This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010R0461
Commission Regulation (EU) No 461/2010 of 27 May 2010 on the application of Article 101(3) of the Treaty on the Functioning of the European Union to categories of vertical agreements and concerted practices in the motor vehicle sector (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 tas- 27 ta’ Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 461/2010 tas- 27 ta’ Mejju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 129, 28.5.2010, p. 52–57
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/05/2023
28.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 129/52 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 461/2010
tas-27 ta’ Mejju 2010
dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill Nru 19/65/KEE tat-2 ta’ Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim u prattiċi miftiehma (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1 tiegħu,
Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,
Wara li kkunsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament Nru 19/65/KEE jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (*) permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma korrispondenti li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Regolamenti dwar eżenzjoni ta’ kategorija japplikaw għall-akkordji vertikali li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet u jistgħu jkunu ġenerali jew speċifiċi għal settur. |
(2) |
Il-Kummissjoni ddefiniet kategorija ta’ akkordji vertikali li hi tqis li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat u għal dan il-għan adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma (2), li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2790/1999 (3). |
(3) |
Is-settur tal-vetturi bil-mutur, li jinkludi kemm il-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi kummerċjali, ilu soġġett għal regolamenti dwar eżenzjoni ta’ kategorija speċifiċi mill-1985, l-aktar reċenti huwa r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tal-31 ta’ Lulju 2002 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat fuq kategoriji ta’ ftehim vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vettur bil-mutur (4). Ir-Regolament (KE) Nru 2790/1999 iddikjara b’mod espliċitu li ma japplikax għall-akkordji vertikali li jaqgħu fl-ambitu ta’ kwalunkwe regolament ieħor dwar eżenzjoni ta’ kategorija. Is-settur tal-vetturi bil-mutur għalhekk ma jaqax fl-ambitu ta’ dak ir-Regolament. |
(4) |
Ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2010. Madankollu, is-settur tal-vetturi bil-mutur għandu jkompli jibbenefika minn eżenzjoni ta’ kategorija sabiex jissimplifika l-amministrazzjoni u jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità għall-impriżi konċernati, waqt li jiżgura superviżjoni effettiva tas-swieq skont l-Artikolu 103(2)(b) tat-Trattat. |
(5) |
L-esperjenza miksuba mill-2002 fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda, id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u l-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur, tirrendi possibbli d-definizzjoni ta’ kategorija ta’ akkordji vertikali fis-setturi tal-vetturi bil-mutur li tista’ titqies bħala li normalment tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. |
(6) |
Din il-kategorija tinkludi akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda, akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ partijiet tal-bdil għal vetturi bil-mutur u akkordji vertikali għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għat-tali vetturi, fejn dawk l-akkordji jiġu konklużi bejn impriżi li mhumiex f’kompetizzjoni, bejn ċerti kompetituri, jew minn ċerti assoċjazzjonijiet ta’ bejjiegħa bl-imnut jew garaxxijiet tat-tiswija. Din tinkludi wkoll akkordji vertikali li jkun fihom dispożizzjonijiet anċillari dwar l-għoti jew l-użu ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali. It-terminu “akkordji vertikali” għandu ikun għalhekk iddefinit biex jinkludi kemm akkordji bħal dawn kif ukoll il-prattiċi miftiehma korrispondenti. |
(7) |
Ċerti tipi ta’ akkordji vertikali jistgħu jtejbu l-effiċjenza ekonomika fi ħdan katina ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni billi jiffaċilitaw koordinazzjoni aħjar bejn l-impriżi parteċipanti. B’mod partikolari, jistgħu jwasslu għal tnaqqis fl-ispejjeż ta’ tranżazzjoni u distribuzzjoni tal-partijiet u għal ottimizzazzjoni tal-livelli tal-bejgħ u l-investiment tagħhom. |
(8) |
Il-probabbiltà li dawn l-effetti li jsaħħu l-effiċjenza jkunu akbar minn kull effett antikompetittiv minħabba restrizzjonijiet li jinsabu f’akkordji vertikali tiddependi fuq il-grad ta’ poter fis-suq tal-partijiet fl-akkordju u, għalhekk, fuq sa fejn dawk l-impriżi jaffaċċjaw kompetizzjoni minn fornituri oħra ta’ oġġetti jew servizzi li l-klijenti tagħhom iqisu li jkunu skambjabbli jew sostitwibbli għal xulxin, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet u l-użu maħsub tagħhom. Akkordji vertikali li fihom restrizzjonijiet li x’aktarx jirrestrinġu l-kompetizzjoni u jagħmlu ħsara lill-konsumaturi, jew li mhumiex indispensabbli għall-kisba tal-effetti li jsaħħu l-effiċjenza, għandhom jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija. |
(9) |
Sabiex jiġi definit l-ambitu xieraq ta’ regolament dwar l-eżenzjoni ta’ kategorija, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-kondizzjonijiet kompetittivi fis-settur rilevanti. F’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-monitoraġġ fil-fond tas-settur tal-vetturi bil-mutur imsemmija fir-Rapport ta’ Evalwazzjoni tal-operat tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1400/2002 tat-28 ta’ Mejju 2008 (5) u fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-Qafas Ġejjieni tal-Liġi tal-Kompetizzjoni applikabbli għas-settur tal-vetturi bil-mutur tat-22 ta’ Lulju 2009 (6) urew li għandha ssir distinzjoni bejn akkordji dwar id-distribuzzoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda u akkordji għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni u d-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil. |
(10) |
Fir-rigward tad-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda, ma jidhirx li hemm xi nuqqasijiet sinjifikanti ta’ kompetizzjoni li jiddistingwu dan is-settur minn setturi oħra ekonomiċi u li jistgħu jeħtieġu l-applikazzjoni ta’ regoli differenti u aktar stretti minn dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 330/2010. Il-limitu tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ ċerti akkordji vertikali u l-kondizzjonijiet l-oħra stipulati f’dak ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Għaldaqstant, tali akkordji għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni mogħtija bir-Regolament (UE) Nru 330/2010, soġġetti għall-kondizzjonijiet kollha stipulati fih. |
(11) |
Fir-rigward tal-akkordji dwar id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u għall-provvista tas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati ċerti karatteristiċi speċifiċi tas-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur. B’mod partikolari, l-esperjenza miksuba mill-Kummissjoni fl-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 turi li ż-żidiet fil-prezz għal xogħol ta’ tiswija individwali huma biss parzjalment riflessi fiż-żieda fl-affidabilità ta’ karozzi moderni u t-titwil tal-intervalli bejn is-servizzi ta’ manutenzjoni. Dawn it-tendenzi tal-aħħar huma konnessi mal-evoluzzjoni teknoloġika u mal-kumplessità u affidabilità ogħla ta’ komponenti tal-vetturi bil-mutur li l-manifatturi tal-vetturi jixtru mingħand il-fornituri tat-tagħmir oriġinali. Fornituri bħal dawn ibiegħu l-prodotti tagħhom bħala partijiet tal-bdil fis-suq ta’ wara l-bejgħ kemm permezz tan-netwerks tat-tiswija awtorizzati tal-manifatturi tal-vetturi u permezz ta’ kanali indipendenti, li b’hekk jirrappreżentaw forza kompetittiva importanti fis-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur. Il-medja tal-ispejjeż li jeħlu l-konsumaturi fl-Unjoni għas-servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ vetturi bil-mutur jirrappreżentaw proporzjon għoli ħafna tal-infiq totali tal-konsumaturi fuq il-vetturi bil-mutur. |
(12) |
Il-kondizzjonijiet kompetittivi fis-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur ukoll għandhom effett dirett fuq is-sigurezza pubblika, fis-sens li l-vetturi jistgħu jinsaqu b’mod mhux sigur jekk ma jiġux imsewwija korrettament, kif ukoll fuq is-saħħa pubblika u l-ambjent, minħabba li l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju u materjal ieħor li jniġġes l-arja jistgħu jkunu ogħla meta jkunu ġejjin minn vetturi li ma jkunux għaddew minn xogħol ta’ manutenzjoni regolari. |
(13) |
Sa fejn jista’ jiġi definit suq ta’ wara l-bejgħ separat, l-eżistenza ta’ kompetizzjoni effettiva fis-swieq għax-xiri u l-bejgħ ta’ partijiet tal-bdil, kif ukoll għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur, tiddependi fuq il-livell ta’ interazzjoni kompetittiva bejn garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati, jiġifieri dawk li joperaw fi ħdan netwerks tat-tiswija stabbiliti direttament jew indirettament minn manifatturi tal-vetturi, kif ukoll bejn operaturi awtorizzati u indipendenti, inklużi fornituri tal-partijiet tal-bdil u garaxxijiet tat-tiswija indipendenti. Il-kapaċità ta’ dawn tal-aħħar li jikkompetu tiddependi fuq aċċess mhux ristrett għal inputs essenzjali bħal partijiet tal-bdil u informazzjoni teknika. |
(14) |
Fid-dawl ta’ dawk id-dettalji speċifiċi, ir-regoli li hemm fir-Regolament (UE) Nru 330/2010, inkluż il-limitu tas-sehem mis-suq ta’ 30 %, huma neċessarji iżda mhux suffiċjenti sabiex jiżguraw li l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija jkun riżervat biss għal dawk l-akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ partiiet tal-bdil u għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni li għalihom jista’ jiġi assunt b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. |
(15) |
Għaldaqstant, akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni ta’ kategorija biss jekk, flimkien mal-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 330/2010, jikkonformaw ma’ rekwiżiti aktar stretti li għandhom x’jaqsmu ma’ ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni li jistgħu jillimitaw il-provvista u l-użu ta’ partijiet tal-bdil fis-suq ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur. |
(16) |
B’mod partikolari, il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija m’għandux jingħata lil akkordji li jirrestrinġu l-bejgħ ta’ partijiet tal-bejgħ minn membri tas-sistema tad-distribuzzjoni selettiva ta’ manifattur tal-vetturi lil garaxxijiet tat-tiswija indipendenti, li jużawhom għall-provvista ta’ servizzi tat-tiswija jew manutenzjoni. Mingħajr aċċess għal dawn l-imsemmija partijiet tal-bdil, dawn is-sewwejja indipendenti ma jkunux jistgħu jikkompetu effettivament ma’ garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati, peress li ma jkunux jistgħu jipprovdu lill-konsumaturi b’servizzi ta’ kwalità tajba li jikkontribwixxu għal funzjonament li hu sigur u affidabbli tal-vetturi bil-mutur. |
(17) |
Barra minn hekk, sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni effettiva fis-swieq tat-tiswija u l-manutenzjoni u sabiex il-garaxxijiet tat-tiswija jkunu jistgħu joffru lill-utenti finali partijiet tal-bdil konkorrenti, l-eżenzjoni ta’ kategorija m’għandhiex tkopri akkordji vertikali li, għalkemm jikkonformaw mar-Regolament (UE) Nru 330/2010, jirrestrinġu l-kapaċità ta’ prodottur ta’ partijiet tal-bdil li jbiegħ tali partijiet lil garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni ta’ manifattur tal-vetturi, distributuri indipendenti ta’ partijiet tal-bdil, garaxxijiet tat-tiswija indipendenti jew utenti finali. Dan ma jaffettwax ir-responsabbiltà tal-produtturi tal-partijiet tal-bdil taħt il-liġi ċivili, jew il-kapaċità tal-manifatturi tal-vetturi li jeħtieġu garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati fi ħdan is-sistema tad-distribuzzjoni tagħhom li jużaw biss partijiet tal-bdil li għandhom kwalità ugwali għall-komponenti użati għall-immuntar ta’ vettura bil-mutur partikolari. Barra minn hekk, minħabba l-involviment kuntrattwali dirett tal-manifatturi tal-vetturi fit-tiswijiet taħt il-garanzija, l-isservisjar b’xejn, u l-operazzjonijiet tas-sejħiet lura, l-akkordji li fihom obbligi fuq garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati li jużaw biss partijiet tal-bdil ipprovduti mill-manifattur tal-vettura għal dawk it-tiswijiet għandhom ikunu koperti bl-eżenzjoni. |
(18) |
Finalment, sabiex tippermetti garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati u indipendenti u l-utenti finali biex jiddentifikaw il-manifattur tal-komponenti tal-vetturi bil-mutur jew tal-partijiet tal-bdil u biex jagħzlu bejn partijiet alternattivi, l-eżenzjoni ta’ kategorija m’għandhiex tkopri akkordji li permezz tagħhom manifattur ta’ vetturi bil-mutur jillimita l-kapaċità ta’ manifattur ta’ komponenti jew partijiet tal-bdil oriġinali milli jpoġġi t-trejdmark jew logo tiegħu b’mod effettiv u viżibbli fuq dawk il-partijiet. |
(19) |
Sabiex jingħata żmien lill-operaturi kollha sabiex jadattaw għal dan ir-Regolament, huwa xieraq li jiġi estiż il-perjodu ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002 relatat mal-akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ u l-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda sal-31 ta’ Mejju 2013. Fir-rigward tal-akkordji vertikali dwar id-distribuzzjoni ta’ partijiet tal-bdil u għall-provvista ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2010 sabiex tkompli tiġi żgurata protezzjoni xierqa tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-vetturi bil-mutur ta’ wara l-bejgħ. |
(20) |
Il-Kummissjoni se tkun qed timmonitorja, fuq bażi kontinwa, l-iżviluppi fis-settur tal-vetturi bil-mutur u se tieħu azzjoni rimedjali xierqa jekk jinħoloq nuqqas ta’ kompetizzjoni li jista’ jwassal għal dannu lill-konsumatur fuq is-suq tad-distribuzzjoni ta’ vetturi bil-mutur ġodda jew tal-forniment tal-partijiet tal-bdil jew tas-servizzi ta’ wara l-bejgħ tal-vetturi bil-mutur. |
(21) |
Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċji ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (7) meta, f’każ partikolari, akkordju li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. |
(22) |
L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu, meta, f’każ partikolari, akkordju li tapplika għalih l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li jkunu inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew f’parti minnu, u fejn tali territorju jkollu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint. |
(23) |
Fid-deċiżjoni dwar jekk il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament għandux jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għandhom importanza partikolari l-effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-eżistenza ta’ netwerks paralleli ta’ akkordji vertikali b’effetti simili li jirrestrinġu b’mod sinifikanti l-aċċess għal suq rilevanti jew il-kompetizzjoni fl-istess suq. Tali effetti kumulattivi jistgħu, pereżempju, jirriżultaw fil-każ ta’ distribuzzjoni selettiva jew obbligi li wieħed ma jikkompetix. |
(24) |
Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni ta’ netwerks paralleli ta’ akkordji vertikali b’effetti antikompetittivi simili u li jkopru aktar minn 50 % ta’ suq partikolari, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li dan ir-Regolament ma japplikax għal akkordji vertikali li jkun fihom restrizzjonijiet speċifiċi relatati mas-suq ikkonċernat, biex b’hekk l-Artikolu 101 tat-Trattat jerġa’ japplika bis-sħiħ għal dawn l-akkordji. |
(25) |
Huwa xieraq li jitfassal rapport ta’ evalwazzjoni tal-operat ta’ dan ir-Regolament sabiex jiġu eżaminati l-effetti ta’ dan ir-Regolament fuq il-kompetizzjoni fil-bejgħ bl-imnut ta’ vetturi bil-mutur, fil-provvista ta’ partijiet tal-bdil u fis-servizzi ta’ manutenzjoni ta’ wara l-bejgħ għall-vetturi bil-mutur fis-suq intern, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
1. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
“akkordju vertikali” tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi; |
(b) |
“restrizzjoni vertikali” tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat; |
(c) |
“garaxx tat-tiswija awtorizzat” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li jopera fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita minn fornitur ta’ vetturi bil-mutur; |
(d) |
“distributur awtorizzat” tfisser distributur ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li jopera fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita minn fornitur ta’ vetturi bil-mutur; |
(e) |
“garaxx tat-tiswija indipendenti” tfisser:
|
(f) |
“distributur indipendenti” tfisser:
|
(g) |
“vettura bil-mutur” tfisser vettura awtomotriċi maħsuba għall-użu fuq it-toroq pubbliċi u li għandha tlieta jew aktar roti għat-triq; |
(h) |
“partijiet tal-bdil” tfisser oġġetti li għandhom jiġu stallati fi jew fuq vettura bil-mutur ħalli jibdlu komponenti ta’ dik il-vettura, inklużi oġġetti bħal lubrikanti li huma neċessarji għall-użu ta’ vettura bil-mutur, bl-eċċezzjoni tal-karburant; |
(i) |
“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula abbażi ta’ kriterji speċifikati biss u fejn dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur sabiex jopera dik is-sistema. |
2. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “fornitur”, “manifattur” u “xerrej” għandhom jinkludu l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom.
“Impriżi konnessi” tfisser:
(a) |
impriżi li fihom parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:
|
(b) |
impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju; |
(c) |
impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a); |
(d) |
impriżi li fihom parti fl-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a); |
(e) |
impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:
|
KAPITOLU II
AKKORDJI VERTIKALI DWAR IX-XIRI, IL-BEJGĦ JEW IL-BEJGĦ MILL-ĠDID TA’ VETTURI BIL-MUTUR ĠODDA
Artikolu 2
Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002
Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, mill-1 ta’ Ġunju 2010 sal-31 ta’ Mejju 2013, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali relatati mal-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, jbiegħu jew jbiegħu mill-ġdid vetturi bil-mutur ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal eżenzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 li huma relatati speċifikament ma’ akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda.
Artikolu 3
L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 330/2010
B’effett mill-1 ta’ Ġunju 2013, ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 għandu japplika għal akkordji vertikali relatati max-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda.
KAPITOLU III
AKKORDJI VERTIKALI DWAR IS-SUQ TA’ WARA L-BEJGĦ TAL-VETTURI BIL-MUTUR
Artikolu 4
Eżenzjoni
Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali relatati mal-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur jew jipprovdu servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal eżenzjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 u ma fihomx kwalunkwe klawżola fundamentali elenkata fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn dawn l-akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.
Artikolu 5
Restrizzjoniijet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali
L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:
(a) |
ir-restrizzjoni tal-bejgħ ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva lil garaxxijiet tat-tiswija indipendenti li jużaw dawk il-partijiet għat-tiswija jew manutenzjoni ta’ vettura bil-mutur; |
(b) |
ir-restrizzjoni, miftiehma bejn fornitur ta’ partijiet tal-bdil, għodda tat-tiswija jew tagħmir dijanjostiku jew ieħor u manifattur ta’ vetturi bil-mutur, tal-kapaċità tal-fornitur li jbiegħ dawk l-oġġetti lil distributuri awtorizzati jew indipendenti jew lil garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati jew indipendenti jew lill-utenti finali; |
(c) |
ir-restrizzjoni, miftiehma bejn manifattur ta’ vetturi bil-mutur li juża komponenti għall-immuntar inizjali ta’ vetturi bil-mutur u l-fornitur ta’ tali komponenti, tal-kapaċità tal-fornitur li jpoġġi t-trejdmark jew il-logo tiegħu b’mod effettiv u faċilment viżibbli fuq il-komponenti forniti jew fuq il-partijiet tal-bdil. |
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 6
Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament
Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li, fejn netwerks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.
Artikolu 7
Rapport ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni
Il-Kummissjoni għandha timmonitorja t-tħaddim ta’ dan ir-Regolament u tfassal rapport dwar it-tħaddim tiegħu sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Mejju 2021, b’kunsiderazzjoni partikolari għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat.
Artikolu 8
Perijodu ta’ validità
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010.
Għandu jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2023.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Mejju 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU 36, 6.3.1965, p. 533/65.
(*) B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE.
(2) ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.
(3) ĠU L 336, 29.12.1999, p. 21.
(4) ĠU L 203, 1.8.2002, p. 30.
(5) SEC(2008) 1946.
(6) COM(2009) 388.