Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31999L0052

    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/52/KE tas-26 ta' Mejju 1999 li taddatta għall-progress tekniku id-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triqTest b'relevanza għaż-ŻEE.

    ĠU L 142, 5.6.1999, p. 26–28 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2009

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1999/52/oj

    31999L0052



    Official Journal L 142 , 05/06/1999 P. 0026 - 0028


    Id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/52/KE

    tas-26 ta' Mejju 1999

    li taddatta għall-progress tekniku id-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq

    (Test b'relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/96/KE tal-20 ta' Diċembru 1996 u l-Artikolu 7(2) tagħha dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li għandhom x'jaqsmu mat-testijiet dwar jekk il-vetturi u l-karrijiet tagħhom humiex tajba għat-triq [1],

    (1) Billi l-ewwel programm dwar iż-żejt tal-karozzi [2] identifika l-istandard tal-manutenzjoni tal-vetturi bħala kostitwent basilari dwar l-effett tat-traffiku fuq il-kwalità ta' l-arja.

    (2) Billi t-Taqsima 8.2 ta' l-Anness II tad-Direttiva 96/96/KE tispeċifika t-testijiet li jridu jitwettqu fi spezzjonijiet perjodiċi sabiex jiġi kontrollat illi l-vetturi huma mantnuti tajjeb.

    (3) Billi t-Taqsima 8.2.2 ta' l-Anness II tad-Direttiva tal-Kunsill 92/55/KEE [3] li tispeċifika illi mill-1 ta' Jannar 1996 il-vetturi li jaħdmu bid-diżil jeħtieġu li jiġu ttestjati għall-opaċità tad-duħħan iġġenerat mill-emissjoni matul test transjenti "bl-aċċelerazzjoni ħielsa" tal-magna, fejn il-magna tiġi aċċelerata kontra l-inerzja tagħha stess.

    (4) Billi, din id-Direttiva tistabbilixxi addattament tekniku li jtejjeb it-twettiq tax-xogħol tat-testjar ta' l-emissjonijiet tal-vetturi b'magna li taħdem bid-diżil;

    (5) Billi, jeħtieġ li jsir iktar xogħol fil-qasam ta' l-iżvilupp tal-proċeduri għal testijiet alternattivi sabiex jiġu kkontrollati l-kondizzjonijiet tal-manutenzjoni tal-vetturi b'magna li taħdem bid-diżil, b'mod partikoli fejn jirrigwarda il-partikolati u n-NOx.

    (6) Billi, id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-kumitat dwar l-adattament għall-progress tekniku tad-Direttiva dwar testijiet dwar il-kondizzjoni għal fuq it-triq ta' vetturi bil-mutur stabbilit fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 96/96/KE,

    ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

    L-Artikolu 1

    Id-Direttiva 96/96/KE hija mmodifikata kif ġej:

    Fl-Anness II, il-punt 8.2.2. jiġi mibdul b'dan li ġej:

    "8.2.2. Il-vetturi mgħammra b'magni (diżil) li jitqabbdu bil-kompressjoni :

    (a) Il-kapaċità ta' l-emissjoni tal-gass li trid tiġi mkejla matul l-aċċelerazzjoni libera (mingħajr tagħbija minn meta wieqfa sal-veloċità ta' mat-tluq) bil-bastun tal-gear f'pożizzjoni newtrali u l-clutch ingaġġat.

    (b) Il-prekondizzjonament tal-vettura:

    1. Il-vetturi jistgħu jiġu ttestjati mingħar pre-kondizzjonament minkejja li għal raġunijiet ta' sigurtà għandhom isiru kontrolli illi l-magna hija sħuna u f'kondizzjoni mekkanika sodisfaċenti.

    2. Għajr kif speċifikat fis-subparagrafu (d)(5), l-ebda vettura m'għandha tiġi mwaħħla fit-test għajr jekk tkun ġiet ipprekondizzjonata skond il-ħtiġiet li ġejjin.

    3. Il-magna trid tkun sħuna għal kollox, per eżempju t-temperatura taż-żejt tal-magna mkejla permezz ta' sonda fil-pajp ta' fejn tkun il-ħadida li tkejjel il-livell taż-żejt trid tkun ta' mill-inqas 80° C, jew it-temperatura normali tal-ħidma jekk tkun inqas, jew it-temperatura tal-blokka tal-magna mkejla skond il-livell tar-radjazzjoni infra aħmar trid tkun mill-inqas ta' temperatura ekwivalenti. Jekk, minħabba l-konfigurazzjoni tal-vettura, dan il-kejl mhux prattiku, kif tiġi stabbilita t-temperatura tal-magna waqt li tkun taħdem normalment jista' jsir b'mezzi oħra, per eżempju permezz tal-ħidma tal-fann li jkessaħ il-magna.

    4. Is-sistema ta' l-emissjoni tad-duħħan għandha tiġi msoffija b'mill-inqas tliet dawriet ta' l-aċċelerazzjoni liberu jew b'metodu ekwivalenti.

    (c) Il-proċedura tat-testijiet:

    1. Irid ikun hemm spezzjoni viżwali tal-partijiet rilevanti tas-sistema ta' l-emissjoni tad-duħħan tal-vettura sabiex jiġi kkontrollat illi ma jkunx hemm tnixxija.

    2. Il-magna, u kull turbocharger mgħammar fuqha, iridu jaħdmu wieqfa qabel il-bidu ta' kull dawra ta' l-aċċelerazzjoni ħielsa. Għall-vetturi ta' xogħol tqil li jaħdmu bid-diżil, dan ifisser stennija ta' mill-inqas 10 sekondi wara li jiġi mitluq il-mezz tal-gass.

    3. Sabiex tinbeda l-aċċelerazzjoni libera, il-pedala tal-għoti tal-gass trid tkun magħfusa għal kollox bil-ħeffa u kontinwament (f'inqas minn sekonda) iżda mhux bil-forza, sabiex jikseb it-twassil massimu mill-pompa ta' l-injezzjoni.

    4. Matul kull dawra ta' l-aċċelerazzjoni ħielsa il-magna għanda tilħaq il-veloċità ta' qabel it-tluq, jew għall-vetturi li għandhom trasmissjonijiet awtomatiċi il-veloċità speċifikata mill-fabbrikatur, jew jekk din l-informazzjoni ma tkunx disponibbli żewġ terzi tal-veloċità tat-tluq qabel jiġi mitluq il-mezz li jagħti l-gass. Dan irid jiġi kkontrollat, per eżempju, bil-monitorjar tal-veloċità tal-magna jew billi jitħalla jgħaddi biżżejjed ħin bejn il-għafsa tal-bidu tal-mezz tal-għoti tal-gass u r-rilaxx tiegħu, illi fil-każ tal-vetturi fil-kategoriji 1 u 2 ta' l-Anness I, irid ikun ta' mill-inqas żewġ sekondi.

    (d) Il-valuri tal-limiti:

    1. Il-livell tal-konċentrazzjoni ma jridx jaqbeż il-livell irrreġistrat fuq il-pjanċa skond id-Direttiva tal-Kunsill 72/306/KEE (2).

    2. Fejn dan it-tagħrif ma jkunx disponibbli jew fejn l-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri jiddeċiedu li ma jużawx din bħala referenza, il-valuri tal-limiti tal-koeffiċjent ta' l-assorbiment huma kif ġejjin: il-koeffiċjent massimu ta' l-assorbiment għal:

    - magni tad-diżil b'aspirazzjoni naturali = 2,5 m−1,

    - magni tad-diżil bit-turbo-charger = 3,0 m−1

    jew valuri ekwivalenti fejn isir użu ta' tagħmir ta' tip differenti minn dak użat għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE .

    3. Il-vetturi rreġistrati jew imdaħħla fis-servizz għall-ewwel darba qabel l-1 Jannar 1980 huma eżentati minn dawn il-ħtiġijiet.

    4. Il-vetturi għandhom jiġu mwaħħla mit-test biss jekk il-medji aritmetikali ta' mill-inqas l-aħħar tliet dawriet ta' l-aċċelerazzjoni ħielsa jkunu iżjed mill-valur tal-limiti. Dan jista' jiġi kkalkolat billi jiġi injorat kull kejl li jmur 'il bogħod mill-medja mkejla, jew mir-riżultat ta' kull kalkolu statistiku ieħor li jqis it-tifrix tal-kejlijiet. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw in-numru massimu taċ-ċikli tat-testijiet.

    5. Sabiex jiġu evitati testijiet bla ħtieġa, l-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni mid-dispożizzjoni tal-paragrafu 8.2.2(d)(4), iwaħħlu fit-test il-vetturi li jkunu kejlu valuri li jaqbżu sinifikament il-limiti wara inqas minn tliet dawriet ta' l-aċċelerazzjoni ħielsa jew wara ċ-ċikli tat-tisfija (jew l-ekwivalenti) speċifikati fis-subparagrafu (b)(3). B'mod ugwali sabiex jiġu evitati t-testijiet mhux ta' ħtieġa, l-Istati Membri jistgħu, bħala eċċezzjoni mid-dispożizzjoni tal-paragrafu 8.2.2(d)(4), jgħaddu mit-test il-vetturi li jkunu kejlu valuri sinifikament taħt il-valuri tal-limiti wara inqas minn tliet dawriet ta' l-aċċelerazzjoni ħielsa jew wara ċ-ċikli tat-tisfija (jew l-ekwivalenti) speċifikati fis-subpragrafu (b)(3)."

    L-Artikolu 2

    1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-Direttiva qabel l-1 ta' Ottubru 2000. Għandhom mill-ewwel jgħarrfu bihom lill-Kommissjoni .

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkumpanjati b'din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi dwar kif issir din ir-referenza għandhom jiġu stabiliti mill-Istati Membri.

    2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet tal-liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b'din id-Direttiva.

    L-Artikolu 3

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

    L-Artikolu 4

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fis-26 ta' Mejju 1999.

    Għall-Kummissjoni

    Neil Kinnock

    Membru tal-Kummissjoni

    [1] ĠU L 46, tas-17.2.1997, p. 1.

    [2] Il-programm tripartit bejn l-industriji taż-żejt u tal-vetturi u s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea mmirati biex jiżvillupaw standards ta' kwalità għall-karburanti u għall-emissjonijiet mill-vetturi għas-sena 2000.

    [3] ĠU L 225, ta' l-10.8.1992, p. 68.

    --------------------------------------------------

    Top