Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0056

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l- 14 ta' Jannar 2005 li tistabbilixxi l- Aġenzija Eżekuttiva Edukattiva, Awdjoviżiva u Kulturali għat-tmexxija ta' l-azzjoni komunitarja fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u l-kultura fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003

    ĠU L 24, 27.1.2005, p. 35–38 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 269M, 14.10.2005, p. 305–308 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2009; Imħassar b' 32009D0336

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/56(1)/oj

    14.10.2005   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    305


    ID-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    ta' l-14 ta' Jannar 2005

    li tistabbilixxi l-“Aġenzija Eżekuttiva Edukattiva, Awdjoviżiva u Kulturali” għat-tmexxija ta' l-azzjoni komunitarja fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u l-kultura fl-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003

    (2005/56/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2002 li jittratta dwar l-istatut ta' l-aġenziji eżekuttivi inkarigati minn ċerti xogħlijiet relattivi għat-tmexxija ta' programmi komunitarji (1), u b'mod speċjali l-paragrafu 1 ta' l-Artikolu 3 imsemmi fih,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 58/2003 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddeċiedi dwar il-ħolqien ta' aġenziji eżekuttivi konformi ma' l-istatut ġenerali stabbilit minn dak ir-Regolament u li tinkarigahom minn ċerti xogħlijiet relattivi għat-tmexxija ta' programm jew diversi programmi komunitarji; din id-deċiżjoni ma taffettwax l-applikazzjoni ta' dak ir-Regolament.

    (2)

    Il-ħolqien ta' aġenzija eżekuttiva għandu jippermetti lill-Kummissjoni li tikkonċentra fuq l-attivitajiet u l-funzjonijiet l-iktar importanti, li m'humiex ta' natura li jsiru esterni, mingħajr madankollu ma titlef il-patrunanza, il-kontroll, u r-responsabbiltà aħħarija ta' l-azzjonijiet immexxija mill-aġenziji eżekuttivi.

    (3)

    It-tmexxija ta' ċerti kostitwenti ċentralizzati ta' numru ta' programmi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u dak kulturali jinvolvi l-implimentazzjoni ta' proġetti ta' natura teknika, li ma jimplikawx teħid ta' deċiżjonijiet ta' natura politika, u titlob livell għoli ta' għarfien tekniku u finanzjarju matul il-fażijiet tal-proġett.

    (4)

    Id-delega ta' xogħlijiet marbuta ma' l-eżekuzzjoni ta' dawn il-programmi lil xi aġenzija eżekuttiva tista' ssir skond separazzjoni ċara bejn min-naħa waħda l-istadji tal-programmazzjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ta' finanzjament, li għandhom ikunu ġejjin mis-servizzi tal-Kummissjoni, u min-naħa l-oħra t-twettiq tal-proġetti, li għandhom ikunu fdati lill-aġenzija eżekuttiva.

    (5)

    It-twaqqif ta' aġenzija eżekuttiva, la timmodifika d-delega mill-Kunsill lill-Kummissjoni tat-tmexxija ta' ċerti fażijiet ta' l-azzjonijiet ipprovduti taħt il-programmi differenti u lanqas id-delega ta' xogħlijiet marbuta ma' tmexxija ta' aġenziji nazzjonali dwar ċerti programmi.

    (6)

    Saret analiżi dwar l-ispejjeż u l-vantaġġi għal dan il-għan u uriet li l-fatt li jirrikorru lejn aġenzija eżekuttiva għat-tmexxija ta' ċerti kostitwenti ċentralizzati ta' programmi fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżiv u dak tal-kultura jirrappreżenta l-għażla l-iktar vantaġġuża meta mqabbla ma' l-għażliet l-oħra disponibbli, kemm mil-lat finanzjarju kif ukoll mil-lat mhux finanzjarju.

    (7)

    Il-miżuri previsti b'din id-Deċiżjoni jaqblu ma' l-opinjoni tal-Kumitat ta' l-Aġenziji Eżekuttivi,

    (8)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru. 1653/2004 tal-21 ta' Settembru 2004 jipprovdi regolament finanzjarju standard għall-aġenziji eżekuttivi mwaqqfa skond ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 58/2003 (2).

    IDDEĊIDIET:

    Artikolu 1

    Ħolqien ta' l-Aġenzija

    1.   Twaqqfet Aġenzija Eżekuttiva (minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Aġenzija”) għat-tmexxija ta' l-azzjoni Komunitarja fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u dak tal-kultura, li l-istatut tagħha hu kkontrollat bir-Regolament (KE) Nru 58/2003.

    2.   Id-denominazzjoni ta' l-Aġenzija hi “Aġenzija Eżekuttiva ta' l-Edukazzjoni, ta' l-Awdjoviżwal u tal-Kultura”.

    Artikolu 2

    Post

    L-Aġenzija ser tkun fi Brussell.

    Artikolu 3

    Tul ta' żmien

    1.   L-Aġenzija twaqqfet għal perjodu li jibda mill-1 ta' Jannar 2005 u li jispiċċa fil-31 ta' Diċembru 2008.

    2.   Trid tiġi mfassla evalwazzjoni ta' l-operat ta' l-Aġenzija, inkluż analiżi ta' l-ispejjeż vis-a-vis il-benefiċċji kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru. 58/2003, mill-Kummissjoni fl-2006, bil-għan tar-reviżjoni jew estensjoni possibbli tal-kompiti ta' l-Aġenzija fil-qafas tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' programmi fil-kamp ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u l-kultura.

    Artikolu 4

    Għanijiet u xogħlijiet

    1.   L-Aġenzija tkun responsabbli mit-tmexxija ta' ċerti kostitwenti tal-programmi komunitarji li ġejjin :

    a)

    it-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni Komunitarja fir-rigward ta' l-edukazzjoni “Socrates” approvat bid-Deċiżjoni 253/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3);

    b)

    it-tieni fażi tal-programm ta' azzjoni Komunitarja fir-rigward tal-formazzjoni professjonali “Leonardo da Vinci” approvat bid-Deċiżjoni 1999/382/KE tal-Kunsill (4);

    c)

    il-programm ta' azzjoni Komunitarja “YOUTH” approvat bid-Deċiżjoni 1031/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

    d)

    il-programm “Culture 2000” approvat bid-Deċiżjoni 508/2000/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

    e)

    il-programm ta' inkoraġġiment għall-iżvilupp tax-xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej (MEDIA Plus — Żvilupp, Distribuzzjoni u Promozzjoni 2001-2005) approvat bid-Deċiżjoni 2000/821/KE tal-Kunsill (7);

    f)

    il-programm ta' formazzjoni għall-professjonisti ta' l-industrija Ewropea tal-programmmi awdjoviżivi (MEDIA-formation 2001-2005) approvat bid-Deċiżjoni 163/2001/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8);

    g)

    il-programm biex tittejjeb il-kwalità ta' l-edukazzjoni terzjarja u għall-promozzjoni ta' l-iskambju interkulturali permezz tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi (Erasmus mundus) approvat bid-Deċiżjoni 2317/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9);

    h)

    il-programm mifrux fuq medda ta' snin (2004-2006) għall-integrazzjoni effittiva tat-teknoloġija ta' l-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (TIK) fis-sistemi ta' l-edukazzjoni u l-formazzjoni fl-Ewropa (“tagħlim on-line”) (E-learning) approvat bid-Deċiżjoni 2318/2003/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

    i)

    il-programm ta' azzjoni Komunitarja għall-promozzjoni taċ-ċittadinanza ewropea attiva (parteċipazzjoni ċivika) approvat bid-Deċiżjoni 2004/100/KE tal-Kunsill (11);

    j)

    il-programm ta' azzjoni Komunitarja għall-promozzjoni ta' l-organizzazzjonijiet attivi fuq livell ewropew fil-qasam taż-żgħażagħ approvat bid-Deċiżjoni 790/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12);

    k)

    il-programm ta' azzjoni Komunitarja għall-promozzjoni ta' l-organizzazzjonijiet attivi fuq livell ewropew u għas-sostenn ta' attivitajiet tal-mument fil-qasam ta' l-edukazzjoni u tal-formazzjoni approvat bid-Deċiżjoni 791/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13);

    l)

    il-programm ta' azzjoni Komunitarja għall-promozzjoni ta' l-organizzazzjonijiet attivi fuq livell ewropew fil-qasam tal-kultura approvat bid-Deċiżjoni 792/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14);

    m)

    il-proġetti fil-qasam ta' l-edukazzjoni terzjarja li jistgħu jkunu finanzjati mid-dispożizzjonijiet relattivi għall-għajnuna għall-kooperazzjoni ekonomika mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-Asja approvati fil-qafas tar-Regolament KEE Nru 443/92 tal-Kunsill (15).

    2.   L-Aġenzija ser tkun responsabbli għas-segwenti rwoli, għat-tmexxija tal-kostitwenti tal-programmi komunitarji msemmija fil-paragrafu 1:

    a)

    it-tmexxija ta' kull fażi tal-proġetti fil-qafas ta' l-eżekuzzjoni tal-programmi komunitarji fdati lilha, skond il-programm ta' ħidma annwali siewja għal deċiżjoni ta' finanzjament fir-rigward ta' sussidji u ta' swieq fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, ta' l-awdjoviżiv u ta' dak tal-kultura u adottati mill-Kummissjoni jew skond deċiżjonijiet ta' finanzjament speċifiku adottati mill-Kumissjoni kif ukoll il-kontrolli meħtieġa, billi tadotta d-deċiżjonijiet rilevanti skond id-delegazzjoni tal-Kummissjoni;

    b)

    li tadotta l-istrumenti tal-baġit, l-implimentazzjoni baġitarja għad-dħul u nfiq u twettiq, meta l-Kummissjoni tat is-setgħa li tagħmel dan, għal xi wħud jew kull operat meħtieġ għall-ġestjoni tal-programmi tal-Komunità, u b'mod speċjali dawk marbuta ma' l-għotja ta' sussidji u kuntratti;

    c)

    il-ġbir, l-analiżi u t-trasmissjoni lill-Kummissjoni ta' l-informazzjoni kollha neċessarja biex ikun orjentat it-tħaddim tal-programmi komunitarji.

    3.   L-Aġenzija tista' tkun inkarigata mill-Kummissjoni, wara rakkomandazzjoni tal-Kumitat ta' l-Aġenziji Eżekuttivi pprovduti taħt l-Artikolu 24 tar-Regolament (KE) Nru. 58/2003, mill-eżekuzzjoni ta' xogħlijiet ta' l-istess natura fil-qafas ta' programmi komunitarji oħra fl-oqsma ta' l-edukazzjoni, l-awdjoviżwal u dak tal-kultura, skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 58/2003, bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1.

    4.   Id-deċiżjoni tad-delegazzjoni tal-Kummissjoni tiddefinixxi b'mod dettaljat it-totalità tax-xogħlijiet fdati lill-Aġenzija, u hi adattata skond ix-xogħlijiet l-oħra eventwalment fdati lill-Aġenzija. Din hi mgħoddija, b'titolu ta' informazzjoni, lill-Kumitat ta' l-Aġenziji Eżekuttivi.

    Artikolu 5

    Struttura ta' l-organizzazzjoni

    1.   L-Aġenzija hi mmexxija minn Kumitat ta' Direzzjoni u minn Direttur magħżula mill-Kummissjoni.

    2.   Il-membri tal-Kumitat tad-Direzzjoni jinħatru għal sentejn.

    3.   Id-Direttur ta' l-Aġenzija jinħatar għal 4 snin.

    Artikolu 6

    Sussidju

    L-Aġenzija tirċievi sussidju miktub fil-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej li jitnaqqas mill-allokazzjoni finanzjarja tal-programmi msemmija fl-Artikolu 4, paragrafu 1 u, fejn xieraq, ta' programmi komunitarji oħra li l-eżekuzzjoni tagħhom hija fdata lill-Aġenzija b' applikazzjoni ta' l-Artikolu 4, paragrafu 3.

    Artikolu 7

    Kontroll u rendikont ta' l-eżekuzzjoni

    L-Aġenzija hi sottomessa għall-kontroll tal-Kummissjoni u għandha tagħti kont b'mod regolari ta' l-eżekuzzjoni tal-programmi li huma fdati lilha, skond il-modalitajiet u l-frekwenza stipulati fl-Att tad-Delegazzjoni.

    Artikolu 8

    Eżekuzzjoni tal-baġit ta' funzjonament

    L-Aġenzija teżegwixxi l-baġit ta' funzjonament tagħha skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1653/2004.

    Magħmula fi Brussell, fl-14 ta' Jannar 2005.

    Għall-Kummissjoni

    Viviane REDING

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 11 tas-16.1.2003, p. 1.

    (2)  ĠU L 297, tat-22.9.2004, p. 6.

    (3)  ĠU L 28, tat-3.2.2000, p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004 (ĠU L 168, ta'l-1.5.2004, p. 1).

    (4)  ĠU L 146, tal-11.6.1999, p. 33. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1).

    (5)  ĠU L 117, tat-18.5.2000, p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004.

    (6)  ĠU L 63, ta' l-10.3.2000, p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004.

    (7)  ĠU L 336, tat-30.12.2000, p. 82. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004.

    (8)  ĠU L 26, tas-27.1.2001, p. 1. Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 885/2004.

    (9)  ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 1.

    (10)  ĠU L 345, tal-31.12.2003, p. 9.

    (11)  ĠU L 30, ta' l-4.2.2004, p. 6.

    (12)  ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 31.

    (13)  ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 40.

    (14)  ĠU L 138, tat-30.4.2004, p. 24.

    (15)  ĠU L 52, tas-27.2.1992, p. 1. Regolament Kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 807/2003 (ĠU L 122, tas-16.5.2003, p. 36).


    Top