Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1166

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1166 tal-15 ta' Lulju 2015 li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva fosfat ferriku skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 188, 16.7.2015, p. 34–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1166/oj

    16.7.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 188/34


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1166

    tal-15 ta' Lulju 2015

    li jġedded l-approvazzjoni tas-sustanza attiva fosfat ferriku skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 22 flimkien mal-Artikolu 20(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-approvazzjoni tas-sustanza attiva tal-fosfat ferriku, kif stabbilit fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (2), tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2015.

    (2)

    Bi qbil mal-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 (3), fil-perjodu stipulat f'dan l-Artikolu tressqet applikazzjoni għat-tiġdid tal-inklużjoni tal-fosfat ferriku fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (4).

    (3)

    L-applikant ippreżenta l-fajls supplimentari skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1141/2010. L-Istat Membru relatur sab li l-applikazzjoni kienet sħiħa.

    (4)

    L-Istat Membru relatur ħejja rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid b'konsultazzjoni mal-Istat Membru korelatur u ppreżentah lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem: “l-Awtorità”) u lill-Kummissjoni fit-30 ta' April 2013.

    (5)

    L-Awtorità bagħtet ir-rapport ta' valutazzjoni tat-tiġdid lill-applikant u lill-Istati Membri għall-osservazzjonijiet u għaddiet l-osservazzjonijiet li waslulha lill-Kummissjoni. L-Awtorità qiegħdet ukoll il-fajl supplimentari fil-qosor għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

    (6)

    Fis-17 ta' Diċembru 2014 l-Awtorità bagħtet lill-Kummissjoni l-konklużjoni tagħha (5) dwar jistax jiġi mistenni li l-fosfat ferriku jissodisfa l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Fl-20 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz tar-rapport tal-evalwazzjoni tal-fosfat ferriku lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf.

    (7)

    Dwar l-użu rappreżentattiv, wieħed jew aktar, ta' mill-inqas prodott wieħed tal-protezzjoni tal-pjanti li fih is-sustanza attiva, ġie stabbilit li l-kriterji għall-approvazzjoni stipulati fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma ssodisfati. Għalhekk, dawk il-kriterji għall-approvazzjoni jistgħu jitqiesu ssodisfati.

    (8)

    Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis ukoll li l-fosfat ferriku huwa sustanza attiva b'riskju baxx skont l-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-fosfat ferriku mhux sustanza ta' tħassib, u jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. Il-fosfat ferriku jikkonsisti minn komposti li jinsabu kullimkien fl-ambjent u li huma essenzjali għall-funzjonijiet tal-annimali u tal-pjanti. Barra minn hekk, il-fosfat ferriku huwa kostitwent naturali tad-dieta tal-bniedem. L-esponiment addizzjonali tal-bniedem, l-annimali u l-ambjent bl-użi approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huwa mistenni li jkun negliġibbli meta mqabbel mal-esponiment mistenni permezz ta' sitwazzjonijiet naturali realistiċi.

    Il-valutazzjoni tar-riskju għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-fosfat ferriku huwa bbażat fuq numru limitat ta' użi rappreżentattivi, li madankollu ma għandux jirrestrinġi użi li għalihom il-prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-fosfat ferriku jistgħu jiġu awtorizzati. Għalhekk, huwa xieraq li ma tinżammx ir-restrizzjoni għall-użi bħala molluskiċida.

    (9)

    Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġġedded l-approvazzjoni tal-fosfat ferriku bħala sustanza b'riskju baxx.

    (10)

    B'konformità mal-Artikolu 20(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, flimkien mal-Artikolu 13(4) tiegħu, l-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 għandu jiġi emendat skont dan.

    (11)

    Dan ir-Regolament għandu japplika mill-jum ta' wara l-iskadenza tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva fosfat ferriku, kif imsemmi fil-premessa 1.

    (12)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    It-tiġdid tal-approvazzjoni ta' sustanza attiva

    Is-sustanza attiva fosfat ferriku, kif speċifikat fl-Anness I, hija approvata skont il-kundizzjonijiet stipulati f'dak l-Anness.

    Artikolu 2

    Emendi tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat f'konformità mal-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ u d-data tal-applikazzjoni

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan japplika mill-1 ta' Jannar 2016.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Lulju 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta' Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'dak li għandu x'jaqsam mal-lista ta' sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas-7 ta' Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta' sustanzi attivi fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u li jistabbilixxi l-lista ta' dawk is-sustanzi (ĠU L 322, 8.12.2010, p. 10).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1).

    (5)  EFSA Journal 2015; 13(1):3973. Disponibbli onlajn fuq: www.efsa.europa.eu.


    ANNESS I

    L-Isem Komuni, In-Numri ta' Identifikazzjoni

    L-Isem tal-IUPAC

    Purità (1)

    Id-data tal-approvazzjoni

    L-iskadenza tal-approvazzjoni

    Id-dispożizzjonijiet speċifiċi

    Fosfat ferriku

    In-Nru tal-CAS: 10045-86-0

    In-Nru CIPAC: 629

    Fosfat ferriku

    Il-fosfat ferriku 703 g/kg ekwivalenti għal 260 g/kg ħadid u 144 g/kg ta' fosforu

    L-1 ta' Jannar 2016

    Il-31 ta' Diċembru 2030.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi, kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' rieżami dwar il-fosfat ferriku, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.


    (1)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' reviżjoni.


    ANNESS II

    L-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-Parti A, l-annotazzjoni 22 dwar il-fosfat ferriku titħassar;

    (2)

    fil-Parti C, tiżdied l-annotazzjoni li ġejja:

     

    L-Isem Komuni, In-Numri ta' Identifikazzjoni

    L-Isem tal-IUPAC

    Purità (*)

    Id-data tal-approvazzjoni

    L-iskadenza tal-approvazzjoni

    Id-dispożizzjonijiet speċifiċi

    “5

    Fosfat ferriku

    In-Nru tal-CAS: 10045-86-0

    In-Nru CIPAC: 629

    Fosfat ferriku

    Il-fosfat ferriku 703 g/kg ekwivalenti għal 260 g/kg ħadid u 144 g/kg ta' fosforu

    L-1 ta' Jannar 2016.

    Il-31 ta' Diċembru 2030.

    Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformi kif imsemmi fl-Artikolu 29(6) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport ta' reviżjoni dwar il-fosfat ferriku, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu.”


    (*)  Aktar dettalji dwar l-identità u l-ispeċifikazzjoni tas-sustanza attiva jinsabu fir-rapport ta' rieżami.


    Top