Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0828

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 828/2014 tat- 30 ta' Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti għall-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 228, 31.7.2014, p. 5–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2014/828/oj

    31.7.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 228/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 828/2014

    tat-30 ta' Lulju 2014

    dwar ir-rekwiżiti għall-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar l-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36(3)(d) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Persuni li għandhom il-marda tas-coeliac ibatu minn intolleranza permanenti għall-glutina. Il-qamħ (jiġifieri kull speċi ta' Triticum, bħal qamħ durum, spelt, u qamħ khorasan), is-segala u x-xgħir, ġew identifikati u rrappurtati xjentifikament bħala tipi ta' qmuħ li fihom il-glutina. Il-glutina preżenti f'dawn it-tipi ta' qmuħ tista' tikkawża effetti negattivi fuq is-saħħa ta' persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina u għaldaqstant għandhom jevitawhom.

    (2)

    Informazzjoni dwar in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel għandha sservi biex tgħin persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina biex jidentifikaw u jagħżlu dieta varjata kemm meta jieklu d-dar kif ukoll meta jieklu postijiet oħra.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 (2) jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-informazzjoni mogħtija lill-konsumaturi rigward in-nuqqas (“mingħajr glutina”) jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina (“b'livell baxx ħafna ta' glutina”) fl-ikel. Ir-regoli ta' dak ir-Regolament huma bbażati fuq dejta xjentifika, u jiggarantixxu li l-informazzjoni provvduta fuq bażi diverġenti rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel ma tqarraqx bil-konsumaturi u ma tikkonfondihomx.

    (4)

    Fil-kuntest tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-oġġetti tal-ikel maħsuba għal użi nutrizzjonali partikolari, ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 41/2009 mill-20 ta' Lulju 2016. Għandu jiġi żgurat li, wara dik id-data, l-għoti ta' informazzjoni rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel jkompli jkun ibbażat fuq id-dejta xjentifika rilevanti, u li din l-informazzjoni ma tingħatax fuq bażi diverġenti li tista' tqarraq bil-konsumaturi jew tikkonfondihom, b'konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011. Għalhekk, jeħtieġ li fl-Unjoni jinżammu kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni ta' dawn ir-rekwiżiti għall-informazzjoni dwar l-ikel mogħtija mill-operaturi tan-negozji tal-ikel rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa tal-glutina fl-ikel, u li dawn il-kundizzjonijiet ikunu bbażati fuq ir-Regolament (KE) Nru 41/2009.

    (5)

    Ċertu tipi ta' ikel jiġu prodotti, ippreparati u/jew ipproċessati b'mod speċjali li permezz tiegħu l-kontenut ta' glutina ta' wieħed jew aktar mill-ingredjenti li fihom il-glutina jitnaqqas, jew b'mod fejn l-ingredjenti li fihom il-glutina jiġu sostitwiti b'ingredjenti oħra li huma ħielsa mill-glutina b'mod naturali. Tipi oħra ta' ikel jiġu prodotti esklussivament minn ingredjenti li huma ħielsa mill-glutina b'mod naturali.

    (6)

    It-tneħħija tal-glutina minn dawn it-tipi ta' qmuħ li fihom il-glutina hija problema teknika konsiderevoli u tinvolvi spejjeż kbar, għalhekk il-manifattura ta' ikel ħieles mill-glutina hija diffiċli meta jintużaw tipi ta' qmuħ bħal dawn. B'riżultat ta' dan, ħafna tipi ta' ikel li jkunu ġew ipproċessati b'mod speċjali sabiex jitnaqqas il-kontenut ta' glutina ta' wieħed jew aktar mill-ingredjenti li fihom il-glutina li jinsabu fis-suq jista' jkun għad fihom ammonti baxxi ta' glutina.

    (7)

    Ħafna min-nies li ma taqbilx magħhom il-glutina jistgħu jinkludu l-ħafur fid-dieta tagħhom mingħajr ma jinħolqu ebda effetti negattivi fuq saħħithom. Dan huwa suġġett li għadu qiegħed jiġi studjat u investigat mill-komunita xjentifika. Madankollu, hemm tħassib serju dwar il-kontaminazzjoni tal-ħafur bil-qamħ, is-segala u x-xgħir, li tista' sseħħ waqt il-ħsad, it-trasport, il-ħażna u l-ipproċessar taż-żrieragħ. Għalhekk, għandu jitqies ir-riskju ta' kontaminazzjoni bil-glutina ta' dawn il-prodotti li fihom il-ħafur b'rabta mal-informazzjoni rilevanti mogħtija mill-operaturi tan-negozji tal-ikel dwar dawk il-prodotti tal-ikel.

    (8)

    Nies differenti li ma taqbilx magħhom il-glutina jistgħu jittolleraw ammonti varji żgħar ta' glutina f'firxa ristretta ta' possibbiltajiet. Sabiex individwi jkunu jistgħu jsibu varjetà ta' oġġetti tal-ikel fis-suq kif xieraq għall-bżonnijiet u l-livell ta' sensittività tagħhom, għażla ta' prodotti għandha tkun possibbli f'livelli baxxi differenti ta' glutina f'din il-firxa ristretta ta' possibbiltajiet. Madankollu, huwa importanti li l-prodotti differenti jiġu ttikkettjati kif suppost, u li jiġu appoġġjati b'kampanji ta' informazzjoni fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li dawn jintużaw b'mod korrett min-nies li ma taqbilx magħhom il-glutina.

    (9)

    Għandu jkun possibbli li fuq tip ta' ikel li jiġi prodott, ippreparat u/jew ipproċessat b'mod speċjali sabiex jitnaqqas il-kontenut ta' glutina ta' wieħed jew aktar mill-ingredjenti li fihom il-glutina jew sabiex dawk l-ingredjenti tal-prodott li fihom il-glutina jiġu sostitwiti b'ingredjenti oħra li huma ħielsa mill-glutina b'mod naturali jintwerew termini li jindikaw jew in-nuqqas (“mingħajr glutina”) jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina (“b'livell baxx ħafna ta' glutina”), b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament. Għandu jkun possibbli wkoll li fuq dan it-tip ta' ikel tintwera dikjarazzjoni li tgħarraf lill-konsumaturi li ġie fformulat b'mod speċifiku għal persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina.

    (10)

    Għandu jkun possibbli wkoll li fuq tipi ta' ikel li jkun fihom ingredjenti li huma ħielsa mill-glutina b'mod naturali jintwerew termini li jindikaw in-nuqqas ta' glutina, b'konformità mad-dispożizzjonijiet stabbiliti f'dan ir-Regolament u sakemm ikun hemm konformità mal-kundizzjonijiet ġenerali dwar prattiki ġusti dwar l-informazzjoni stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1169/2011. B'mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-ikel m'għandhiex tkun ta' natura qarrieqa billi tissuġġerixxi li l-ikel għandu karatteristiki speċjali meta fil-fatt it-tipi kollha tal-ikel simili għandhom dawk l-istess karatteristiki.

    (11)

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE (4) tipprojbixxi l-użu ta' ingredjenti li fihom il-glutina fil-manifattura ta' formuli tal-ikel tat-trabi u fil-manifattura ta' ħalib tat-trab għat-trabi minn erba' xhur 'il fuq. Għaldaqstant, l-użu tad-dikjarazzjonijiet “b'livell baxx ħafna ta' glutina” jew “mingħajr glutina” fuq dawn il-prodotti għandu jkun ipprojbit, billi skont dan ir-Regolament dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom jintużaw biex jiġi indikat, rispettivament, kontenut ta' glutina li ma jaqbiżx il-100 mg/kg u l-20 mg/kg.

    (12)

    L-Istandard tal-Codex għal Ikel maħsub għall-Użu Dietetiku Speċjali għal Persuni li ma Taqbilx Magħhom il-Glutina (5) għandu jitqies b'mod xieraq għall-finijiet ta' dan ir-Regolament.

    (13)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Kamp ta' applikazzjoni u suġġett

    Dan ir-regolament japplika għall-għoti ta' informazzjoni lill-konsumaturi rigward in-nuqqas jew il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    “glutina” tfisser frazzjoni ta' proteini minn qamħ, segala, xgħir, ħafur jew mill-varjetajiet imħallta tagħhom, u minn derivati ta' dawn iċ-ċereali, li ċerti persuni ma taqbilx magħhom u li ma tinħallx la fl-ilma u lanqas f'0,5 M ta' soluzzjoni tal-klorur tas-sodju;

    (b)

    “qamħ” tfisser kull speci ta' Triticum.

    Artikolu 3

    Informazzjoni għall-konsumaturi

    1.   Meta jintużaw dikjarazzjonijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni lill-konsumaturi rigward in-nuqqas jew rigward il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel, din l-informazzjoni għandha tingħata biss permezz tad-dikjarazzjonijiet, u b'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness.

    2.   L-informazzjoni dwar l-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi akkumpanjata mid-dikjarazzjonijiet “tajjeb għal persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina”, jew “tajjeb għal persuni li għandhom il-marda tas-coeliac”.

    3.   L-informazzjoni dwar l-ikel imsemmija fil-paragrafu 1 tista' tiġi akkumpanjata mid-dikjarazzjonijiet “magħmul b'mod speċifiku għal persuni li ma taqbilx magħhom il-glutina” jew “magħmul b'mod speċifiku għal persuni li għandhom il-marda tas-coeliac” jekk l-ikel jiġi prodott, ippreparat u/jew ipproċessat b'mod speċifiku biex:

    (a)

    jitnaqqas il-kontenut ta' glutina ta' wieħed jew aktar mill-ingredjenti li fihom il-glutina jew;

    (b)

    dawk l-ingredjenti li fihom il-glutina jiġu sostitwiti b'ingredjenti oħra li huma ħielsa mill-glutina b'mod naturali.

    Artikolu 4

    Ħalib tat-trabi u ħalib tat-trabi ta' iktar minn sitt xhur

    L-għoti ta' informazzjoni dwar l-ikel b'rabta man-nuqqas jew mal-preżenza mnaqqsa ta' glutina f'formuli tal-ikel tat-trabi u fil-ħalib tat-trab għat-trabi minn erba' xhur 'il fuq kif iddefinit fid- Direttiva 2006/141/KE għandu jkun ipprojbit.

    Artikolu 5

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidhol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-20 ta' Lulju 2016.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Lulju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 tal-20 ta' Jannar 2009 li jikkonċerna l-kompożizzjoni u l-ittikkettjar ta' oġġetti tal-ikel għal dawk li ma taqbilx magħhom il-glutina (ĠU L 16, 21.1.2009, p. 3).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 609/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar ikel maħsub għat-trabi u t-tfal żgħar, ikel għal skopijiet mediċi speċjali, u bħala sostitut tad-dieta kollha għall-kontroll tal-piż u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 92/52/KEE, id-Direttivi tal-Kummissjoni 96/8/KE, 1999/21/KE, 2006/125/KE u 2006/141/KE, id-Direttiva 2009/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 41/2009 u (KE) Nru 953/2009 (ĠU L 181, 29.6.2013, p. 35).

    (4)  Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli ta' prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1).

    (5)  STANDARD TAL-CODEX 118-1979.


    ANNESS

    Dikjarazzjonijietdwar in-nuqqas jew dwar il-preżenza mnaqqsa ta' glutina fl-ikel, u l-kondizzjonijiet relatati magħhom

    A.   Rekwiżiti ġenerali

    MINGĦAJR GLUTINA

    Id-dikjarazzjoni “mingħajr glutina” tista' ssir biss meta l-oġġetti tal-ikel li jinbiegħu lill-konsumatur finali, ma jkunx fihom aktar minn 20 mg/kg ta' glutina.

    B'LIVELL BAXX ĦAFNA TA' GLUTINA

    Id-dikjarazzjoni “b'livell baxx ħafna ta' glutina” tista' ssir biss meta l-oġġetti tal-ikel li jikkonsistu minn jew li fihom ingredjent jew aktar magħmul/a mill-qamħ, segala, xgħir, ħafur jew mill-varjetajiet imħallta tagħhom li jkunu ġew ipproċessati b'mod speċjali sabiex jitnaqqas il-kontenut ta' glutina ma jkunx fihom aktar minn 100 mg/kg ta' glutina fl-ikel kif mibjugħ lill-konsumatur finali.

    B.   Rekwiżiti addizzjonali għal ikel li fih il-ħafur

    Ħafur li jinsab f'oġġetti tal-ikel ippreżentati bħala “mingħajr glutina” jew “b'livell baxx ħafna ta' glutina” għandu jiġi prodott, ippreparat u/jew ipproċessat b'mod speċjali u b'tali mod li jiġi evitat li sseħħ kontaminazzjoni b'qamħ, segala, xgħir, jew bil-varjetajiet imħallta tagħhom, filwaqt li l-kontenut ta' glutina ta' dan il-ħafur ma għandux jaqbeż l-20 mg/kg.


    Top