-disaggregazzjoni ġeografika, il-livelli tad-disaggregazzjoni tas-setturi istituzzjonali u l-livelli tad-disaggregazzjoni tal-attività ekonomika stipulati fit-Tabelli 6, 7 u 8 tal-Anness I, dment li tali aġġornamenti u speċifikazzjonijiet la jaffettwaw il-piż tar-rappurtar u lanqas ma jimmodifikaw il-qafas kunċettwali sottostanti applikabbli.

    Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10 kull meta jkun jeħtieġ li jitneħħew jew jitnaqqsu ċerti rekwiżiti ta' flussi tad-data fl-Anness I, dment li tali tneħħija jew tnaqqis ma jnaqqasx il-kwalità tal-istatistika prodotta f'konformità ma' dan ir-Regolament.

    Fl-eżerċizzju ta' dawn is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika b'mod dovut l-azzjonijiet previsti f'dawk l-atti delegati, filwaqt li tikkunsidra, fejn ikun adatt, il-kosteffettività, inkluż il-piż fuq ir-rispondenti u l-ispejjeż tal-produzzjoni f'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*).

    (*)  Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).”."

    (2)

    L-Artikolu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 4

    Kriterji u rapporti dwar il-kwalità

    1.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, il-kriterji ta' kwalità stipulati fl-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 għandhom japplikaw għad-data li għandha tintbagħat f'konformità mal-Artikolu 5 ta' dan ir-Regolament.

    2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu rapport lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-kwalità tad-data mibgħuta (‘rapport dwar il-kwalità’).

    3.   Meta l-kriterji ta' kwalità msemmijin fil-paragrafu 1 jiġu applikati għad-data koperta minn dan ir-Regolament, il-modalitajiet, l-istruttura u l-frekwenza tar-rapporti dwar il-kwalità għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni permezz ta' atti ta' implimentazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(2).

    4.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tivvaluta l-kwalità tad-data mibgħuta abbażi ta' analiżi adatta tar-rapporti dwar il-kwalità bl-għajnuna tal-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika msemmi fl-Artikolu 11(1), u għandha tħejji u tippubblika rapport dwar il-kwalità tal-istatistika Ewropea koperta b'dan ir-Regolament. Dak ir-rapport tal-Kummissjoni għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill għall-finijiet ta' informazzjoni.

    5.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-bidliet metodoloġiċi prinċipali jew it-tip ta' bidliet oħra li jinfluwenzaw id-data mibgħuta lill-Kummissjoni (Eurostat), mhux aktar tard minn tliet xhur wara li kwalunkwe bidla bħal din issir applikabbli. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri l-oħra bi kwalunkwe tali komunikazzjoni.”

    (3)

    L-Artikolu 5 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 5

    Flussi ta' data

    1.   L-istatistika li għandha tiġi prodotta għandha tiġi raggruppata biex tintbagħat lill-Kummissjoni (Eurostat) skont il-flussi ta' data li ġejjin:

    (a)

    l-istatistika ta' kull xahar tal-bilanċ tal-pagamenti;

    (b)

    l-istatistika ta' kull tliet xhur tal-bilanċ tal-pagamenti;

    (c)

    il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi;

    (d)

    il-flussi tal-IDB;

    (e)

    il-pożizzjonijiet tal-IDB.

    2.   Il-Kummissjoni (Eurostat) u l-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali rilevanti, għandhom jiżviluppaw il-metodoloġija adatta għall-ġbir ta' statistika dwar l-IDB bbażata fuq il-kunċett ta' sjieda effettiva flimkien mal-prinċipju tal-kontroparti immedjata u statistika dwar l-IDB li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta' IDB f'żona ġdida minn take-overs.

    3.   Sal-20 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tibda studji pilota li għandhom isiru mill-Istati Membri rigward l-istatistika annwali dwar l-IDB ibbażata fuq kunċett ta' sjieda effettiva u statistika dwar l-IDB li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta' IDB f'żona ġdida minn take-overs. L-iskop ta' dawn l-istudji għandu jkun li jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet, inkluż il-qafas metodoloġiku, għall-introduzzjoni tal-ġbir ta' data ġdida rigward l-istatistika annwali dwar l-IDB, u għall-valutazzjoni tal-ispejjeż tal-ġbir ta' data relatata, il-kwalità konsegwenti tal-istatistika, kif ukoll il-valutazzjoni tal-komparabbiltà bejn pajjiż u ieħor.

    4.   Sabiex l-istudji msemmija fil-paragrafu 3 jiġu ffaċilitati, l-Unjoni tista' tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-Istati Membri fil-forma ta' għotjiet skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**).

    5.   Sal-20 ta' Lulju 2019, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tħejji rapport dwar il-konklużjonijiet tal-istudji msemmija fil-paragrafu 3. Dak ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u, jekk ikun adatt, għandu jidentifika l-kondizzjonijiet li jkunu għad iridu jiġu ssodisfati sabiex tiġi żviluppata l-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 2.

    6.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 10 sabiex testendi bi 12-il xahar l-iskadenza tar-rapportar stabbilita fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu fejn il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-istudji pilota msemmija f'dak il-paragrafu fih tistabbilixxi li l-identifikazzjoni tal-kondizzjonijiet li jkun fadal tkun adatta.

    Fl-eżerċizzju ta' dawk is-setgħat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-atti delegati ma jimponux piż addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri jew fuq ir-rispondenti.

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiġġustifika b'mod dovut l-azzjonijiet previsti f'dawk l-atti delegati, filwaqt li tikkunsidra, fejn ikun adatt, il-kosteffettività, inkluż il-piż fuq ir-rispondenti u l-ispejjeż tal-produzzjoni f'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.

    7.   Mhux aktar tard minn 12-il xahar wara d-data tal-ħruġ tar-rapporti msemmija fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni għandha, fejn adatt, u b'mod partikolari fid-dawl tal-valutazzjoni mill-Kummissjoni tar-riżultati tal-istudji pilota msemmija fil-paragrafu 3, tagħmel proposta għal emendi għal dan ir-Regolament biex jiġu ddefiniti r-rekwiżiti metodoloġiċi u ta' data għall-istatistika annwali dwar l-IDB ibbażata fuq il-kunċett ta' sjieda effettiva u għall-istatistika annwali dwar l-IDB li tiddistingwi tranżazzjonijiet ta' IDB f'żona ġdida minn take-overs.

    (**)  Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).”."

    (4)

    L-Artikolu 9 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 9

    Disseminazzjoni

    1.   Il-Kummissjoni (Eurostat) għandha tiddissemina l-istatistika Ewropea prodotta skont dan ir-Regolament, bi frekwenza simili għal dik speċifikata fl-Anness I. Dik l-istatistika għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni (Eurostat).

    2.   F'konformità mal-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009, u mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-istatistika, l-Istati Membri u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiżguraw id-disseminazzjoni tad-data u l-metadata mitluba b'dan ir-Regolament kif ukoll il-metodoloġija preċiża użata għall-ġbir tagħha.”.

    (5)

    L-Artikolu 10 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 10

    Eżerċizzju tad- delega

    1.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kondizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.

    2.   Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikoli 2(3) u 5(6) għal perjodu ta' ħames snin mid-19 ta' Lulju 2016. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta' żmien identiċi sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(3) u 5(6) tista' tiġi revokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa mogħtija speċifikata f'dik id-Deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta' atti delegati diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma' taddotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti nnominati minn kull Stat Membru f'konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (***).

    5.   Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 2(3) u 5(6) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jkunux oġġezzjonaw fi żmien tliet xhur min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dan il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    (***)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.”."

    (6)

    L-Artikolu 11 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 11

    Proċedura ta' Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilit bir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (****).

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    (****)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).”."

    (7)

    L-Artikolu 12 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Artikolu 12

    Rapporti dwar l-implimentazzjoni

    Sat-28 ta' Frar 2018 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament.

    B'mod partikolari, dak ir-rapport għandu:

    (a)

    jevalwa l-kwalità tad-data dwar il-bilanċ tal-pagamenti, il-kummerċ internazzjonali ta' servizzi u l-IDB;

    (b)

    jivvaluta l-benefiċċji tal-istatistika prodotta, meta mqabbla mal-ispejjeż, għall-Unjoni, l-Istati Membri, u l-fornituri u l-utenti ta' informazzjoni statistika;

    (c)

    jidentifika oqsma għal titjib potenzjali u emendi meqjusa neċessarji fid-dawl tar-riżultati miksuba.”.

    (8)

    Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 12a

    Kooperazzjoni ma' kumitati oħrajn

    Fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha li jaqgħu fil-kompetenza tal-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE (*****), il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni ta' dak il-Kumitat skont dik id-Deċiżjoni.

    (*****)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE tat-13 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi Kumitat dwar l-istatistika monetarja, finanzjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).”."

    (9)

    L-Anness I huwa emendat skont l-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Strasburgu, it-8 ta' Ġunju 2016.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    M. SCHULZ

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.G. KOENDERS


    (1)  OJ C 31, 30.1.2015, p. 3.

    (2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Mejju 2016 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2016.

    (3)  Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Jannar 2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta' pagamenti, kummerċ internazzjonali f'servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (5)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 19.

    (6)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1

    (7)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta' data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE tat-13 ta' Novembru 2006 li tistabbilixxi Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti(ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).

    (9)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).


    ANNESS

    L-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 184/2005 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    It-test introduttorju għat-Tabella 2 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    “Frekwenza: Kull tliet xhur

    L-ewwel perjodu ta' referenza: L-ewwel tliet xhur tal-2014

    Skadenza: T+85 mill-2014 sal-2016; T+82 mill-2017 (2)

    (2)  It-transizzjoni għal T+82 ma għandhiex tkun obbligatorja għal dawk l-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-Unjoni Monetarja”"

    (2)

    Fit-Tabella 2, taħt il-Parti E “Pożizzjoni tal-investimenti internazzjonali”, l-entrata “Derivattivi finanzjarji (għajr riżervi) u opzjonijiet ta' stokks lill-impjegati” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Derivattivi finanzjarji (għajr riżervi) u opzjonijiet ta' stokks lill-impjegati

    Skont is-settur residenti (Sez 2)

    Geo 2 (1)

     

     

    Geo 2 (1)

     

     

    Geo 2 (1)”

    (3)

    It-Tabella 4.1 hija emendata kif ġej:

    (a)

    l-entrata “Investiment dirett barrani (IDB) — Tranżazzjonijiet” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Investiment dirett barrani (IDB) — Tranżazzjonijiet

    Geo 6

    Geo 6 (*)

    Geo 6 (*)”

    (b)

    l-entrata “Investiment dirett fl-ekonomija tar-rappurtaġġ (IDER) — Tranżazzjonijiet” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Investiment dirett fl-ekonomija tar-rappurtaġġ (IDER) — Tranżazzjonijiet

    Geo 6

    Geo 6 (*)

    Geo 6 (*)”

    (c)

    tinżdied in-nota tat-tmiem li ġejja:

    “(*)

    Geo 6: Geo 6 b'tipa grassa, obbligatorju mis-sena ta' referenza 2015 'il quddiem.”.

    (4)

    It-Tabella 4.2 hija emendata kif ġej:

    (a)

    l-entrata “Investiment dirett barrani (IDB) — Dħul” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Investiment dirett barrani (IDB) — Dħul

    Geo 6

    Geo 6 (*)

    Geo 6 (*)”

    (b)

    l-entrata “Investiment dirett fl-ekonomija tar-rappurtaġġ (IDER) — Dħul” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Investiment dirett fl-ekonomija tar-rappurtaġġ (IDER) — Dħul

    Geo 6

    Geo 6 (*)

    Geo 6 (*)”

    (c)

    Tinżdied in-nota tat-tmiem li ġejja:

    “(*)

    Geo 6: Geo 6 b'tipa grassa, obbligatorju mis-sena ta' referenza 2015 'l quddiem.”.

    (5)

    It-Tabella 5.1 hija emendata kif ġej:

    (a)

    l-entrata “Investiment dirett barrani (IDB)” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Investiment dirett barrani (IDB)

    Geo 6

    Geo 6 (*)

    Geo 6 (*)”

    (b)

    l-entrata “Investiment dirett fl-ekonomija tar-rappurtaġġ (IDER)” hija sostitwita b'dan li ġej:

    “Investiment dirett fl-ekonomija tar-rappurtaġġ (IDER)

    Geo 6

    Geo 6 (*)

    Geo 6 (*)”

    (c)

    tinżdied in-nota tat-tmiem li ġejja:

    “(*)

    Geo 6: Geo 6 b'tipa grassa, obbligatorju mis-sena ta' referenza 2015 'l quddiem.”.



    Top