Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1588

    Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1588 tat-13 ta' Lulju 2015 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (kodifikazzjoni) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 248, 24.9.2015, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/12/2018

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2015/1588/oj

    24.9.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 248/1


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2015/1588

    tat-13 ta' Lulju 2015

    dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (kodifikazzjoni)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (2) ġie emendat (3) b'mod sostanzjali. Għal iktar ċarezza u razzjonalità, l-imsemmi Regolament għandu jiġi kkodifikat.

    (2)

    Fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea' il-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-għajnuna mas-suq intern hija essenzjalment f'idejn il-Kummissjoni.

    (3)

    Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jitlob applikazzjoni stretta u effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat.

    (4)

    Il-Kummissjoni għandha tkun tistà tiddikjara permezz ta' regolamenti, f'oqsma fejn il-Kummissjoni għandha biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi kriterji ta' kompatibilità ġenerali, li ċerti kategoriji speċifiċi ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont disposizzjoni waħda jew aktar tal-Artikolu 107(2) u (3) tat-TFUE u huma eżenti mill-proċedura provduta fl-Artikolu 108(3) tiegħu.

    (5)

    Ir-Regolamenti ta' eżenzjoni ta' kategorija jiżguraw li jkun hemm t-trasparenza u ċ-ċertezza legali. Jistgħu jiġu applikati direttament mill-Qrati nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 267 tat-TFUE.

    (6)

    L-għajnuna mill-Istat hija kunċett oġġettiv definit fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta eżenzjonijiet ta' kategoriji kif previst f'dan ir-Regolament tapplika biss għal miżuri li jissodisfaw il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u għaldaqstant jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-inklużjoni ta' xi kategorija ta' għajnuna f'dan ir-Regolament jew f'Regolament ta' eżenzjoni ma jiddeterminax minn qabel il-kwalifika ta' miżura bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (7)

    Il-Kummissjoni għandha tkun tistà tiddikjara li, f'ċerti kundizzjonijiet, għajnuna lil intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, għajnuna favur ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, għajnuna favur il-protezzjoni tal-ambjent, għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ u għajnuna konformi mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta' għajnuna reġjonali, tkun kompatibbli mas-suq intern u mhux soġġetta għar-rekwiżit tan-notifika.

    (8)

    L-innovazzjoni saret prijorità fil-politika tal-Unjoni fil-kuntest ta' “Unjoni tal-Innovazzjoni”, waħda mill-inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020. Barra minn hekk, ħafna miżuri ta' għajnuna għall-innovazzjoni huma relattivament żgħar u ma joħolqux distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni;

    (9)

    Fis-settur tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju, għadd ta' miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, pereżempju minħabba li l-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika jew minħabba li ma jkun hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, sakemm il-miżuri fil-qasam tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju jkunu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tkun tistà tiddikjara li, f'ċerti kundizzjonijiet, dik l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern u ma tkunx suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE. Il-proġetti ż-żgħar tal-kultura, il-ħolqien u l-konservazzjoni tal-patrimonju, ġeneralment ma jwasslux għal distorsjoni sinifikanti, u f'każijiet reċenti deher li għajnuna ta' dak it-tip għandha effetti limitati fuq il-kummerċ.

    (10)

    L-eżenzjonijiet fis-settur tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju jistgħu jitfasslu fuq il-bażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni kif stipulata fil-linji gwida, bħal fil-każ ta' xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, jew jiġu żviluppati każ b'każ. Meta tabbozza eżenzjonijiet ta' kategoriji bħal dawn, il-Kummissjoni għandha tqis li dawn għandhom ikopru biss miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, li fil-prinċipju għandhom jiffokaw fuq miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-“Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE”, u li hija biss l-għajuna li fir-rigward tagħha l- Kummissjoni għandha esperjenza sostanzjali li hija eżentata. Barra minn hekk, għandhom jitqiesu l-kompetenza primarja tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura, il-protezzjoni speċjali li għandha d-diversità kulturali skont l-Artikolu 167(1) tat-TFUE u tan-natura speċjali tal-kultura.

    (11)

    Fir-rigward tal- miżuri tal-għajnuna mill-Istat biex tissewwa l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali, kif ukoll tal-miżuri tal-għajnuna mill-Istat biex tissewwa l-ħsara magħmula fil-qasam tas-sajd minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp, l-ammonti mogħtija f'dawk l-oqsma ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà. Dan ir- Regolament għandu jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta għajnuna ta' dak it-tip mir-rekwiżit ta'. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti u, fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà.

    (12)

    Skont l-Artikolu 42 tat-TFUE, ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ma japplikawx f'ċerti kundizzjonijiet għal ċerti miżuri ta' għajnuna favur il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-TFUE. L-Artikolu 42 ma japplikax għall-forestrija jew għall-prodotti li mhumiex elenkati f'dak l-Anness. Il-Kummissjoni għandha tkun tista' teżenta ċerti tipi ta' għajnuna għall-forestrija, inkluż għajnuna li tinsab fil-programmi ta' żvilupp rurali kif wkoll dik favur il-promozzjoni u r-reklamar ta' prodotti fis-settur tal-ikel li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-TFUE meta, skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu limitati u meta jkunu jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà.

    (13)

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 (4), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-intrapriżi fis-settur tas-sajd, ħlief għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont, u f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Għajnuna mill-Istat addizzjonali għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi u tal-ilma ħelu ġeneralment ikollha effetti limitati fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika marittima u tas-sajd u ma tikkawżax distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni. L-ammonti mogħtija ġeneralment ikunu limitati u jkunu jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà.

    (14)

    Fis-settur tal-isport, b'mod partikolari fil-qasam tal-isport tad-dilettanti, għadd ta' miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, pereżempju minħabba li l-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika, jew minħabba li ma jkun hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, sakemm il-miżuri fil-qasam tal-isport ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-Kummissjoni għandha tkun tistà tiddikjara li, f'ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern u ma tkunx suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika. Il-miżuri ta' għajnuna mill-Istat għall-isport b'mod partikolari dawk fil-qasam tal-isport tad-dilettanti jew dawk li huma ta' skala żgħira, ħafna drabi ikollhom effetti limitati fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma joħolqux distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni. L-ammonti mogħtija ġeneralment ikunu wkoll limitati. Fuq il-bażi tal-esperjenza miksuba jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà, biex b'hekk jiġi żgurat li l-għajnuna għall-isport ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti.

    (15)

    Fir-rigward tal-għajnuna għat-trasport bl-ajru u dak marittimu, mill-esperjenza tal-Kummissjoni, l-għajnuna li għandha natura soċjali għat-trasport ta' residenti ta' reġjuni mbiegħda bħal reġjuni u gżejjer l-aktar imbiegħda, inklużi Stati Membri gżejjer b'reġjun wieħed u żoni b'populazzjoni baxxa, ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti sakemm tingħata mingħajr diskriminazzjoni marbuta mal-identità tat-trasportatur. Barra minn hekk, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta' kompatibbiltà.

    (16)

    Fil-qasam tal-għajnuna għall-infrastruttura tal-broadband, fl-aħħar snin il-Kummissjoni kisbet esperjenza wiesgħa u fasslet linji gwida (5). Fl-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna għal ċerti tipi ta' infrastruttura tal-broadband ma tikkawża l-ebda distorsjoni sinfikanti u tista' tibbenefika minn eżenzjoni ta' kategorija, sakemm jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet ta' kompatibbiltà u sakemm l-infrastruttura tiġi implimentata f'“żoni bojod”, li huma żoni fejn m'hemm l-ebda infrastruttura tal-istess kategorija (sew broadband jew aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss b'veloċità għolja ħafna, “NGA”) u fejn x'aktarx xejn mhu ser jiġi żviluppat fil-futur qrib, kif jidher fil-kriterji żviluppati fil-linji gwida. Dan japplika għall-għajnuna li tkopri l-forniment ta' broadband bażiku, kif ukoll għall-għajnuna lil miżuri individwali żgħar li tkopri netwerks ta' NGA, u għall-għajnuna lil xogħlijiet ta' inġinerija ċivili relatati mal-broadband u lill-infrastruttura tal-broadband passiva.

    (17)

    Fir-rigward tal-infrastruttura, għadd ta' miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, pereżempju minħabba li l-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika, għax ma jkun hemm l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri, jew għax il-miżura tkun tikkonsisti f' kumpens għal servizz ta' interess ekomomiku ġenerali li jissodisfa l-kriterji kollha tal-każistika Altmark (6). Madankollu, sakemm il-finanzjament ta' infrastrutturi jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-Kummissjoni għandha tkun tistà tiddikjara li, f'ċerti kundizzjonijiet, l-għajnuna tkun kompatibbli mas-suq intern u ma tkunx suġġetta għar-rekwiżit tan-notifika. Fir-rigward tal-infrastruttura, ammonti żgħar ta' għajnuna għal proġetti ta' infrastruttura jistgħu jkunu mod effiċjenti kif wieħed jappoġġa objettivi tal-Unjoni sakemm l-għajnuna timminimizza l-ispejjeż u d-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni tkun limitata. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni li teżenta l-għajnuna mill-Istat għal proġetti ta' infrastruttura li jappoġġaw l-objettivi msemmijin f'dan ir-Regolament u jappoġġaw objettivi oħra ta' interess komuni, b'mod partikolari l-objettivi ta' Ewropa 2020 (7). Dan jista' jinkludi appoġġ għal proġetti li jinvolvu netwerks b'diversi setturi jew faċilitajiet fejn hija neċessarja għajnuna relattivament żgħira. Madankollu, jistgħu jingħataw eżenzjonijiet ta' kategorija biss għal proġetti ta' infrastruttura fejn il-Kummissjoni jkollha biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi kriterji ta' kompatibbiltà ċari u stretti waqt li tiżgura li r-riskju ta' distorsjoni potenzjali jkun limitat u li ammonti kbar ta' għajuna jibqgħu soġġetti għal notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    (18)

    Huwa xieraq li meta l-Kummissjoni taddotta regolamenti li jeżentaw kategoriji ta' għajnuna mill-obbligu ta' notifika stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, hija tispeċifika l-għan tal-għajnuna, il-kategoriji ta' benefiċjarji u l-limiti fuq l-għajnuna eżentata, il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkumulazzjoni tal-għajnuna u l-kondizzjonijiet ta' sorveljanza, sabiex tkun assigurata l-kompatibilità mas-suq intern ta' għajnuna koperta b'dan ir-Regolament.

    (19)

    Il-limiti għal kull kategorija ta' għajnuna, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tadotta regolament dwar eżenzjoni ta' kategorija jistgħu jiġu espressi f'termini ta' intensitajiet ta' għajnuna fir-rigward ta' sett ta' spejjeż eliġibbli jew f'termini ta' ammonti massimi ta' għajnuna. Barra minn hekk, il-Kumissjoni għandha tkun tistà tagħti eżenzjonijiet ta' kategorija fir-rigward ta' ċerti tipi ta' miżuri li jinvolvu l-għajnuna mill-Istat li, minħabba l-mod speċifiku li bih huma mfassla, ma jistgħux ikunu espressi preċiżament f'termini tal-intensitajiet ta' għajnuna jew ammonti massimi ta' għajnuna, bħal strumenti ta' inġinerija finanzjarja jew ċerti forom ta' miżuri li huma mmirati biex jippromwovu l-investimenti ta' kapital ta' riskju. Miżuri kumplessi bħal dawn jistgħu jinvolvu għajnuna f'livelli differenti: benefiċjarji diretti, benefiċjarji intermedjarji u benefiċjarji indiretti. Meta titqies l-importanza li dejjem qed tikber ta' miżuri bħal dawn u l-kontribut tagħhom lejn l-objettivi tal-Unjoni, għandu jkun possibbli li jiġu eżentati. Għalhekk għandu jkun possibbli, fil-każ ta' miżuri bħal dawn, li jiġu definiti l-limiti għal għotja partikolari ta' għajnuna f'termini tal-livell massimu ta' appoġġ mill-Istat f' dik il-miżura jew relatat magħha. Il-livell massimu ta' appoġġ mill-Istat jista' jkun magħmul minn element ta' appoġġ, li jista' ma jkunx għajnuna mill-Istat, sakemm il-miżura tinkludi mill-inqas xi elementi li fihom għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u li ma jkunux marġinali.

    (20)

    Jista' jkun ta' użu li jkunu stabbiliti limiti jew kondizzjonijiet oħra xierqa li jitolbu li l-għoti ta' għajnuna tiġi nnotifikata sabiex il-Kummissjoni tkun tista' teżamina individwalment l-effett ta' ċerta għajnuna fuq il-kompetizzjoni u l-kummerċ bejn l-Istati Membri u l-kompatibilità tagħha mas-suq komuni.

    (21)

    Huwa xieraq li l-Kummissjoni tkun tista', meta taddotta regolamenti li jeżentaw ċerti kategoriji ta' għajnuna mill-obbligu ta' notifika fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, timponi aktar kondizzjonijiet dettaljati sabiex tassigura li għajnuna koperta b'dan ir-Regolament tkun kompatibbli mas-suq intern.

    (22)

    Il-Kummissjoni wara li tikkunsidra l-iżvilupp u l-funzjonament tas-suq intern, għandha tkun tista' tistabbilixxi permezz ta' regolament li ċertu għajnuna ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u hija għalhekk eżenti mill-proċedura ta' notifika stabbilita fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, sakemm l-għajnuna mogħtija lill-istess impriża fuq perjodu ta' żmien speċifiku ma taqbiżx ċertu ammont fiss.

    (23)

    Skont l-Artikolu 108(1) tat-TFUE l-Kummissjoni hija marbuta, f'koperazzjoni mal-Istati Membri, li twettaq reviżjoni kostanti tas-sistemi kollha ta' għajnuna eżistenti. Għal dan il-għan u sabiex tassigura l-ogħla grad possibbli ta' trasparenza u kontroll adegwat huwa mixtieq li l-Kummissjoni tassigura li titwaqqaf sistema ta' reġistrazzjoni u ħażna ta' informazzjoni affidabbli dwar l-applikazzjoni ta' regolamenti li taddotta, li għalihom l-Istati Membri kollha jkollhom aċċess, u li tirċievi l-informazzjoni kollha neċessarja mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna eżentata min-notifikazzjoni li tissodisfa dan l-obbligu, li tista tkun eżaminata u evalwata mal-Istati Membri fil-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat Għal dan il-għan huwa wkoll mixtieq li l-Kummissjoni tkun tista' titlob li dik l-informazzjoni tingħata kif xieraq sabiex tassigura l-effiċjenza ta' din ir-reviżjoni.

    (24)

    L-Istati Membri għandhom jipprovdu sommarji ta' informazzjoni rigward l-għajnuna li tiġi implimentata minnhom, li tkun koperta minn regolament ta' eżenzjoni. Il-pubblikazzjoni ta' dawk is-sommarji hija neċessarja biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-miżuri adottati mill-Istati Membri. Fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-midja elettronika tal-komunikazzjoni, il-pubblikazzjoni tas-sommarji fuq il-websajt tal-Kummissjoni hija metodu aktar veloċi u effettiv, li tiżgura li jkun hemm trasparenza għall-benefiċċju tal-partijiet interessati. Għaldaqstant, dawk is-sommarji għandhom ikunu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

    (25)

    Il-kontroll tal-għoti tal-għajnuna jinvolvi fatturi fattwali, legali u ekonomiċi ta' natura kumplessa ħafna u varjetà kbira f'ambjent f'evoluzzjoni kontinwa. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tirrevedi b'mod regolari l-kategoriji ta' għajnuna li għandhom ikunu eżentati min-notifika. Il-Kummissjoni għandha tkun tista tħassar jew temenda regolamenti li tkun addottat skont dan ir-Regolament meta ċ-ċirkostanzi jkunu tbiddlu rigward xi element importanti li jkun serva ta' raġuni għall-addozzjoni tagħhom jew fejn ikun neċessarju minħabba l-iżvilupp progressiv jew il-funzjoni tas-suq intern titlob hekk.

    (26)

    Il-Kummissjoni, f'relazzjoni mill-qrib u kostanti mal-Istati Membri, għandha tkun tista tiddefinixxi preċiżament il-kamp ta' applikazzjoni ta' dawk ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet annessi magħhom sabiex ikun hemm koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, huwa xieraq li l-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat ikun ikkonsultat qabel il-Kummissjoni taddotta regolamenti skont dan ir-Regolament.

    (27)

    Abbozzi ta' regolamenti u dokumenti oħra li jridu jiġu eżaminati mill-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat skont dan ir-Regolament għandhom ikunu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

    (28)

    Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat għandu jkun ikkonsultat qabel il-pubblikazzjoni ta' abbozz ta' regolament. Madankollu, fl-interess tat-trasparenza, l-abbozz tar-regolament għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-Kummissjoni fl-istess ħin li fih il-Kummissjoni tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv għall-ewwel darba,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Eżenzjonijiet ta' kategorija

    1.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' regolamenti addottati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament u f'konformità mal-Artikolu 107 tat-TFUE, tiddikjara li l-kategoriji ta' għajnuna li ġejjin huma kompatibbli mas-suq intern u m'għandhomx ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' notifika tal-Artikolu 108(3) tat-TFUE:

    (a)

    għajnuna favur:

    (i)

    l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;

    (ii)

    ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

    (iii)

    il-ħarsien tal-ambjent;

    (iv)

    l-impjiegi u t-taħriġ;

    (v)

    il-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju;

    (vi)

    it-tiswija tal-ħsara kkawżata minn diżastri naturali;

    (vii)

    it-tiswija tal-ħsara kkawżata minn ċerti kundizzjonijiet ħżiena ta' temp fis-sajd;

    (viii)

    il-forestrija;

    (ix)

    il-promozzjoni ta' prodotti tas-settur tal-ikel li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-TFUE;

    (x)

    il-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi u tal-ilma ħelu;

    (xi)

    l-isport;

    (xii)

    ir-residenti ta' reġjuni mbiegħda, għat-trasport, meta din l-għajnuna jkollha karattru soċjali u tingħata mingħajr diskriminazzjoni relatata mal-identità tat-trasportatur;

    (xiii)

    infrastruttura tal-broadband bażika, miżuri ta' infrastruttura żgħar individwali li jkopru netwerks ta' aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss, xogħlijiet tal-inġinerija ċivili relatati mal-broadband u infrastruttura tal-broadband passiva, f'żoni fejn ma hemmx infrastruttura ta' dak it-tip jew fejn mhux probabbli li tiġi żviluppata infrastruttura ta' dak it-tip fil-futur qrib;

    (xiv)

    infrastruttura li tappoġġja l-objettivi elenkati fil-punti (i) sa (xiii) kif ukoll fil-punt (b) ta' dan il-paragrafu u li tappoġġja objettivi oħra ta' interess komuni, b'mod partikolari l-objettivi ta' Ewropa 2020;

    (b)

    għajnuna konformi mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għotja ta' għajnuna reġjonali.

    2.   Ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw, għal kull kategorija ta' għajnuna:

    (a)

    l-għan tal-għajnuna;

    (b)

    il-kategoriji tal-benefiċjarji;

    (c)

    il-limiti espressi f'termini ta' intensitajiet ta' għajnuna relattivi għal sett ta' spejjeż eliġibbli jew f'termini ta' ammonti massimi ta' għajnuna jew, għal ċerti tipi ta' għajnuna fejn jista' jkun diffiċli li tiġi identifikata l-intensità tal-għajnuna jew l-ammont preċiż tal-għajnuna, b'mod partikolari strumenti ta' inġinerija finanzjarja jew investimenti ta' kapital ta' riskju jew dawk ta' natura simili, f'termini ta' livell massimu ta' appoġġ mill-Istat f'dik il-miżura jew relatat magħha, mingħajr preġudizzju għall-kwalifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati fid-dawl tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE;

    (d)

    il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-akkumulazzjoni tal-għajnuna;

    (e)

    il-kondizzjonijiet ta' sorveljanza kif speċifikati fl-Artikolu 3.

    3.   Barra minn hekk, ir-Regolamenti msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu, b'mod partikolari:

    (a)

    jistabbilixxu limiti jew kondizzjonijiet oħra għan-notifika tal-għotja ta' għajnuna individwali;

    (b)

    jeskludu ċerti setturi mill-kamp ta' applikazzjoni tagħhom;

    (c)

    jimponu aktar kondizzjonijiet għall-kompatibbilità tal-għajnuna eżentata skont dawk ir-Regolamenti.

    Artikolu 2

    De minimis

    1.   Il-Kummissjoni tista', permezz ta' Regolament addottat skont il-proċedura provduta fl-Artikolu 8 ta' dan ir-Regolament, tiddeċiedi li, wara li tkun ikkunsidrat l-iżvilupp u l-funzjoni tas-suq intern, xi għajnuna ma' tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u li għalhekk hija eżentata mill-proċedura ta' notifika stipulata fl-Artikolu 108(3) tat-TFUE, sakemm għajnuna mogħtija lill-istess impriża fuq perjodu ta' żmien speċifikat ma taqbiżx ċertu ammont fiss.

    2.   Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom, f'kull ħin, jikkomunikawlha kull informazzjoni addizzjonali rigward għajnuna eżentata skont il-paragrafu 1.

    Artikolu 3

    Trasparenza u sorveljanza

    1.   Meta tkun qed taddotta Regolamenti skont l-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha timponi regoli dettaljati fuq l-Istati Membri sabiex tiżgura li jkun hemm trasparenza u li ssir sorveljanza tal-għajnuna eżentata min-notifikazzjoni f'konformità ma' dawk ir-Regolamenti. Dawk ir-regoli għandhom jikkonsistu, b'mod partikolari, fir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

    2.   Meta jiġu implimentati sistemi ta' għajnuna jew għajnuna individwali li jkunu ngħataw barra mill-qafas ta' kwalunkwe sistema, li jkunu ġew eżentati skont ir-Regolamenti msemmijin fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, bil-għan li jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni, sommarji tal-informazzjoni dwar dawk is-sistemi ta' għajnuna jew dik l-għajnuna individwali li ma jkunux koperti mis-sistemi ta' għajnuna eżentati.

    3.   L-Istati Membri għandhom jirreġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet ta' kategorija. Jekk il-Kummissjoni jkollha informazzjoni li twassalha sabiex tiddubita jekk Regolament ta' eżenzjoni jkunx qed jiġi applikat tajjeb, l-Istati Membri għandhom jgħaddulha kull informazzjoni li tikkunsidra neċessarja sabiex teżamina jekk għajnuna tikkonformax ma' dak ir-Regolament.

    4.   Mill-inqas darba fis-sena, l-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni rapport dwar l-applikazzjoni ta' eżenzjonijiet ta' kategorija, skont il-bżonnijiet speċifiċi tal-Kummissjoni, preferibbilment f'forma kompjuterizzata. Il-Kummissjoni għandha tagħmel dawk ir-rapporti aċċessibbli għall-Istati Membri kollha. Il-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7 għandu jeżamina u jevalwa dawk ir-rapporti darba fis-sena.

    Artikolu 4

    Perjodu ta' validità tar-Regolamenti u l-emendi tagħhom

    1.   Ir-regolamenti addottati skont l-Artikoli 1 u 2 għandhom japplikaw għal perjodu speċifiku. Għajnuna eżentata b'regolament addottat skont l-Artikoli 1 u 2 għandha tkun eżenti tul il-perjodu ta' validità ta' dak ir-Regolament u tu il-perjodu ta' aġġustament stipulat fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.

    2.   Ir-Regolamenti addottati skont l-Artikoli 1 u 2 jistgħu jiġu mħassra jew emendati fejn iċ-ċirkostanzi jkunu jinbidlu fir-rigward ta' xi element importanti li kien raġuni għall-addozzjoni tagħhom jew fejn ikun meħtieġ mill-iżvilupp progressiv jew mill-ħidma tas-suq intern. F'dak il-każ ir-Regolament il-ġdid għandu jipprovdi perjodu ta' aġġustament ta' sitt xhur għall-aġġustament ta' għajnuna koperta bir-Regolament ta' qabel.

    3.   Ir-Regolamenti addottati skont l-Artikoli 1 u 2 għandhom jistipulaw perjodu kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk l-applikazzjoni tagħhom ma tkunx estiża meta jiskadu.

    Artikolu 5

    Rapport ta' valutazzjoni

    Kull ħames snin il-Kummissjoni għandha tagħti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. Għandha tissottometti abbozz tar-rapport biex jiġi kkunsidrat mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 7.

    Artikolu 6

    Smigħ ta' partijiet interessati

    Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li taddotta Regolament, għandha tippubblika abbozz tiegħu sabiex il-partijiet u l-organizzazzjonijiet kollha interessati jkunu jistgħu jissottomettu l-kummenti tagħhom fir-rigward tiegħu f'perjodu ta' żmien raġonevoli li jiġi iffissat mill-Kummissjoni u li fl-ebda ċirkostanza m'għandu jkun inqas minn xahar.

    Artikolu 7

    Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat

    Il-Kumitat Konsultattiv dwar l-għajnuna mill-Istat, ('il-Kumitat') qed jitwaqqaf permezz ta' dan ir-Regolament. Għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

    Artikolu 8

    Konsultazzjoni tal-Kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-Kumitat:

    (a)

    fl-istess waqt li jiġi ppubblikat kwalunkwe abbozz ta' Regolament skont l-Artikolu 6;

    (b)

    qabel ma taddotta xi regolament.

    2.   Il-konsultazzjoni tal-Kumitat isseħħ f'laqgħa msejħa mill-Kummissjoni. L-abbozzi u d-dokumenti li għandhom ikunu eżaminati għandhom jiġu annessi man-notifika u jistgħu jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Il-laqgħa għandha ssir mhux aktar kmieni minn xahrejn wara li tkun intbagħtet in-notifika.

    Dan il-perjodu jista' jitnaqqas fil-każ ta' konsultazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b), meta jkun hemm urġenza jew f'każ sempliċi ta' estensjoni ta'Regolament.

    3.   Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li għandhom jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz, fil-perjodu li jista' jiġi stabbilit mill-President skont l-urġenza tal-każ, jekk ikun neċessarju billi jittieħed vot.

    4.   L-opinjoni għandha titniżżel fil-minuti. Barra minn hekk, kull Stat Membru għandu d-dritt li jsaqsi li l-pożizzjoni tiegħu titniżżel fil-minuti. Il-Kumitat jista' jirrakkomanda li l-opinjoni tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    5.   Il-Kummissjoni għandha tqis b'importanza kbira l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat. Għandha tinforma l-Kumitat dwar kif l-opinjoni tiegħu tkun ġiet ikkunsidrata.

    Artikolu 9

    Revoka

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 huwa revokat.

    Ir-referenzi għar-Regolament li ġie revokat għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. ETGEN


    (1)  Opinjoni tad-29 ta' April 2015 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta' Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta' għajnuna mill-Istat orizzontali (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1).

    (3)  Ara l-Anness I.

    (4)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1198/2006 tas-27 ta' Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1).

    (5)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni — Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (ĠU C 25, 26.1.2013, p. 1).

    (6)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Lulju 2003 fil-Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg v Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH ([2003] Ġabra I-7747).

    (7)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2010/410/UE tat-13 ta' Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).


    ANNESS I

    REGOLAMENT REVOKAT BL-EMENDA GĦALIH

    Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98

    (ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1)

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 733/2013

    (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 11)


    ANNESS II

    TABELLA TA' KORRELAZZJONI

    Regolament (KE) Nru 994/98

    Dan ir-Regolament

    Artikoli 1 sa 8

    Artikoli 1 sa 8

    Artikolu 9

    Artikolu 9

    Artikolu 10

    Anness I

    Anness II


    Top