Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001F0500

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità

    ĠU L 182, 5.7.2001, p. 1–2 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2001/500/oj

    32001F0500



    Official Journal L 182 , 05/07/2001 P. 0001 - 0002


    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill

    tas-26 ta' Ġunju 2001

    dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità

    (2001/500/JHA)

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 31(a), (ċ) u (e) u l-Artikolu 34(2)(b) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-inizzjattiva tar-Repubblika Franċiża,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1) Fit-3 ta' Diċembru 1998 il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 98/699/JHA dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità [1].

    (2) Għandhom ikunu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew f'Tampere fil-15 u fis-16 ta' Ottubru 1999, u l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Vjenna fil-11 u fit-12 ta' Diċembru 1998.

    (3) Il-Kunsill Ewropew, jinnota li forom serji ta' kriminalità aktar u aktar għandhom aspetti ta' taxxa u dazju, u jitlob li l-Istati Membri jipprovdu assistenza legali reċiproka sħiħa fl-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dan it-tip ta' delitt.

    (4) Il-Kunsill Ewropew isejjaħ għall-approssimazzjoni tal-liġi u l-proċeduri kriminali dwar il-ħasil tal-flus (b'mod partikolari, il-konfiska ta' fondi), waqt li jżid li l-iskop ta' l-attivitajiet kriminali li jikkostitwixxu offiżi ewlenin ta' ħasil tal-flus għandu jkun uniformi u wiesgħa biżżejjed fl-Istati Membri kollha.

    (5) Il-Kunsill Ewropew f'Tampere ikkunsidra li, dwar il-liġi kriminali nazzjonali, l-isforzi lejn il-qbil tad-definizzjonijiet, l-inkriminazzjonijiet u s-sanzjonijiet għandhom ikunu ffokati fl-ewwel istanza fuq numru limitat ta' setturi ta' relevanza partikolari, bħal kriminalità finanzjarja.

    (6) Il-Kunsill Ewropew f'Tampere innota li l-ħasil tal-flus qiegħed fil-qalba tal-kriminalità organizzata u għandu jitneħħa kull meta jinstab. Il-Kunsill Ewropew huwa determinat li jiżgura li passi konkreti jittieħdu biex jintraċċaw, jiffriżaw, jaqbdu u jikkonfiskaw id-dħul mill-kriminalità.

    (7) L-Istati Membri ffirmaw għall-prinċipji tal-Konvenzjoni dwar il-Ħasil, it-Tfittxija, il-Qbid u l-Konfiska tad-Dħul mill-Kriminalità tal-Kunsill ta' l-Ewropa ta' l-1990, minn hawnhekk "il quddiem msejħa" il-Konvenzjoni ta' l-1990,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

    Artikolu 1

    Riservi dwar il-Konvenzjoni ta' l-1990

    Sabiex isaħħu l-azzjoni kontra l-kriminalità organizzata, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri li jagħmlu jew iżommu riservi dwar l-artikoli li ġejjin tal-Konvenzjoni ta' l-1990:

    (a) L-Artikolu 2, sakemm l-offiża hija kkastigata bit-tneħħija tal-libertà jew ordni ta' detenzjoni għal massimu ta' aktar minn sena.

    Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jilqgħu riservi dwar l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta' l-1990 dwar il-konfiska tad-dħul minn offiżi dwar taxxa għall-uniku skop biex ikunu jistgħu jikkonfiskaw it-tali dħul, kemm nazzjonali kif ukoll permezz ta' koperazzjoni internazzjonali, taħt il-leġislazzjoni nazzjonali, Komunitarja u internazzjonali tat-taxxa;

    (b) l-Artikolu 6, sa fejn offiżi serji huma kkonċernati. It-tali offiżi f'kull każ jinkludu offiżi li huma kkastigati bit-tneħħija tal-libertà jew b'ordni ta' detenzjoni sa massimu ta' aktar minn sena jew, dwar dawk l-Istati li għandhom livelli minimi għal offiżi fis-sistema legali tagħhom, l-offiżi jkunu kkastigati bit-tneħħija tal-libertà jew b'ordni ta' detenzjoni għal minimu ta' aktar minn sitt xhur.

    Artikolu 2

    Penali

    Kull Stat Membru għandu jieħdu l-passi meħtieġa konsistenti mas-sistemi tagħha ta' penali biex jiżgura li l-offiżi riferuti fl-Artikolu 6(1)(a) u (b) tal-Konvenzjoni ta' l-1990, li jirriżultaw mill-Artikolu 1(b) ta' din id-Deċiżjoni Kwadru, huma kkastigati mit-tneħħija tal-libertà għal massimu ta' anqas minn 4 snin.

    Artikolu 3

    Konfiska ta' valur

    Kull Stat Membru għandu jieħu l-passi meħtieġa li jiżguraw li l-leġislazzjoni u l-proċeduri tiegħu dwar il-konfiska tad-dħul mill-kriminalità jippermettu, għall-anqas fil-każijiet fejn dan id-dħul ma jistax jinqabad, il-konfiska ta' proprjetà li l-valur tagħha jikkorrospondi għat-tali dħul, kemm fi proċeduri purament domestiċi kif ukoll fi proċeduri istitwiti fuq it-talba ta' Stat Membru ieħor għar-rinfurzar ta' ordnijiet ta' konfiski barranin. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jeskludu l-konfiska ta' proprjetà li l-valur tagħha jikkorrospondi għad-dħul mill-kriminalità fil-każijiet fejn dak il-valur ikun anqas minn 4000 EUR.

    Il-kliem "proprjetà", "dħul" u "konfiska" għandhom ikollhom l-istess tifsira bħalma hemm fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta' l-1990.

    Artikolu 4

    Proċessar ta' talbiet għal assistenza reċiproka

    L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li t-talbiet kollha minn Stati Membri oħra dwar l-identifikazzjoni, l-intraċċar, l-iffriżar jew il-qbid u l-konfiska ta' l-assi huma pproċessati bl-istess prijorità bħalma tingħata għat-tali miżuri fi proċeduri domestiċi.

    Artikolu 5

    Tħassir ta' dispożizzjonijiet eżistenti

    L-Artikoli 1, 3, 5(1) u 8(2) ta' l-Azzjoni Konġunta 98/699/JHA hija hawnhekk mħassra.

    Artikolu 6

    Implimentazzjoni

    1. L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex iħarsu d-dispożizzjonijiet ta' din id-Deċiżjoni Kwadru sal-31 ta' Diċembru 2002.

    2. Sa l-1 ta' Marzu 2003, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjoni li jġorru fil-liġi nazzjonali tagħhom l-obbligi li jinħolqu għalihom minn din id-Deċiżjoni kwadru u, fejn ikun il-każ, in-notifiki li jsiru skond l-Artikolu 40(2) tal-Konvenzjoni ta' l-1990. Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni u rapport bil-miktub mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jistabbilixxi, sal-31 ta' Diċembru 2003, sa liema punt l-Istati Membri ħadu l-miżuri meħtieġa biex iħarsu din id-Deċiżjoni kwadru.

    Artikolu 7

    Applikazzjoni territorjali

    Din id-Deċiżjoni kwadru għandha tgħodd għall-Ġibiltà hekk kif l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' l-1990 hija estiża għall-Ġibiltà.

    Artikolu 8

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

    Magħmula fil-Lussemburgu, fis-26 ta' Ġunju 2001.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    T. Östros

    [1] ĠU L 333, tad-9.12.1998, p. 1.

    --------------------------------------------------

    Top