Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014L0082

Direttiva tal-Kummissjoni 2014/82/UE tal- 24 ta' Ġunju 2014 li temenda d-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għarfien professjonali ġenerali u r-rekwiżiti mediċi u dawk għal-liċenzji Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 184, 25.6.2014, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/82/oj

25.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 184/11


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2014/82/UE

tal-24 ta' Ġunju 2014

li temenda d-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-għarfien professjonali ġenerali u r-rekwiżiti mediċi u dawk għal-liċenzji

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta' sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 31 tagħha,

Billi:

(1)

L-Anness II tad-Direttiva 2007/59/KE jinkludi dispożizzjoni li tindika li mhix meħtieġa vista effikaċi għaż-żewġ għajnejn kemm-il darba s-sewwieq ikollu adattament adegwat u esperjenza ta' kumpens suffiċjenti, però dan jgħodd biss jekk is-sewwieq ikun tilef il-vista binokulari wara li jkun beda l-impjieg. Dik id-dispożizzjoni tikkontradixxi r-rekwiżiti l-oħra dwar il-viżjoni tal-Anness II tad-Direttiva 2007/59/KE u tista' toħloq riskju għal-livell għoli tas-sikurezza f'operazzjonijiet ferrovjarji.

(2)

Barra minn hekk, ċerti rekwiżiti fl-Annessi IV u VI tad-Direttiva 2007/59/KE dwar il-liċenzji u ċ-ċertifikati mhumiex ċari biżżejjed, u dan iwassal biex jiġu applikati b'mod differenti fl-Istati Membri u fl-aħħar mill-aħħar jipperikolaw l-introduzzjoni ta' sistema ta' liċenzji armonizzata għas-sewwieqa tal-ferroviji fl-Unjoni.

(3)

Fis-7 ta' Mejju 2012, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea tat parir lill-Kummissjoni Ewropea dwar l-emenda tal-Annessi II, IV u VI tad- Direttiva 2007/59/KE. Il-korpi rrappreżentati fil-Kumitat ta' Djalogu Soċjali ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 31 ta' dik id-Direttiva.

(4)

Għandhom jiġu pprovduti miżuri ta' tranżizzjoni għas-sewwieqa tal-ferroviji li kisbu jew se jiksbu l-liċenzja tagħhom skont id-Direttiva 2007/59/KE qabel id-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(5)

Id-Direttiva 2007/59/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'din id-Direttiva huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat li jgħin lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2007/59/KE,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2007/59/KE hija emendata kif ġej:

(1)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

F'punt “1.2. Vista”, is-seba' inċiż jinbidel b'dan li ġej:

“—

vista għaż-żewġ għajnejn: effettiva,”

(2)

L-Anness IV jinbidel bit-test fl-Anness I ta' din id-Direttiva.

(3)

L-Anness VI huwa emendat kif stipulat fl-Anness II ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Is-sewwieqa tal-ferroviji li kisbu jew se jiksbu l-liċenzja tagħhom skont id- Direttiva 2007/59/KE qabel id-data ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) ta' din id-Direttiva għandhom jitqiesu li qed jikkonformaw mar-rekwiżiti tagħha.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta' dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.

Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' Jannar 2016.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza bħal din meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir din ir-referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

3.   L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implementazzjoni ta' din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għar-Repubblika ta' Ċipru u għar-Repubblika ta' Malta sakemm ma tiġix stabbilita sistema ferrovjarja fit-territorji tagħhom.

Artikolu 4

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Ġunju 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 315, 3.12.2007, p. 51.


ANNESS I

“ANNESS IV

GĦARFIEN PROFESSJONALI ĠENERALI U REKWIŻITI DWAR IL-LIĊENZJA

L-objettiv tat-‘taħriġ ġenerali’ huwa li jipprovdi kompetenza ‘ġenerali’ dwar l-aspetti kollha li huma relevanti għall-professjoni tas-sewwieq tal-ferrovija. It-taħriġ ġenerali f'dan ir-rigward se jiffoka fuq l-għarfien bażiku u l-prinċipji li huma applikabbli indipendentement mit-tip u n-natura tal-vetturi ferrovjarji jew tal-infrastruttura. Dan jista' jiġi organizzat mingħajr eżerċizzji prattiċi.

Il-kompetenza fir-rigward tat-tipi speċifiċi ta' vetturi ferrovjarji jew fir-rigward tar-regoli u t-tekniki dwar is-sikurezza u t-tħaddim għal infrastruttura partikolari, ma tagħmilx parti mill-kompetenza ‘ġenerali’. It-taħriġ li jwassal għal kompetenza dwar il-vetturi ferrovjarji jew dwar l-infrastruttura jirrigwarda ċ-ċertifikat tas-sewwieq tal-ferrovija u huwa speċifikat fl-Annessi V u VI.

It-taħriġ ġenerali jkopri s-suġġetti (1) sa (7) elenkati hawn taħt. L-ordni li fih ikunu elenkati mhuwiex ordni ta' prijorità.

Il-verbi użati fil-lista jindikaw it-tip ta' kompetenza li l-apprentist huwa mistenni jikseb. It-tifsira tagħhom hija deskritta fit-tabella li ġejja:

It-tip ta' kompetenza

Deskrizzjoni

li jkun jaf, li jiddeskrivi

jiddeskrivi l-akkwiżizzjoni tal-għarfien (dejta, fatti) li huwa meħtieġ biex wieħed jifhem ir-relazzjonijiet

li jifhem, li jidentifika

jiddeskrivi l-identifikazzjoni u l-memorizzazzjoni ta' kuntest, twettiq ta' kompitu u soluzzjoni tal-problemi f'qafas definit

(1)

Ix-xogħol ta' sewwieq, l-ambjent tax-xogħol, ir-rwol u r-responsabbiltà tas-sewwieq fil-proċess tat-tħaddim tal-ferroviji, l-esiġenzi professjonali u personali tar-responsabbiltajiet tas-sewwieq

(a)

li jkun jaf l-impetu ġenerali tal-leġiżlazzjoni u tar-regoli applikabbli għat-tħaddim tal-ferroviji u għas-sikurezza (ir-rekwiżiti u l-proċeduri rigward iċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji, oġġetti perikolużi, il-ħarsien tal-ambjent, il-protezzjoni kontra n-nar, eċċ.),

(b)

li jifhem ir-rekwiżiti speċifiċi u l-esiġenzi professjonali u personali (b'mod ġenerali huwa xogħol ta' wieħed waħdu, xogħol bix-xift fuq ċiklu ta' 24 siegħa, protezzjoni individwali u sikurezza, qari u aġġornament ta' dokumenti, eċċ.),

(c)

li jifhem imġiba li hija kompatibbli ma' responsabbiltajiet essenzjali għas-sikurezza (medikazzjoni, alkoħol, drogi u sustanzi psikoattivi oħra, mard, stress, għeja, eċċ.),

(d)

li jidentifika d-dokumenti ta' referenza u dwar l-operat (pereżempju, ġabra tar-regoli, ktieb dwar ir-rotta, manwal tas-sewwieq, eċċ.),

(e)

li jidentifika r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-persuni involuti,

(f)

li jifhem l-importanza li jkun preċiż fit-twettiq ta' dmirijietu u fil-metodi tax-xogħol,

(g)

li jifhem x'inhi s-saħħa u s-sikurezza fuq il-post tax-xogħol (eż. il-kodiċi ta' mġiba fuq il-linji ferrovjarji u qribhom, il-kodiċi ta' mġiba biex wieħed imur fuq l-unità lokomotiva u jinżel minnha b'mod sikur, l-ergonomija, ir-regoli dwar is-sikurezza tal-persunal, it-tagħmir ta' protezzjoni personali, eċċ.),

(h)

li jkun jaf il-ħiliet u l-prinċipji tal-imġiba (l-immaniġġar tal-istress, sitwazzjonijiet estremi, eċċ.),

(i)

li jkun jaf il-prinċipji tal-ħarsien tal-ambjent (sewqan sostenibbli, eċċ.).

(2)

Teknoloġiji ferrovjarji, li jinkludu l-prinċipji ta' sikurezza li fuqhom huma bbażati r-regolamenti operattivi

(a)

li jkun jaf il-prinċipji, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw is-sikurezza fit-tħaddim tal-ferroviji,

(b)

li jidentifika r-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tal-persuni involuti.

(3)

Il-prinċipji bażiċi tal-infrastruttura ferrovjarja

(a)

li jkun jaf il-prinċipji u l-parametri sistematiċi u strutturali,

(b)

li jkun jaf il-karatteristiċi ġenerali ta' linji ferrovjarji, stazzjonijiet, ċentri fejn jinġemgħu l-ferroviji (marshalling yards),

(c)

li jkun jifhem fl-istrutturi ferrovjarji (pontijiet, mini, punti, eċċ.),

(d)

li jkun jifhem fil-modalitajiet operattivi (linja ferrovjarja waħdanija, tħaddim ta' linja ferrovjarja doppja, eċċ.),

(e)

li jkun jifhem fis-sistemi ta' sinjalazzjoni u ta' kontroll tal-ferrovija,

(f)

li jkun jifhem fi stallazzjonijiet għas-sikurezza (lokalizzatur tat-tisħin fil-kaxxa tal-fus, detetturi tad-duħħan f'mini, eċċ.),

(g)

li jkun jifhem fil-provvista tal-enerġija tat-trazzjoni (il-katenarju, it-tielet linja ferrovjarja, eċċ.).

(4)

Il-prinċipji bażiċi tal-komunikazzjoni dwar l-operat

(a)

li jkun jaf kemm hi sinifikanti l-komunikazzjoni u jkun jaf il-mezzi u l-proċeduri għall-komunikazzjoni,

(b)

li jidentifika l-persuni li s-sewwieq għandu bżonn jikkuntattja u r-rwol u r-responsabbiltà tagħhom (il-persunal tal-maniġer tal-infrastruttura, ir-responsabbiltajiet ta' xogħol ta' persunal ferrovjarju ieħor, eċċ.),

(c)

li jidentifika sitwazzjonijiet/kawżi li jeħtieġu li tinbeda komunikazzjoni,

(d)

li jifhem il-metodi ta' komunikazzjoni.

(5)

Il-ferroviji, kif inhuma magħmulin u r-rekwiżiti tekniċi għall-unitajiet lokomotivi, il-vaguni, il-kowċis u vetturi ferrovjarji oħrajn

(a)

li jkun jaf tipi ġeneriċi ta' trazzjoni (bl-elettriku, bid-diżil, bil-fwar, eċċ.),

(b)

li jiddeskrivi kif inhi mqassma vettura (il-bogies, il-bòdi, il-kabina tas-sewqan, is-sistemi ta' ħarsien, eċċ.),

(c)

li jkun jaf il-kontenut u s-sistemi tal-ittikkettar,

(d)

li jkun jaf id-dokumentazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-ferrovija,

(e)

li jifhem fis-sistemi tal-ibbrejkjar u fil-kalkolu tal-prestazzjoni,

(f)

li jidentifika l-veloċità tal-ferroviji,

(g)

li jidentifika t-tagħbija massima u l-forzi tal-apparat tal-irbit,

(h)

li jifhem fit-tħaddim u fl-iskop tas-sistema tal-immaniġġar tal-ferroviji.

(6)

Il-perikli involuti fit-tħaddim tal-ferroviji in ġenerali

(a)

li jifhem il-prinċipji li jirregolaw is-sikurezza tat-traffiku,

(b)

li jkun jaf ir-riskji marbuta mat-tħaddim tal-ferroviji u l-modi varji li għandhom jintużaw għall-mitigazzjoni tagħhom,

(c)

li jkun jaf b'inċidenti relevanti għas-sikurezza u jifhem l-imġiba/reazzjoni meħtieġa,

(d)

li jkun jaf liema huma l-proċeduri applikabbli f'każ ta' inċidenti li jinvolvu persuni (eż. evakwazzjoni).

(7)

Il-prinċipji bażiċi tal-fiżika

(a)

li jifhem il-forzi fis-sewqan,

(b)

li jidentifika l-fatturi li jinfluwenzaw il-prestazzjoni tal-aċċellerazzjoni u tal-ibbrejkjar (kundizzjonijiet tat-temp, tagħmir tal-brejkijiet, adeżjoni mnaqqsa, xkatlar, eċċ.),

(c)

li jifhem x'inhuma l-prinċipji tal-elettriku (ċirkwiti, kejl ta' vultaġġ, eċċ.).”


ANNESS II

Il-punt 8 tal-Anness VI għandu jinbidel b'dan li ġej:

“8.   TESTIJIET TAL-LINGWA

Is-sewwieqa li jridu jikkomunikaw mal-maniġer tal-infrastruttura dwar kwistjonijiet essenzjali ta' sikurezza għandu jkollhom ħiliet lingwistiċi fil-lingwa indikata mill-maniġer tal-infrastruttura kkonċernat. Il-ħiliet lingwistiċi tagħhom għandhom ikunu tali li jistgħu jikkomunikaw attivament u effettivament f'sitwazzjonijiet ta' rutina, avversi u ta' emerġenza.

Għandhom ikunu kapaċi jużaw il-messaġġi u l-metodu ta' komunikazzjoni speċifikat fl-Ispeċifikazzjoni teknika ta' interoperabilità (TSI) ‘L-operazzjonijiet u l-maniġment tat-traffiku’. Is-sewwieqa għandhom ikunu kapaċi jifhmu (kemm bis-smiegħ kif ukoll bil-qari) u jikkomunikaw (kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub) skont il-livell B1 tal-Qafas Ewropew Komuni ta' Riferenza għal-Lingwi (QKER) kif stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa (1).



Top