EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008L0081

Direttiva tal-Kummissjoni 2008/81/KE tad- 29 ta' Lulju 2008 li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-difenacoum bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 201, 30.7.2008, p. 46–48 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/08/2013; Imħassar b' 32012R0528

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2008/81/oj

30.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 201/46


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2008/81/KE

tad-29 ta' Lulju 2008

li temenda d-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tinkludi d-difenacoum bħala sustanza attiva fl-Anness I tagħha

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 98/8/KE tas-16 ta' Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidi (1), u b'mod partikolari it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 16(2) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1451/2007 ta’ l-4 ta’ Diċembru 2007 dwar it-tieni fażi tal-programm ta’ ħidma ta’ għaxar snin imsemmi fl-Artikolu 16(2) tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti bijoċidali (2), jistabbilixxi lista ta’ sustanzi attivi li għandhom jiġu evalwati bil-għan li possibbilment ikunu inklużi fl-Annessi I, IA jew IB tad-Direttiva 98/8/KE. Din il-lista tinkludi d-difenacoum.

(2)

Skond ir-Regolament (KE) Nru 1451/2007, id-difenacoum ġie evalwat skond l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 98/8/KE għall-użu fil-prodott tat-tip 14, rodentiċidi, kif iddefinit fl-Anness V tad-Direttiva 98/8/KE.

(3)

Il-Finlandja nħatret bħala l-Istat Membru Referent u ressqet ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti, flimkien ma’ rakkomandazzjoni, lill-Kummissjoni fil-21 ta' Marzu 2006 skond l-Artikolu 14(4) u (6) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007.

(4)

Ir-rapport ta’ l-awtorità kompetenti ġie analizzat mill-Istati Membri u l-Kummissjoni. Skond l-Artikolu 11(4) tar-Regolament (KE) Nru 1451/2007, is-sejbiet mill-analiżi ġew inkorporati, fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidi fid-29 ta' Novembru 2007, f’rapport ta’ evalwazzjoni.

(5)

L-analiżi tad-difenacoum ma kixfet l-ebda kwistjoni jew tħassib mhux solvuti li għandhom jiġu ttrattati mill-Kumitat Xjentifiku dwar ir-Riskji għas-Saħħa u l-Ambjent.

(6)

Mill-eżamijiet li saru jidher li prodotti bijoċidi li jintużaw bħala rodentiċidi u jkun fihom id-difenacoum jistgħu jitqiesu li ma jippreżentawx riskju għall-bnedmin ħlief għal okkorrenzi inċidentali tat-tfal. Ġie identifikat riskju għall-annimali li mhumiex fil-mira u l-ambjent. Madankollu, ir-rodituri fil-mira huma annimali qerrieda u għalhekk huma ta’ periklu għas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, għadu ma ġiex stabbilit jekk jeżistux alternattivi adegwati għall-difenacoum, li jkunu daqstant effikaċi u anqas ta’ ħsara għall-ambjent. Għalhekk huwa xieraq li d-difenacoum jiġi inkluż fl-Anness I għal perjodu limitat, sabiex ikun żgurat li fl-Istati Membri kollha l-awtorizzazzjonijiet għall-prodotti bijoċidi wżati bħala rodentiċidi u li fihom id-difenacoum jistgħu jingħataw, jiġu mmodifikati jew ikkanċellati skond l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE.

(7)

Fid-dawl tas-sejbiet tar-rapport ta' valutazzjoni, huwa xieraq li jkun rikjest li fil-livell ta' l-awtorizzazzjoni tal-prodotti jiġu applikati miżuri speċifiċi għat-taffija tar-riskju fuq prodotti li jkun fihom id-difenacoum u li jintużaw bħala rodentiċidi. Miżuri tali għandhom jiġu mmirati biex ikun limitat ir-riskju primarju u sekondarju ta' l-esponiment tal-bnedmin u annimali li mhumiex fil-mira kif ukoll l-effetti għal tul ta' żmien fuq l-ambjent.

(8)

Minħabba r-riskji identifikati u l-karatteristiċi tagħha li jagħmluha potenzjalment persistenti, suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni u tossiku, jew persistenti ħafna u suxxettibbli ħafna għall-bijoakkumulazzjoni, id-difenacoum għandha tiġi inkluża fl-Anness I għal ħames snin biss u għandha tkun suġġetta għal valutazzjoni tar-riskju komparattiva skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tagħha fl-Anness I.

(9)

Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jkunu applikati b’mod simultanju fl-Istati Membri kollha sabiex jiżguraw trattament ugwali tal-prodotti bijoċidi fis-suq li fihom is-sustanza attiva tad-difenacoum u wkoll biex jiffaċilitaw l-operat kif suppost tas-suq tal-prodotti bijoċidi in ġenerali.

(10)

Għandu jitħalla jgħaddi perjodu raġonevoli qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati jippreparaw ruħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti l-ġodda involuti u jiżgura li l-applikanti li ppreparaw id-dokumentazzjoni jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-perjodu ta’ għaxar snin ta’ protezzjoni tad-dejta, li skond l-Artikolu 12(1)(c)(ii) tad-Direttiva 98/8/KE jibda mid-data ta’ l-inklużjoni.

(11)

Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perjodu raġonevoli biex jimplimentaw l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 98/8/KE u b’mod partikolari biex jagħtu, jimmodifikaw jew jikkanċellaw l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti bijoċidi fil-prodotti tat-tip 14 li fihom d-difenacoum biex jiżguraw li dawn jikkonformaw mad-Direttiva 98/8/KE.

(12)

Id-Direttiva 98/8/KE għalhekk għandha tiġi emendata kif jixraq.

(13)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Prodotti Bijoċidi,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma' din id-Direttiva, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2009. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u t-tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta' April 2010.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak li fih tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussell, 29 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kummissjoni

Stavros DIMAS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2008/31/KE (ĠU L 81, 20.3.2008, p. 57).

(2)  ĠU L 325, 11.12.2007, p. 3.


ANNESS

L-entrata li ġejja bir-reġistrazzjoni “Nru 9” hija mdaħħla fl-Anness I tad-Direttiva 98/8/KE:

Nru

Isem Komuni

Isem IUPAC

Numri ta’ identifikazzjoni

Purezza minima tas-sustanza attiva fil-prodott bijoċidi kif jitqiegħed fis-suq

Data ta’ l-inklużjoni

Skadenza sa meta għandha tiġi ddeterminata l-konformità ma’ l-Artikolu 16(3)

(ħlief għall-prodotti li fihom iktar minn sustanza attiva waħda li għalihom l-iskadenza sa meta għandhom jikkonformaw ma’ l-Artikolu 16(3) għandha tkun dik stipulata fl-aħħar deċiżjoni minn dawk dwar l-inklużjoni marbuta mas-sustanzi attivi tagħhom)

Skadenza ta’ l-inklużjoni

Tip ta’ prodott

Dispożizzjonijiet speċifiċi (*)

“9

Difenacoum

3-(3-biphenyl-4-yl-1,2,3,4-tetrahydro-1-naphthyl)-4-hydroxycoumarin

Nru tal-KE: 259-978-4

Nru tal-CAS: 56073-07-5

960 g/kg

l-1 ta’ April 2010

il-31 ta’ Marzu 2012

il-31 ta’ Marzu 2015

14

Fid-dawl tal-fatt li l-karatteristiċi tas-sustanza attiva jagħmluha potenzjalment persistenti, suxxettibbli għall-bijoakkumulazzjoni u tossiku, jew persistenti ħafna u suxxettibbli ħafna għall-bijoakkumulazzjoni, is-sustanza attiva għandha tiġi suġġetta għal valutazzjoni tar-riskju komparattiva skond it-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 10(5)(i) tad-Direttiva 98/8/KE qabel ma tiġġedded l-inklużjoni tagħha f'dan l-Anness.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorizzazzjonijiet huma soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(1)

Il-konċentrazzjoni nominali tas-sustanza attiva fil-prodotti m'għandhiex taqbeż il-75 mg/kg u se jkunu awtorizzati biss il-prodotti lesti għall-użu.

(2)

Il-prodotti għandu jkun fihom aġent li jbiegħed u, fejn xieraq, żebgħa.

(3)

Il-prodotti m'għandhomx jintużaw bħala trab għat-traċċar.

(4)

Esponiment primarju kif ukoll sekondarju tal-bnedmin, annimali mhux fil-mira u l-ambjent jiġu minimizzati, billi jiġu kkunsidrati u applikati l-miżuri kollha xierqa u disponibbli għat-taffija tar-riskju. Fost l-oħrajn, dawn jinkludu r-restrizzjoni għall-użu professjonali biss, l-iffissar tal-limitu għall-kobor tal-pakkett u stipular ta’ l-obbligi biex jintużaw kaxxi tal-lixki reżistenti għat-tbagħbis u sikuri.”


(*)  Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji komuni ta’ l-Anness VI, il-kontenut u l-konklużjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni huma disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni: http://ec.europa.eu/comm/environment/biocides/index.htm


Top