Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0544

Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 18 ta’ Lulju 2006 dwar linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

ĠU L 215, 5.8.2006, p. 26–27 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 76M, 16.3.2007, p. 203–204 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2006/544/oj

16.3.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

203


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Lulju 2006

dwar linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

(2006/544/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128 (2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Wara li kkonsulta lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Impjiegi (3),

Billi:

(1)

Ir-riforma ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona fl-2005 poġġiet l-enfasi fuq it-tkabbir u l-impjiegi. Il-Linji Gwida għall-Impjiegi (4) ta’ l-Istrateġija Ewropea ta’ l-Impjiegi u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika (5) kienu adottati bħala pakkett integrat, li permezz tiegħu l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta’ l-objettivi tas-suq ta’ l-impjiegi u x-xogħol ta’ l-Istrateġija ta’ Liżbona.

(2)

L-Unjoni Ewropea għandha timmobilizza r-riżorsi nazzjonali u Komunitarji kollha xierqa - inkluża l-politika ta' koeżjoni – fit-tliet dimensjonijiet ta' l-Istrateġija ta' Liżbona (ekonomiċi, soċjali u ambjentali) sabiex b'hekk tuża aħjar is-sinerġiji tagħhom f'kuntest ġenerali ta' żvilupp sostenibbli.

(3)

Il-Linji Gwida għall-Impjiegi u l-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika għandhom ikunu riveduti għal kollox kull tliet snin biss, filwaqt li fis-snin intermedji sa l-2008 l-aġġornament tagħhom għandu jibqa' strettament limitat biex ikun żgurat il-grad ta' stabbiltà li huwa meħtieġ għal implimentazzjoni effettiva.

(4)

L-eżami tal-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali ta’ l-Istati Membri li jinsab fir-Rapport Annwali tal-Progress tal-Kummissjoni u fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi juri li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità ta'

attrazzjoni u żamma ta' aktar nies fl-impjieg, żieda tal-forza tax-xogħol u modernizzar tas-sistemi ta' ħarsien soċjali,

titjib ta' l-adattabilità tal-ħaddiema u ta’ l-intrapriżi,

u

żieda fl-investiment fil-kapital uman permezz ta’ edukazzjoni u ħiliet aħjar.

(5)

Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Marzu 2006 enfasizza r-rwol ċentrali tal-politika dwar l-impjiegi fil-qafas ta' l-aġenda ta' Liżbona u l-ħtieġa li jiżdiedu l-opportunitajiet ta' l-impjieg għal kategoriji ta' prijorità, fi ħdan approċċ li jieħu kont taċ-ċiklu tal-ħajja. F' dan is-sens, huwa approva l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi li għandu jkompli jgħolli l-profil ta' l-integrazzjoni tas-sessi u jagħti spinta sabiex jitjiebu l-perspettivi u l-opportunitajiet għan-nisa fuq skala wiesgħa.

(6)

It-tneħħija ta' l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema, kif stabbilita fit-Trattati, inklużi t-Trattati ta' Adeżjoni, għandha ssaħħaħ il-funzjonament tas-suq intern u ttejjeb il-potenzjal tiegħu għat-tkabbir u l-impjiegi.

(7)

Fid-dawl kemm ta' l-eżami tal-Kummissjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, l-attenzjoni issa għandha tkun fuq implimentazzjoni effettiva u f'waqtha, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-miri kwantitattivi miftiehma kif stabbilit fil-Linji Gwida dwar l-Impjiegi 2005-2008, u skond il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew.

(8)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-Linji Gwida dwar l-Impjiegi meta jipprogrammaw l-użu tagħhom tal-fondi Komunitarji, b'mod partikolari tal-Fond Soċjali Ewropew.

(9)

In vista tan-natura integrata tal-pakkett tal-linji gwida, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw b’mod sħiħ il-Linji Gwida Ġenerali għall-Politika Ekonomika.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri kif stabbiliti fl-Anness tad-Deċiżjoni 2005/600/KE għandhom jibqgħu għall-2006 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politika tagħhom dwar l-impjiegi.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussel, 18 ta’ Lulju 2006.

Għall-Kunsill

Il-President

J. KORKEAOJA


(1)  Opinjoni ta' l-4 ta' April 2006 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Opinjoni tas-17 ta' Mejju 2006 (għada mhux pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali)

(3)  Opinjoni tas-27 ta' April 2006.

(4)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE tat-12 ta' Lulju 2005 dwar linji gwida għall-Politiki dwar l-impjieg ta' l-Istati Membri (ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21).

(5)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2005/601/KE tat-12 ta' Lulju 2005 dwar linji gwidaġenerali għall-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u tal-Komunita' (2005 sa 2008) (ĠU L 205, 6.8.2005, p. 28).


Top