Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31986L0635

Id-Direttiva Tal-Kunsill tat-8 ta’ Diċembru 1986 dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn

ĠU L 372, 31.12.1986, p. 1–17 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/09/2006

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1986/635/oj

31986L0635



Official Journal L 372 , 31/12/1986 P. 0001 - 0017
Finnish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0136
Swedish special edition: Chapter 6 Volume 2 P. 0136


Id-Direttiva Tal-Kunsill

tat-8 ta’ Diċembru 1986

dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn

(86/635/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 54(3)(g) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi mhuwiex meħtieġ li d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji [4], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 84/569/KEE [5], tkun applikata għal banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, hawnhekk iżjed’il quddiem magħrufa bħala "istituzzjonijiet ta’ kreditu", fl-istennija ta’ koordinazzjoni sussegwenti; billi invista ta’ l-importanza ċentrali ta’ dawn l-intrapriżi fil-Komunità, din il-koordinazzjoni hija meħtieġa;

Billi d-Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983, ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat, dwar kontijiet konsolidati [6], tipprovdi għal derogi għal istituzzjonijiet ta’ kreditu biss sa l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien impost fuq l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva; billi din id-Direttiva għandha għalhekk tinkludi ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għal istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward ta’ kontijiet konsolidati;

Billi din il-koordinazzjoni issa wkoll saret urġenti minħabba li aktar u aktar istituzzjonijiet ta’ kreditu qegħdin joperaw lil hinn mill-fruntieri nazzjonali; billi għal kredituri, debituri u membri u għal pubbliku inġenerali l-paragunabbilità mtejba tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet hija ta’ importanza kruċjali;

Billi fi kważi l-Istati Membri kollha tal-Komunità istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens tad-Direttiva tal-Kunsill 77/780/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1977 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u l-insegwiment tan-negozju ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu [7], li jkollhom diversi forom legali, huma f’kompetizzjoni ma’ xulxin fis-settur bankarju; billi għalhekk jidher li jkun aħjar li l-kordinazzjoni ma tkunx limitata fir-rigward ta’ dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-forom legali koperti bid-Direttiva 78/660/KEE imma aktar għall-għażla ta’ kamp li jinkludi l-kumpanniji u d-ditti kollha kif definiti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat;

Billi sa fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu huma kkonċernati il-kamp ta’ din id-Direttiva għandu madanakollu jkun limitat għal dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji li jieħdu waħda mill-forom legali msemmija fid-Direttiva 78/660/KEE; billi istituzzjonijiet finanzjarji li mhumiex suġġetti għal dik id-Direttiva għandhom awtomatikament jidħlu taħt din id-Direttiva;

Billi rabta ma’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu hija meħtieġa minħabba li aspetti tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ikollhom impatt fuq setturi oħrajn ta’ dik il-koordinazzjoni, bħal ma huma ħtiġiet ta’ awtorizzazzjoni u l-indikaturi użati għal skopijiet ta’ sorveljanza;

Billi għalkemm, invista tal-karatteristiċi speċifiċi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, jidher xieraq li tiġi adottata Direttiva separata dwar il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ dawn l-istituzzjonijiet, dan ma jimplikax sett ta’ regoli ġodda separati minn dawk taħt id-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE; billi dawn ir-regoli separati la kienu jkunu approprjati u lanqas konsistenti mal-prinċipji bażi tal-koordinazzjoni tal-liġi tal-kumpannija billi, minħabba r-rwol importanti li huma jiżvolġu fl-ekonomija Komunitarja, istituzzjonijiet ta’ kreditu ma jistgħux jiġu esklużi minn qafas ta’ regoli maħsuba in ġenerali għal intrapriżi; billi, għal din ir-raġuni, biss il-karatteristiċi partikolari ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu gew ikkunsidrati u din id-Direttiva titratta biss l-eċċezzjonijiet għar-regoli li jinstabu fid-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE;

Billi l-istruttura u l-kontenut tal-balancesheets ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jvarjaw f’kull Stat Membru; billi din id-Direttiva għandha għalhekk tippreskrivi l-istess format, nomenklatura u terminoloġija għal balancesheets ta’ l-istituzzjonijiet kollha ta’ kreditu fil-Komunità; billi għandhom jiġu permessi derogi jekk neċessitati mill-forma legali ta’ istituzzjoni jew bin-natura speċjali tan-negozju tagħha;

Billi, jekk il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolodati għandhom ikunu kumparabbli, għandhom jiġu deċiżi numru ta’ mistoqsijiet bażiċi rigward l-iżvelar ta’ varji transazzjonijiet fil-balancesheet u barra mill-balancesheet;

Billi, fl-interessi ta’ paragunabilità akbar, huwa wkoll neċessarju li l-kontenut tal-punti varji fil-balancesheets u barra mill-balancesheet jiġi determinat bi preċiżjoni;

Billi l-istess japplika għall-format u d-definizzjoni tad-dettalji fil-kont tal-qligħ u t-telf;

Billi l-paragunabilità ta’ figuri fil-balancesheet u fil-kont tal-qligħ u t-telf tiddependi kruċjalment fuq il-valuri li bihom l-attiv u l-passiv jiġu iskritti fil-balancesheet;

Billi, invista tar-riskji partikolari assoċjati mal-bankar u l-ħtieġa li tinżamm il-kunfidenza, għandha ssir dispożizzjoni għall-possibiltà li jiġi introdott punt ta’ passiv fil-balancesheet intitolat "Fond għal riskji bankarji ġenerali" ; billi kien jidher ta’ min għall-istess raġunijiet, li l-Istati Membri jkunu permessi, fl-istennija ta’ koordinazzjoni sussegwenti, jagħtu xi diskrezzjoni lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, speċjalment fil-valutazzjoni ta’ self u avvanzi u ta’ ċerti titoli; billi, madanakollu, f’dan l-aħħar każ l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-istess istituzzjonijiet ta’ kreditu li joħolqu l- "Fond għal riskji bankarji ġenerali" imsemmi hawn fuq; billi kien jidher ukoll approprjat li l-Istati Membri jkunu permessi jħallu lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistabbilixxu ċerti imposti u dhul fil-kont tal-profitt u t-telf;

Billi, invista tan-natura speċjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, huma wkoll neċessarji ċerti tibdiliet fir-rigward tan-noti dwar il-kontijiet;

Billi, fix-xewqa li jitqiegħed fuq l-istess livell l-akbar numru ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu possibli, kif kien il-każ bid-Direttiva 77/780/KEE, l-eżenzjoni taħt id-Direttiva 78/660/KEE mhijiex prevista fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu żgħar jew ta’ daqs medju; billi, madanakollu, jekk fid-dawl ta’ esperjenza din l-għajnuna kellha tidher neċessarja kien ikun possibbli li tiġi prevista fil-koordinazzjoni sussegwenti; billi għall-istess raġunijiet l-iskop mogħti lill-Istati Membri taħt id-Direttiva 83/349/KEE biex jiġu eżentati intrapriżi paterni mill-ħtieġa ta’ konsolidazzjoni jekk l-intrapriżi li għandhom jiġu konsolodati flimkien ma jaqbżux ċertu daqs, ma ġietx estiża għal istituzzjonijiet ta’ kreditu;

Billi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar kontijiet konsolidati għal istituzzjonijiet ta’ kreditu teħtieġ ċerti aġġustamenti lil uħud mir-regoli applikabbli għal kumpanniji industrijali u kummerċjali kollha; billi ġew ipprovduti regoli espliċiti fil-każ ta’ gruppi mħallta u l-eżenzjoni minn subkonsolidazzjoni tista’ ssir soġġetta għal kondizzjonijiet addizzjonali;

Billi, minħabba l-iskala li jestendu fuqha networks tal-bankar lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u mill-iżvilupp kontinwu tagħhom, il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li jkollha l-uffiċċju ewlieni tagħha fi Stat Membru wieħed għandhom jiġu ppubblikati fl-Istati Membri kollha li fihom tkun stabbilita;

Billi l-eżami ta’ problemi li joriġinaw inkonnessjoni mal-materja tas-suġġett ta’ din id-Direttiva, l-aktar f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tagħha, jeħtieġ il-kooperazzjoni tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri u l-Kummissjoni f’kumitat ta’ kuntatt; billi, sabiex tiġi evitata l-proliferazzjoni ta’ dawn il-kumitati, huwa mixtieq li din il-kooperazzjoni sseħħ fil-Kumitat previst fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 78/660/KEE; billi, madanakollu, meta jiġu eżeminati l-problemi li jikkonċernaw istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-Kumitat għandhu jkun kostitwit b’mod approprjat;

Billi, invista tal-komplessità tal-materja, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu koperti b’din id-Direttiva jistgħu jitħallew perijodu itwal mis-soltu biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha;

Billi għandha ssir dispożizzjoni għar-reviżjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva wara ħames snin ta’ esperjenza fl-applikazzjoni tagħha, fid-dawl tal-miri ta’ aktar trasparenza u armonizzazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

IT-TAQSIMA 1

DISPOŻIZZJONIJIET PRELIMINARI U L-QASAM TA’ L-APPLIKAZZJONI

L-Artikolu 1

1. L-Artikoli 2, 3, 4(1), (3) sa (5), 6, 7, 13, 14, 15(3) u (4), 16 sa 21, 29 sa 35, 37 sa 41, 42 l-ewwel sentenza, 45(1), 46, 48 sa 50, 51(1), 54, 56 sa 59 u 61 tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw għall-istituzzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2 ta’ din id-Direttiva, ħlief meta din id-Direttiva tipprovdi mod ieħor.

2. Meta ssir referenza fid-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE għall-Artikoli 9 u 10 (balancesheet) jew għall-Artikoli 23 sa 26 (il-kont tal-qligħ u t-telf) tad-Direttiva 78/660/KEE, dawn ir-referenzi għandhom jitqiesu referenzi għall-Artikoli 4 (balancesheet) jew għall-Artikoli 27 u 28 (il-kont tal-qligħ u t-telf) ta’ din id-Direttiva.

3. Ir-referenzi fid-Direttivi 78/660/KEE u 83/349/KEE għall-Artikoli 31 sa 42 tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dawk l-Artikoli, tenut kont ta’ l-Artikoli 35 sa 39 ta’ din id-Direttiva.

4. Meta ssir referenza fid-dispożizzjonijiet imsemmija qabel tad-Direttiva 78/660/KEE għal punti fil-balancesheet li għalihom din id-Direttiva ma tagħmel ebda dispożizzjoni ekwivalenti, dawn ir-referenzi għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-punti fl-Artikolu 4 ta’ din id-Direttiva li jinkludu l-attiv u l-passiv inkwistjoni.

L-Artikolu 2

1. Il-miżuri ta’ koordinazzjoni preskritti minn din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:

(a) istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens ta’ l-ewwel inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780/KEE li huma kumpannija jew ditti kif definiti fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 58 tat-Trattat;

(b) istituzzjonijiet finanzjarji li jkollhom waħda mill-forom legali msemmija fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/660/KEE li, fuq il-bażi tal-paragrafu 2 ta’ dak l-Artikolu, mhumiex soġġetti għal dik id-Direttiva.

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, "istituzzjonijiet ta’ kreditu" għandhom ukoll jinkludu istituzzjonijiet finanzjarji sakemm il-kuntest ma jkunx jeħtieġ mod ieħor.

2. L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw din id-Direttiva lil:

(a) istituzzjonijiet ta’ kreditu kif elenkati fl-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 77/780/KEE;

(b) istituzzjonijiet ta’ l-istess Stat Membru li, kif definit fl-Artikolu 2(4)(a) tad-Direttiva 77/780/KEE, huma affiljati ma’ korp ċentrali f’dak l-Istat Membru. F’dak il-każ, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva lil korp ċentrali, il-biċċa l-kbira kkostitwita mill-korp ċentrali u l-istituzzjonijiet affiljati tiegħu għandha tkun is-suġġett ta’ kontijiet konsolidati inkluż rapport annwali li għandu jitfassal, jiġi vverifikat u ppubblikat skond din id-Direttiva;

(ċ) dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu li ġejjin:

- fil-Greċja: ETEBA (Bank Nazzjonali ta’ Investiment għal Żvilupp Industrijali) u Τραπεζα Επενδυσεων (Bank ta’ Investiment),

- fl-Irlanda: Industrial and Provident Societies,

- fir-Renju Unit: Friendly Societies and Industrial and Provident Societies.

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 78/660/KEE u fl-istennija ta’ koordinazzjoni sussegwenti, l-Istati Membri jistgħu:

(a) fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-Artikolu 2(1)(a) ta’ din id-Direttiva li mhumiex kumpanniji ta’ kwalunkwe mit-tipi elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/660/KEE, jistabbilixxu regoli li jidderogaw minn din id-Direttiva meta regoli li jidderogaw huma neċessarja minħabba l-forma legali ta’ dawn l-istituzzjonijiet;

(b) fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu speċjalizzati, jistabbilixxu regoli li jidderogaw minn din id-Direttiva meta r-regoli li jidderogaw huma neċessarja minħabba n-natura speċjali tan-negozju ta’ dawn l-istituzzjonijiet.

Dawn ir-regoli li jidderogaw jistgħu jipprovdu biss għal adattamenti fil-preżentazzjoni, fin-nomenklatura, fit-terminoloġija u l-kontenut ta’ punti fil-balancesheet u fil-kont tal-qligħ u t-telf; ma jistax ikollhom l-effett li jippermettu lill-istituzzjonijiet li japplikaw għalihom biex jipprovdu anqas informazzjoni fil-kontijiet annwali tagħhom minn istituzzjonijiet oħrajn soġġetti għal din id-Direttiva.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dawk l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, possibbilment skond il-kategorija, fi żmien sitt xhur mit-tmien tal-perijodu stipulat fl-Artikolu 47(2). Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-derogi stabbiliti b’dak l-iskop.

Dawn id-derogi għandhom jiġu riveduti fi żmien 10 snin min-notifika ta’ din id-Direttiva. Il-Kummissjoni għandha, jekk approprjat, tissottometti proposti xierqa. Għandha wkoll tissottometti rapport interim fi żmien ħames snin minn notifika ta’din id-Direttiva.

IT-TAQSIMA 2

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI LI JIKKONĊERNAW IL-BALANCESHEET U L-KONT TAL-QLIGĦ U T-TELF

L-Artikolu 3

Fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-possibbiltà li jiġu kkumbinati punti skond l-Artikolu 4(3)(a) jew (b) tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom jiġu ristretti għal sub-punti tal-balancesheet u tal-kont ta’ qligħ u t-telf, ippreċeduti b’ittri żgħar u għandhom ikunu awtorizzati biss taħt ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri għal dak l-iskop.

IT-TAQSIMA 3

STRUTTURA TAL-BALANCESHEET

L-Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jippreskrivu l-format li ġej għall-BalanceSheet.

Attiv

1. Flus fl-idejn, bilanċi ma’ banek ċentrali u banek ta’ l-uffiċċju postali.

2. Kambjali tat-teżor u kambjali oħra eliġibbli għal finanzjament mill-ġdid ma’ banek ċentrali:

(a) Kambjali tat-teżor u sigurtajiet simili

(b) Kambjali oħra eliġibbli għal finanzjament mill-ġdid ma’ banek ċentrali (sakemm il-liġi nazzjonali ma tippreskrivix li dawn il-kambjali għandhom jintwerew taħt il-punti 3 u 4 ta’ l-Attiv)

3. Self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu:

(a) li jitħallsu lura fuq talba

(b) self u avvanzi oħra

4. Self u avvanzi lill-klijenti

5. Titoli ta’ dejn inklużi titoli ta’ dħul fiss:

(a) maħruġa minn korpi pubbliċi

(b) maħruġa minn oħrajn li jissellfu, li juru separatament:

- titoli ta’ dejn proprju (sakemm il-liġi nazzjonali ma tippreskrivix it-tnaqqis tagħhom mil-passiv).

6. Ishma u titoli oħra ta’ imgħax varjabbli

7. Interessi parteċipanti, li juru separatament:

- interessi parteċipanti f’istituzzjonijiet ta’ kreditu (sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ l-iżvelar tagħhom fin-noti fuq il-kontijiet)

8. Ishma f’intrapriżi affiljati, li juru separatament:

- ishma f’istituzzjonijiet ta’ kreditu (sakemm il-liġi nazzjonali ma teħtieġx l-iżvelar tagħhom fin-noti dwar il-kontijiet)

9. Attiv intanġibbli kif deskritt taħt Attiv, l-intestaturi B u Ċ. I ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 78/660/KEE, li juri separatament:

- spejjeż tal-formazzjoni, kif definiti b’liġi nazzjonali u sakemm tippermetti l-liġi nazzjonali li dawn jidhru bħala attiv (sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ li dawn jiġu żvelati fin-noti dwar il-kontijiet)

- avvjament, sal-limitu li kien akkwistat għal konsiderazzjoni ta’ valur (sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ li din tiġi żvelata fin-noti dwar il-kontijiet)

10. Attiv tanġibbli kif deskritti taħt Attiv, l-intestaturi Ċ. II ta’ l-Artikolu 9 tad-Direttiva 78/660/KEE, li juru separatament:

- art u bini okkupati minn istituzzjoni ta’ kreditu għall-attivitajiet tagħha proprji (sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ li dawn jiġu żvelati fin-noti dwar il-kontijiet)

11. Kapital sottoskritt mhux imħallas, li juri separatament:

- kapital imsejjah (sakemm il-liġi nazzjoni ma tipprovdix biex kapital imsejjaħ jiġi inkluż fil-passiv, f’liema każ kapital imsejjaħ imma għadu mhux imħallas għandu jiġi inkluż jew f’dan il-punt ta’ l-Attiv jew fil-punt 14 ta’ l-Attiv)

12. Ishma proprji (b’indikazzjoni tal-valur nominali tagħhom jew, fl-assenza ta’ valuri nominali, il-valur kif ibbilanċjat fil-kontijiet sal-limitu li l-liġi nazzjonali tippermetti li dawn jintwerew fil-BalanceSheet)

13. Attiv oħrajn

14. Kapital sottoskritt imsejjaħ imma li mhux imħallas (sakemm il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ li kapital imsejjaħ jintwera taħt il-punt 11 ta’ l-Attiv)

15. Pagamenti bil-quddiem u dħul akkumulat

16. Telf għas-sena finanzjarja (sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprovdix għall-inklużjoni tiegħu taħt il- punt 14 tal-Passiv)

Passiv

1. Ammonti dovuti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu:

(a) li jitħallsu lura fuq talba

(b) b’dati ta’ maturità jew perjodi ta’ notifika miftiehma

2. Ammonti dovuti lil klijenti:

(a) depożiti ta’ tfaddil, li juru separatament:

- dawk ripagabbli fuq talba u dawk b’dati ta’ maturità jew perjodi ta’ notifika miftiehma meta l-liġi nazzjonali tipprovdi għal dan it-tqassim (sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprovdix biex din l-informazzjoni tingħata fin-noti dwar il-kontijiet)

(b) djun oħrajn

(ba) li jitħallsu lura fuq talba

(bb) b’dati ta’ maturità jew b’perjodi ta’ notifika miftiehma

3. Djun attestati b’ċertifikati:

(a) titoli ta’ djun fil-ħruġ

(b) oħrajn

4. Reponsabbiltajiet oħrajn

5. Akkumulazzjonijiet u dħul diferit

6. Dispożizzjonijiet għal passiv u piżijiet:

(a) dispożizzjonijiet għal pensjonijiet u obbligi simili

(b) dispożizzjonijiet għat-tassazzjoni

(ċ) dispożizzjonijiet oħrajn

7. Profitt għas-sena finanzjarja (sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprovdix għall-inklużjoni tiegħu taħt il-punt 14 tal-Passiv)

8. Passiv subordinat

9. Kapital sottoskritt (sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprovdix biex kapital imsejjaħ jintwera taħt dan il-punt. F’dak il-każ, l-ammonti ta’ kapital sottoskritt u kapital miktub għandhom jintwerew separatament)

10. Kont ta’ premium ta’ l-ishma

11. Riservi

12. Riserva ta’ rivalutazzjoni

13. Il-profitt jew it-telf miġjuba’ l quddiem

14. Il-profitt jew it-telf għas-sena finanzjarja (sakemm il-ligi nazzjonali ma tkunx teħtieġ li dan jintwera taħt il-punt 16 ta’ l-Attiv jew il-punt 7 tal-Passiv)

Punti barra mill-BalanceSheet

1. Passiv kontinġenti, li juri separatament:

- aċċettazzjonijiet u endorsements

- garanziji u attiv bi pleġġ bħala sigurtà kollaterali

2. Rbit, li juru separatament:

- rbit li joriġinaw minn transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid

L-Artikolu 5

Dan li ġej għandu jkun jintwera separatament bħala sub-punti tal-punti inkwistjoni:

- pretensjonijiet, kemm jekk ippruvati b’ċertifikati u kemm jekk le, dwar intrapriżi affiljati u inklużi fil-punti 2 sa 5 ta’ l-Attiv,

- pretensjonijiet, kemm jekk ippruvati b’ċertifikati u kemm jekk le, dwar intrapriżi li magħhom istituzzjoni ta’ kreditu tkun marbuta permezz ta’ interess parteċipanti u inklużi fil-punti 2 sa 5 ta’ l-Attiv,

- passiv, kemm jekk ippruvati b’ċertifikati u kemm jekk le, lil intrapriżi affiljati u inklużi fil-punti 1, 2, 3 u 8 tal-Passiv.

- passiv, kemm jekk ippruvati b’ċertifikati u kemm jekk le, lil intrapriżi li magħhom istituzzjoni ta’ kreditu tkun marbuta permezz ta’ interess parteċipanti u inklużi fil-punti 1, 2, 3 u 8 tal-Passiv.

L-Artikolu 6

1. Attiv subordinati għandhom jintwerew separatament bħala subpunti tal-punti tal-format u s-subpunti maħluqa skond l-Artikolu 5.

2. Attiv, kemm jekk ippruvati b’ċertifikati u kemm jekk le, huma subordinati jekk, fil-każ ta’ xoljiment jew ta’ falliment, għandhom jiħallsu lura biss wara li jkunu ġew sodisfatti l-pretensjonijiet ta’ kredituri oħrajn.

L-Artikolu 7

L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-iżvelar ta’ l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 5 u 6, mqassma kif dovut fil-punti varji relevanti, fin-noti dwar il-kontijiet.

L-Artikolu 8

1. L-attiv għandu jintwera taħt l-intestaturi relevanti tal-BalanceSheet anki meta l-istituzzjoni ta’ kreditu li tħejji l-BalanceSheet tkun għamlet pleġġ bihom bħala titoli għall-passiv tagħha proprju jew għal dak ta’ partijiet terzi jew tkun b’mod ieħor assenjatu bħala sigurtà għal partijiet terzi.

2. Istituzzjoni ta’ kreditu m’għandhiex tinkludi fil-BalanceSheet tagħha dak l-attiv mqiegħed bi pleġġ jew assenjati b’mod ieħor lilha bħala sigurtà sakemm dan l-attiv ma jkunx fil-forma ta’ flus f’idejn dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

L-Artikolu 9

1. Meta jkun ingħata self minn sindikat li jikkonsisti f’numru ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, kull istituzzjoni ta’ kreditu li tipparteċipa fis-sindakat għandha tiżvela biss dik il-parti tas-self totali li hi nnifisha tkun ipprovdiet.

2. Jekk fil-każ ta’ self sindikat kif deskritt fil-paragrafu 1 l-ammont ta’ fondi garantiti minn istituzzjoni ta’ kreditu jeċċedi l-ammont li hi tkun għamlet disponibbli, kull porzjon addizzjonali ta’ garanzija għandu jintwera bħala passiv kontinġenti (fil-punt barra l-BalanceSheet 1, it-tieni inċiż).

L-Artikolu 10

1. Fondi li istituzzjoni ta’ kreditu tamministra f’isimha imma daparti ta’ partijiet terzi għandhom jintwerew fil-BalanceSheet jekk l-istituzzjoni ta’ kreditu takkwista titolu legali għall-attiv ikkonċernati. L-ammont totali ta’ dawn l-attiv u l-passiv għandu jintwera separatament jew fin-noti dwar il-kontijiet, imqassma skond il-punti varji ta’ l-Attiv u l-Passiv. Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-iżvelar ta’ dawn il-fondi barra mill-BalanceSheet sakemm ikun hemm regoli speċjali li bihom dawk il-fondi jistgħu jiġu esklużi mill-attiv disponibbli għal distribuzzjoni fil-każ tax-xoljiment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (jew proċeduri simili).

2. Attiv akwistat f’isem jew daparti ta’ partijiet terzi m’għandhomx jidhru fil-BalanceSheet.

L-Artikolu 11

Dawk l-ammonti biss li jistgħu fi kwalunkwe żmien jiġu rtirati mingħajr notifika jew li għalihom ġie miftiehem maturità jew perjodu ta’ notifika ta’ 24 siegħa jew ta’ jum utli wieħed għandhom jitqiesu bħala ripagabbli fuq talba.

L-Artikolu 12

1. Transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid għandhom ifissru transazzjonijiet li jinvolvu t-trasferiment minn istituzzjoni ta’ kreditu jew minn klijent ( "dak li jittrasferixxi" ) lil istituzzjoni ta’ kreditu oħra jew lil klijent ieħor ( "dak li jirċievi t-trasferiment" ) ta’ attiv, per eżempju, kambjali, djun u titoli trasferibbli, suġġetti għal ftehim li dawk l-istess attiv jiġu sussegwentement trasferiti lura lejn dak li jittrasferixxi bi prezz speċifikat.

2. Jekk dak li jirċievi t-trasferiment jintrabat li jagħti lura l-attiv f’data speċifikata jew li għandha tiġi speċifikata minn dak li jittrasferixxi, it-transazzjoni f’dak il-każ għandha titiqes bħala transazzjoni ġenwina ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid.

3. Jekk, madanakollu, dak li jirċievi t-trasferiment ikun sempliċiment intitolat li jagħti lura l-attiv bil-prezz tax-xiri jew għal ammont differenti li jkun miftiehem bil-quddiem f’data speċifikata jew li għandha tiġi speċifikata, t-transazzjoni inkwistjoni għandha titqies bħala bejgħ bl-għażla għal xiri mill-ġdid.

4. Fil-kaz ta’ transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid imsemmija fil-paragrafu 2, l-attiv trasferiti għandhom jibqgħu jidhru fil-BalanceSheet ta’ min jittrasferixxi; il-prezz tax-xiri li jkun irċieva dak li jittrasferixxi għandu jintwera bħala ammont dovut lil dak li jirċievi t-trasferiment. Minbarra dan, il-valur ta’ l-Attiv ittrasferit għandu jiġi żvelat f’nota fil-kontijiet ta’ min jittrasferixxi. Dak li jirċievi t-trasferiment m’għandux ikun intitolat li juri l-attiv trasferit fil-BalanceSheet tiegħu; il-prezz tax-xiri mħallas minn dak li jirċievi t-trasferiment għandu jintwera bħala ammont dovut minn dak li jittrasferixxi.

5. Fil-każ ta’ transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid imsemmija fil-paragrafu 3, madanakollu, dak li jittrasferixxi m’għandux ikun intitolat li juri fil-BalanceSheet tiegħu l-attiv trasferit; dawk il-punti għandhom jidhru bħala attiv fil-BalanceSheet ta’ min jirċievi t-trasferiment. Dak li jittrasferixxi għandu jagħmel skrizzjoni taħt il-punt 2 barra l-BalanceSheet, ta’ ammont ugwali għall-prezz miftiehem fil-każ ta’ xiri mill-ġdid.

6. L-ebda transazzjoni ta’ skambju bil-quddiem, għażliet, transazzjonijiet li jinvolvu l-ħruġ ta’ titoli ta’ djun b’rabta ta’ xiri mill-ġdid tal-ħruġ kollu jew parti minnu qabel il-maturità ta’ xi transazzjonijiet simili m’għandhom jitqiesu bħala transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid fis-sens ta’ dan l-Artikolu.

IT-TAQSIMA 4

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI LI JIRRIGWARDAW ĊERTI PUNTI TAL-BALANCESHEET

L-Artikolu 13

Attiv: Il-Punt 1 — Flus fl-idejn, bilanċi ma’ banek ċentrali u banek ta’ uffiċċji postali.

1. Flus fl-idejn għandhom jinkludu flus ta’ valuta legali inklużi karti tal-flus u muniti barranija.

2. Dan il-punt jista’ jinkludi biss bilanċi mal-banek ċentrali u banek ta’ uffiċji postali tal-pajjiż jew pajjiżi li fihom istituzzjoni ta’ kreditu tkun stabbilita. Dawn il-bilanċi għandhom ikunu mill-ewwel disponibbli fil-ħinijiet kollha. Pretensjonijiet oħrajn fuq dawn il-korpi għandhom jintwerew bħala self u avvanzi lil istituzzjoni ta’ kreditu (Attiv il-punt 3) jew bħala self u avvanzi lill-klijenti (il-punt 4 ta’ l-Attiv).

L-Artikolu 14

Attiv: Il-Punt 2 — Kambjali tat-teżor u kambjali oħra eliġibbli għal finanzjament mill-ġdid ma’ banek ċentrali:

1. Dan il-punt għandu jinkludi, taħt (a), kambjali tat-teżor u titoli simili, jiġifieri kambjali tat-teżor, ċertifikati tat-teżor u strumenti simili ta’ djun maħruġa minn korpi pubbliċi li huma eliġibbli għal finanzjament mill-ġdid ma’ banek ċentrali tal-pajjiż jew pajjiżi li fihom hi stabbilita istituzzjoni ta’ kreditu. Dawk l-istrumenti ta’ djun maħruġa minn korpi pubbliċi li jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjoni ta’ hawn fuq għandhom jidhru taħt is-sub-punt 5(a) ta’ l-Attiv.

2. Dan il-punt għandu jinkludi, taħt (b), kambjali eliġibbli għal finanzjament mill-ġdid ma’ banek ċentrali, jiġifieri l-kambjali kollha miżmuma fil-portfolio li kienu mixtrija minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew minn klijenti sal-limitu li huma eliġibbli, skond il-liġi nazzjonali, għal finanzjament mill-ġdid mal-banek ċentrali tal-pajjiż jew pajjiżi li fihom tkun stabbilita istituzzjoni ta’ kreditu.

L-Artikolu 15

Attiv: Il-Punt 3 — Self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu

1. Self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinkludu s-self kollu u l-avvanzi kollha li joriġinaw minn transazzjonijiet bankarji lil istituzzjonijiet ta’ kreditu domestiċi u barranin mill-istituzzjoni ta’ kreditu li tħejji l-BalanceSheet, indipendentement mid-deskrizzjonijiet attwali tagħhom.

L-unika eċċezzjoni għandha tkun is-self u l-avvanzi rrappreżentati b’titoli ta’ djun jew xi sigurtà oħra, li għandhom jintwerew taħt Attiv il-punt 5.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinkludu l-intrapriżi kollha fil-lista ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 77/780/KEE, kif ukoll banek ċentrali u organizzazzjonijiet bankarji uffiċjali domestiċi u internazzjonali u l-intrapriżi kollha privati u pubbliċi li mhumiex stabbiliti fil-Komunità imma li jissodisfaw id-definizzjoni fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780/KEE.

Self u avvanzi lil intrapriżi li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet ta’ hawn fuq għandhom jintwerew taħt il-punt 4 ta’ l-Attiv.

L-Artikolu 16

Attiv: Il-Punt 4 — Self u avvanzi lil klijenti

Self u avvanzi lill-klijenti għandhom jinkludu it-tipi kollha ta’ attiv fil-forma ta’ pretensjonijiet li jsiru lil klijenti domestiċi u barranin barra minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, indipendentement mid-deskrizzjonijiet attwali tagħhom.

L-unika eċċezzjoni għandha tkun is-self u l-avvanzi irrappreżentati b’titoli ta’ djun jew xi sigurtà oħra, li għandhom jintwerew taħt il-punt 5 ta’ l-Attiv.

L-Artikolu 17

Attiv: Il-Punt 5 — Titoli ta’ dejn inklużi titoli ta’ dħul fiss:

1. Dan il-punt għandu jinkludi titoli negozjabbli ta’ dejn inklużi titoli ta’ dħul fiss maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, minn intrapriżi oħrajn jew minn korpi pubbliċi; dawn it-titoli maħruġa minn dawn ta’ l-aħħar, madanakollu, għandhom jiġu inklużi biss jekk m’għandhomx jintwerew taħt il-punt 2 ta’ l-Attiv.

2. Titoli li jkollhom rati ta’ imgħaxijiet li jvarjaw skond fatturi speċifiċi, per eżempju r-rata ta’ imgħax fis-suq inter-bankarju jew fil-Euromarket, għandhom ukoll jitqiesu bħala titoli ta’ djun inklużi titoli ta’ dħul fiss.

3. Biss titoli ta’ djun proprji ta’ xiri mill-ġdid u negozjabbli jistgħujiġu nklużi fis-sub-punt 5(b).

L-Artikolu 18

Passiv: Il-Punt 1 Ammonti dovuti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu

1. Ammonti dovuti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinkludu l-ammonti kollha li joriġinaw minn transazzjonijiet bankarji dovuti lil istituzzjonijiet ta’ kreditu oħrajn domestiċi u barranin mill-istituzzjoni ta’ kreditu li tħejji l-BalanceSheet, independentement mid-deskrizzjonijiet attwali tagħhom.

L-unika eċċezzjoni għandha tkun passiv rappreżentati b’titoli ta’ djun jew xi sigurtà oħra, li għandhom jintwerew taħt il-punt 3 tal-Passiv.

2. Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu, istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jinkludu l-intrapriżi kollha fil-lista ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej skond l-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 77/780/KEE, kif ukoll banek ċentrali u organizzazzjonijiet bankarji uffiċjali domestiċi u internazzjonali u l-intrapriżi kollha privati u pubbliċi li mhumiex stabbiliti fil-Komunità imma li jissoddisfaw id-definizzjoni fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780/KEE.

L-Artikolu 19

Passiv: Il-Punt 2 — Ammonti dovuti lil klijenti

1. L-Ammonti dovuti lil klijenti għandhom jinkludu l-ammonti kollha dovuti lil kredituri li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu fis-sens ta’ l-Artikolu 18, indipendentement mid-deskrizzjonijiet attwali tagħhom.

L-unika eċċezzjoni għandha tkun passiv rappreżentat b’titoli ta’ djun jew xi sigurtà oħra, li għandu jintwera taħt il-punt 3 tal-Passiv.

2. Depositi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali biss għandhom jiġu ttrattati bħala depositi ta’ tfaddil.

3. Bonds ta’ tfaddil għandhom jintwerew taħt is-sub-punt korrispondenti, biss jekk mhumiex rappreżentati minn ċertifikati negozjabbli.

L-Artikolu 20

Passiv: Il-Punt 3 — Djun awtentikati b’ ċertifikati

1. Dan il-punt għandu jinkludi kemm it-titoli ta’ djun u wkoll djun li għalihom inħarġu ċertifikati negozjabbli, b’mod partikolari rċevuti ta’ depożitu, "bons de caisse" u passiv li joriġinaw minn aċċettazzjonijiet proprji u minn noti promissorji.

2. Biss aċċettazzjonijiet li istituzzjoni ta’ kreditu tkun ħarġet għal finanzjament mill-ġdid proprju tagħha u li fir-rigward tagħhom tkun l-ewwel parti responsabbli ( "dak li jkun ħariġhom" ) għandhom jiġu ttrattati bħala aċċettazzjonijiet proprji.

L-Artikolu 21

Passiv: Il-Punt 8 — Passiv subordinati

Meta jkun ġie kontrattwalment miftiehem li, fil-każ ta’ xoljiment jew ta’ falliment, passiv, kemm jekk awtentikati b’ċertifikati u kemm jekk le, għandhom jitħallsu lura biss wara li t-talbiet tal-kredituri l-oħrajn kollha jkunu ġew issodisfati, il-passiv inkwistjoni għandhom jintwerew taħt dan il-punt.

L-Artikolu 22

Passiv: Il-Punt 9 — Kapital sottoskritt

Dan il-punt għandu jinkludi l-ammonti kollha, indipendentement mid-deskrizzjonijiet attwali tagħhom, li, skond l-istruttura legali ta’ l-istituzzjoni kkonċernata, huma meqjusa taħt il-liġi nazzjonali bħala kapital ta’ ekwità sottoskritt mis-sħab jew mill-propjetarji l-oħrajn.

L-Artikolu 23

Passiv: Il-Punt 11 — Riservi

Dan il-punt għandu jinkludi t-tipi kollha ta’ riservi elenkati fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 78/660/KEE taħt il-punt A. IV tal-Passiv, kif definit hemmhekk. L-Istati Membri jistgħu ukoll jippreskrivu tipi oħrajn ta’ riservi jekk neċessarji għal istituzzjonijiet ta’ kreditu li l-istrutturi legali tagħhom mhumiex koperti bid-Direttiva 78/660/KEE.

It-tipi ta’ riserva msemmija fl-ewwel paragrafu għandhom jintwerew separatament, bħal sub-punti tal-punt 11 tal-Passiv, fil-BalanceSheets ta’ l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kkonċernati, ħlief għar-riserva ta’ rivalutazzjoni li għandha tintwera taħt il-punt 12.

L-Artikolu 24

Barra mill-BalanceSheet: Il-Punt 1 — Passiv kontinġenti

Dan il-punt għandu jinkludi t-transazzjonijiet kollha li permezz tagħhom istituzzjoni tkun intrabtet bl-obbligi ta’ parti terza.

Noti dwar il-kontijiet għandhom jiddikjaraw in-natura u l-ammont ta’ kull tip ta’ passiv kontinġenti li jkun materjali fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ istituzzjoni.

Passiv li joriġinaw mill-konferma ta’ kambjali riskuntati għandhom jiġu inklużi f’dan il-punt, biss, jekk il-liġi nazzjonali ma tkunx teħtieġ mod ieħor. L-istess għandu japplika għal aċċettazzjonijiet barra minn aċċettazzjonijiet proprji.

Titoli u attiv marbuta bħala sigurtà kollaterali għandhom jinkludu l-obbligi kollha ta’ garanzija involuti u attiv mirhuna bħala sigurtà kollaterali f’isem partijiet terzi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ titoli u ittri irrevokabbli ta’ kreditu.

L-Artikolu 25

Barra mill-BalanceSheet: Il-Punt 2 — Rbit

Dan il-punt għandu jinkludi kull rabta irrevokabbli li setgħet tikkawża riskju.

Noti dwar il-kontijiet għandhom jiddikjaraw in-natura u l-ammont ta’ kull tip ta’ rabta li hija materjali fir-rigward ta’ l-attivitajiet ta’ istituzzjoni.

Rbit li joriġina minn transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid għandu jinkludi rbit li tkun daħlet għalih istituzzjoni ta’ kreditu fil-kuntest ta’ transazzjonijiet ta’ bejgħ u xiri mill-ġdid (fuq il-bażi ta’ ftehim sod li tbigħ b’għażliet għal xiri mill-ġdid) fis-sens ta’ l-Artikolu 12(3).

IT-TAQSIMA 5

IL-FORMAT TAL-KONT TAL-QLIGĦ U T-TELF

L-Artikolu 26

Għall-preżentazzjoni tal-kont tal-qligħ u t-telf, l-Istati Membri għandhom jippreskrivu waħda jew iż-żewġ formats previsti fl-Artikoli 27 u 28. Jekk Stat Membru jippreskrivi iż-żewġ formats jista’ jippermetti li intrapriżi li jagħżlu bejniethom.

L-Artikolu 27

Format wieqaf

1. Imgħax riċevut u dħul simili, li juru separatament dawk li joriġinaw minn titoli ta’ dħul fiss

2. Imgħax pagabbli u piżijiet simili

3. Dħul minn titoli:

(a) Dħul minn ishma u titoli oħra ta’ dħul varjabbli

(b) Dħul minn imgħax parteċipanti

(ċ) Dħul minn ishma f’intrapriżi affiljati

4. Kummissjonijiet riċevuti

5. Kummissjonijiet pagabbli

6. Qligħ nett jew telf nett minn transazzjonijiet finanzjarji

7. Dħul ieħor operattiv

8. Spejjeż ġenerali amministrattivi:

(a) Spejjeż ta’ l-impjegati, li juru separatament:

- pagi u salarji

- spejjeż ta’ sigurtà soċjali, b’indikazzjoni separata ta’ dawk li jirrigwardaw il-pensjonijiet

(b) Spejjeż amministrattivi oħrajn

9. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ punti 9 u 10 ta’ l-Attiv

10. Piżijiet operattivi oħrajn

11. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit.

12. Riaġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit.

13. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati

14. Riaġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati

15. Taxxa fuq il-qligħ jew it-telf fuq attivitajiet ordinarji

16. Qligħ jew telf fuq attivitajiet ordinarji wara t-taxxa

17. Dħul straordinarju

18. Piżijiet straordinarji

19. Qligħ jew telf straordinarji

20. Taxxa fuq qligħ jew telf straordinarji

21. Qligħ jew telf straordinarju wara t-taxxa

22. Taxxi oħrajn mhux murija taħt il-punti preċedenti

23. Qligħ jew telf għas-sena finanzjarja

Artikolu 28

Format orizzontali

A. Piżijiet

1. Imgħax pagabbli u piżijiet simili

2. Kummissjonijiet pagabbli

3. Telf nett fuq transazzjonijiet finanzjarji

4. Spejjeż ġenerali amministrattivi:

(a) Spejjeż ta’ l-impjegati, li juru separatament:

- pagi u salarji

- spejjeż tas-sigurtà soċjali, b’indikazzjoni separata ta’ dawk li jirrigwardaw il-pensjonijiet

(b) Spejjeż amministrattivi oħrajn

5. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward tal-punti 9 u 10 ta’ l-Attiv

6. Piżijiet operattivi oħrajn

7. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit.

8. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati

9. Taxxa fuq il-qligħ jew telf fuq attivitajiet ordinarji

10. Qligħ jew telf fuq attivitajiet ordinarji wara t-taxxa

11. Piżijiet straordinarji

12. Taxxa fuq il-qligħ jew it-telf straordinarji

13. Telf straordinarju wara t-taxxa

14. Taxxi oħrajn mhux murija taħt il-punti preċedenti

15. Qligħ għas-sena finanzjarja

B. Dħul

1. Imgħax riċevut u dħul simili, li juru separatament dawk li joriġinaw minn titoli ta’ dħul fiss

2. Dħul minn titoli:

(a) Dħul minn ishma u titoli oħra ta’ dħul varjabbli

(b) Dħul minn interessi parteċipanti

(ċ) Dħul minn ishma f’intrapriżi affiljati

3. Kummissjonijiet riċevuti

4. Qligħ nett fuq transazzjonijiet finanzjarji

5. Riaġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit.

6. Riaġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati

7. Dħul ieħor operattiv

8. Qligħ jew telf fuq attivitajiet ordinarji wara t-taxxa

9. Dħul staordinarju

10. Qligħ straordinarju wara t-taxxa

11. Telf għas-sena finanzjarja

TAQSIMA 6

DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊJALI LI JIRRIGWARDAW ĊERTI DETTALJI FIL-KONT TAL-QLIGĦ U T-TELF

Artikolu 29

L-Artikolu 27, il-punti 1 u 2 (format wieqaf)

L-Artikolu 28, il-punti A 1 u B 1 (format oriżżontali)

Imgħax riċevut u dħul simili u imgħax pagabbli u piżijiet simili.

Dawn il-punti għandhom jinkludu il-qligħ u t-telf kollu li joriġina minn attvitajiet bankarji, inklużi:

(1) id-dħul kollu minn attiv iskritt taħt il-punti 1 sa 5 ta’ l-Attiv fil-BalanceSheet, independentement minn kif ikkalkulat. Dan id-dħul għandu wkoll jinkludi dħul li joriġina mit-tixrid fuq bażi ta’ żmien ta’ l-iskont fuq attiv akkwistat f’ammont taħt, u passiv ikkontrattat fuq ammont ‘il fuq, mis-somma pagabbli mal-maturità;

(2) il-piżijiet kollha li joriġinaw minn passiv iskritti taħt il-punti 1, 2, 3 u 8 tal-Passiv, independentement minn kif ikkalkolati. Dawn il-piżijiet għandhom wkoll jinkludu piżijiet li joriġinaw mit-tixrid fuq bażi ta’ żmien ta’ laġġju fuq attiv akkwistat f’ammont "il fuq" u passiv ikkontrattat fuq ammont taħt, is-somma pagabbli mal-maturità;

(3) id-dħul u piżijiet li jirriżultaw minn kuntratti bil-quddiem koperti, imxerrda ma tul iż-żmien attwali tal-kuntratt u simili fin-natura għall-imgħax;

(4) ħlasijiet u kummissjoni simili in natura għall-imgħax u kkalkolati fuq bażi ta’ żmien jew b’referenza għall-ammont ta’ pretensjoni jew passiv.

Artikolu 30

L-Artikolu 27, il-punt 3 (format vertikali)

L-Artikolu 28, il-punt B 2 (format oriżżontali)

Dħul minn ishma u titoli oħra ta’ dħul varjabbli, minn interessi parteċipanti, u minn ishma f’intrapriżi affiljati

Artikolu 31

L-Artikolu 27, il-punti 4 u 5 (format vertikali)

L-Artikolu 28, il-punti A 2 u B 3 (format oriżżontali)

Kummissjonijiet li għandhom jiġu riċevuti u kummissjonijiet li għandhom jitħallsu

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29, kummissjonijiet li għandhom jiġu riċevuti għandhom jinkludu dħul fir-rigward tas-servizzi fornuti lill-partijiet terzi, u kummissjonijiet li għandhom jitħallsu għandhom jinkludu piżijiet għal servizzi magħtija minn partijiet terzi, b’mod partikolari

- kummissjonijiet għal garanziji, amministrazzjoni ta’ self f’isem oħrajn li jissellfu u transazzjonijiet ta’titoli f’isem partijiet terzi,

- kummissjonijiet u piżijiet u dħul ieħor fir-rigward ta’ transazzjonijiet ta’ ħlas, piżijiet dwar amministrazzjoni tal-kont u kummissjonijiet għall-kustodju u l-amministrazzjoni ta’ titoli,

- kummissjonijiet għal transazzjonijiet ta’ munita barranija u għal bejgħ u x-xiri ta’ muniti u metalli prezzjużi f’isem partijiet terzi,

- piżijiet ta’ kummissjonijiet għal servizzi ta’ senserija inkonnessjoni ma’ kuntratti ta’ tfaddil u assigurazzjoni.

L-Artikolu 32

L-Artikolu 27, il-punt 6 (format vertikali)

L-Artikolu 28, il-punt A 3 jew il-punt B4 (format orizzontali)

Qligħ nett u telf nett minn transazzjonijiet finanzjarji.

Dan il-punt ikopri:

1. il-qligħ jew it-telf nett fuq transazzjonijiet f’titoli li mhumiex miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss flimkien ma’ aġġustamenti tal-valur u riaġġustamenti tal-valur fuq dawn it-titoli, billi jittieħed akkont, meta l-Artikolu 36(2) ikun ġie applikat, tad-differenza li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu; madanakollu, f’dawk l-Istati Membri li jeżerċitaw l-għażla prevista fl-Artikolu 37, dan il-qligħ jew it-telf nett u l-aġġustamenti ta’ valur u r-riaġġustamenti ta’ valur għandhom jiġu inklużi biss sal-limitu li għalih jirrelataw għal titoli inklużi f’ portfolio tal-kummerċ;

2. il-qligħ u t-telf nett fuq attivitajiet ta’ skambju, mingħajr preġudizju għall-Artikolu 29, il-punt 3;

3. il-qligħ u t-telf nett fuq operazzjonijiet oħrajn ta’ xiri u bejgħ li jinvolvu strumenti finanzjarji, inklużi metalli prezzjużi.

L-Artikolu 33

L-Artikolu 27, il-punti 11 u 12 (format vertikali)

L-Artikolu 28, il-punti A 7 u B 5 (format orizzontali)

Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit.

Ri-aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit.

1. Dawn id-dettalji għandhom jinkludu, min-naħa waħda, piżijiet għal aġġustamenti ta’ valur fir-rigward ta’ self u avvanzi li għandhom jintwerew taħt il-punti 3 u 4 ta’ l-Attiv u dispożizzjonijiet għal passiv kontinġenti u għal rbit li għandhom jintwerew taħt il-punti 1 u 2 barra l-BalanceSheet, min-naħa l-oħra, krediti mill-irkupru ta’ self maqtugħ u avvanzi u ammonti miktuba lura wara aġġustamenti fil-valur u dispożizzjonijiet minn qabel.

2. F’dawk l-Istati Membri li jeżerċitaw l-għażla prevista fl-Artikolu 27, dan il-punt għandu wkoll jinkludi il-qligħ jew it-telf nett fuq transazzjonijiet f’titoli inklużi fil-punti 5 u 6 ta’ l-Attiv li la huma miżmuma bħala Attiv finanzjarju fissi kif definit fl-Artikolu 35(2) u lanqas inklużi f’ portfolio tal-kummerċ, flimkien ma’ aġġustamenti tal-valur u riaġġustamenti tal-valur fuq dawk it-titoli billi jittieħed kont, meta l-Artikolu 36(2) jkun ġie applikat, tad-differenza li tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ dak l-Artikolu. In-nomenklatura ta’ dan il-punt għandha tiġi addattata kif jeħtieġ.

3. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-piżijiet u d-dħul kopert b’dawn il-punti li jitqiegħdu b’kumpens kontra xulxin, hekk li jidher biss punt nett (dħul jew piż).

4. Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu, lil klijenti, lil intrapriżi li magħhom tkun marbuta istituzzjoni ta’ kreditu permezz ta’ interessi parteċipanti u lil intrapriżi affiljati għandhom jintwerew separatament fin-noti dwar il-kontijiet meta dawn ikunu materjali. Din id-dispożizzjoni m’hemmx għalfejn tiġi applikata jekk Stat Membru jippermetti kumpens skond il-paragrafu 3.

L-Artikolu 34

L-Artikolu 27, il-punti 13 u 14 (format vertikali)

L-Artikolu 28, il-punti A 8 u B 5 (format orizzontali)

Aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati

Ri-aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati.

1. Dawn il-punti għandhom jinkludu, min-naħa l-waħda, piżijiet għal aġġustamenti tal-valur fir-rigward ta’ attiv murija fil-punti 5 sa 8 ta’ l-Attiv u, min-naħa l-oħra, l-ammonti kollha miktuba lura wara aġġustamenti tal-valur aktar kmieni, sal-limiti li l-piżijiet u d-dħul jirrelataw għal titoli trasferibbli miżmuma bħala attiv fissi finanzjarji kif definit fl-Artikolu 35(2), interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati.

2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu l-piżijiet u d-dħul kopert b’dawn il-punti li jiġu mqiegħda b’kumpens kontra xulxin, hekk li biss il-punt nett (dħul jew piż) jidher.

3. Aġġustament tal-valur fir-rigward ta’ dawn is-sigurtajiet trasferibbli, interessi parteċipanti u ishma f’intrapriżi affiljati għandhom jidhru separatament fin-noti dwar il-kontijiet meta huma materjali. Din id-dispożizzjoni m’hemmx għalfejn tiġi applikata jekk Stat Membru jippermetti l-kumpens skond il-paragrafu 2.

IT-TAQSIMA 7

REGOLI TAL-VALUTAZZJONI

L-Artikolu 35

1. Il-punti 9 u 10 ta’ l-Attiv għandhom jiġu vvalutati bħala attiv fiss. L-attiv inkluż f’punti oħra tal-BalanceSheet għandhom jiġu vvalutati bħala attiv fiss meta dan ikun intiż għal użu fuq bażi kontinwa tul l-attivitajiet ġenerali ta’ intrapriża.

2. Meta ssir referenza għal attiv finanzjarju fiss fit-Taqsima 7 tad-Direttiva 78/660/KEE, din il-frażi għandha fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tittieħed bħala li tfisser interessi parteċipanti, ishma f’intrapriżi affiljati u titoli intiżi għal użu fuq bażi kontinwa tul l-attivitajiet ġenerali ta’ intrapriża.

3. (a) Titoli ta’ dejn inklużi titoli ta’ dħul fiss miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss għandhom jintwerew fil-BalanceSheet skond il-prezz tax-xiri. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jeħtieġu jew jippermettu li dawn it-titoli ta’ dejn jintwerew fil-BalanceSheet fl-ammont ripagabbli mal-maturità.

(b) Meta l-prezz tax-xiri ta’ dawn it-titoli ta’ dejn jeċċedi l-ammont ripagabbli mal-maturità, l-ammont tad-differenza għandu jiġi iskritt fil-kont tal-qligħ u t-telf. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jeħtieġu jew jippermettu li l-ammont tad-differenza jinqata’ bin-nifs sabiex jinqata kompletament saż-żmien meta t-titoli ta’ dejn jitħallsu lura. Id-differenza għandha tintwera separatament fil-BalanceSheet jew fin-noti dwar il-kontijiet.

(ċ) Meta l-prezz tax-xiri ta’ dawn it-titoli ta’ djun ikun anqas mill-ammont ripaggabli mal-maturità, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu jew jippermettu li l-ammont tad-differenza jitħalla fi dħul bin-nifs tul il-perjodu li jifdal sal-ħlas lura. Id-differenza għandha tintwera separatament fil-BalanceSheet jew fin-noti dwar il-kontijiet.

L-Artikolu 36

1. Meta titoli trasferibbli li ma jkunux miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss jintwerew fil-BalanceSheet bil-prezz tax-xiri, istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiżvelaw fin-noti dwar il-kontijiet tagħhom id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ogħla valur tas-suq tad-data tal-BalanceSheet.

2. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jeħtieġu jew jippermettu li dawk it-titoli trasferibbli jintwerew fil-BalanceSheet bl-ogħla valur tas-suq fid-datatal-BalanceSheet. Id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ogħla valur tas-suq għandha tiġi żvelata fin-noti dwar il-kontijiet.

L-Artikolu 37

1. L-Artikolu 39 ta’ Direttiva 78/660/KEE għandu japplika għall-valutazzjoni ta’ self u avvanzi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, titoli ta’ djun, ishma u titoli oħrajn ta’ dħul varjabbli li ma jkunux miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss.

2. Fl-istennija ta’ koordinazzjoni sussegwenti, madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu:

(a) self u avvanzi lil istituzzjonijiet ta’ kreditu u lil klijenti (il-punti 3 u 4 ta’ l-Attiv) u titoli ta’ dejn, ishma u titoli oħrajn ta’ dħul varjabbli inklużi fil-punti 5 u 6 ta’ l-Attiv li la huma miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss kif definit fl-Artikolu 35(2) u lanqas inklużi f’ portfolio tal-kummerċ, li għandu jidher f’valur aktar baxx minn dak li kien jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 78/660/KEE, meta dak ikun meħtieġ bi prudenza kif esiġit mir-riskji partikolari assoċjati mal-bankar. Madanakollu, id-differenza bejn iż-żewġ valuri m’għandhiex tkun aktar minn 4 % ta’ l-ammont totali ta’ l-Attiv msemmi hawn fuq wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 39 imsemmi qabel;

(b) li l-valur l-aktar baxx li jirriżulta mill-applikazzjoni tas-subparagrafu (a) għandu jinżamm sakemm l-istituzzjoni ta’ kreditu tiddeċiedi li taġġustah;

(ċ) meta Stat Membru jeżerċita l-għażla prevista fis-subparagrafu (a), la l-Artikolu 36(1) ta’ din id-Direttiva u lanqas l-Artikolu 40(2) tad-Direttiva 78/660/KEE m’għandhom japplikaw.

L-Artikolu 38

1. Fl-istennija ta’ koordinazzjoni sussegwenti, dawk l-Istati Membri li jeżerċitaw l-għażla prevista fl-Artikolu 37, għandhom jippermettu, u dawk l-Istati Membri li ma jeżerċitawx dik l-għażla jistgħu jippermettu l-introduzzjoni ta’ punt 6 A tal-Passiv intitolat "Fond ġenerali għal riskji bankarji" . Dak il-punt għandu jinkludi dawk l-ammonti li istituzzjoni ta’ kreditu tiddeċiedi li twarrab biex jiġu koperti dawn ir-riskji meta dan hu meħtieġ mir-riskji partikolari assoċjati mal-bankar.

2. Il-bilanċ nett taż-żidiet u t-tnaqqis tal- "Fond ġenerali ta’ riskji bankarji" għandu jintwera separatament fil-kont tal-qligħ u t-telf.

L-Artikolu 39

1. L-attiv u l-passiv denominati f’munita barranija għandhom jiġu tradotti bir-rata tal-kambju tal-mument li tkun applikabli fid-data tal-BalanceSheet. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jenħtieġu jew jippermetti li attiv miżmum bħala attiv finanzjarju fiss u attiv tanġibbli u intanġibbli, li mhuwiex kopert jew li mhuwiex speċifikament kopert la bir-rata tal-mument u lanqas fi swieq bil-quddiem, għandu jiġi tradott bir-rati applikabbli fid-dati ta’ l-akkwist tagħhom.

2. Transazzjonijiet mhux kompluti ta’ kambju bil-quddiem jew tal-mument għandhom jiġu tradotti bir-rati tal-kambju tal-mument applikabbli fid-data tal-BalanceSheet.

L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jeħtieġu li transazzjonijiet bil-quddiem jiġu konvertiti bir-rata bil-quddiem applikabbli fid-data tal-BalanceSheet.

3. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29(3), id-differenzi bejn il-valur fil-kotba ta’ l-Attiv, tal-passiv u ta’ transazzjonijiet bil-quddiem u l-ammonti prodotti bit-traduzzjoni skond il-paragrafi 1 u 2, għandhom jintwerew fil-kont tal-qligħ u t-telf. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jeħtieġu jew jippermettu li d-differenzi prodotti bit-traduzzjoni skond il-paragrafi 1 u 2 jiġu inklużi, kompletament jew inparti, f’riservi li ma jkunux disponibbli għat-tqassim, meta dawn joriġinaw minn attiv miżmum bħala attiv finanzjarju fiss, fuq attiv tanġibbli u intanġibbli u fuq xi transazzjonijiet magħmula biex ikopru dak l-attiv.

4. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li d-differenzi posittivi ta’ traduzzjoni li joriġinaw minn transazzjonijiet bil-quddiem, jew minn attiv jew passiv mhux koperti jew mhux speċifikament koperti minn transazzjonijiet oħrajn bil-quddiem, jew minn attiv jew passiv m’għandhomx jintwerew fil-kont tal-qligħ u t-telf.

5. Jekk jiġi użat xi metodu speċifikat fl-Artikolu 59 tad-Direttiva 78/660/KEE, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li kull differenza ta’ traduzzjoni għandha tiġi trasferita, kompletament jew inparti, direttament lir-riservi. Differenzi pożittivi jew negattivi ta’ traduzzjoni trasferiti lil riservi għandhom jidhru separatament fil-BalanceSheet jew fin-noti dwar il-kontijiet.

6. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu jew jippermettu li differenzi ta’ traduzzjoni li joriġinaw mill-konsolidazzjoni tar-ritraduzzjoni tal-kapital ta’ intrapriża affiljata u riservi jew is-sehem ta’ kapital u riservi ta’ interess parteċipanti fil-bidu tal-perjodu tal-kontijiet, għandhom jiġu inklużi, kompletament jew inparti, f’riservi konsolidati, flimkien mad-differenzi tradotti li joriġinaw mit-traduzzjoni ta’ xi transazzjonijiet meħuda biex ikopru dak il-kapital u dawk ir-riservi.

7. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu jew jippermettu li d-dħul u n-nefqa ta’ intrapriżi affiljati u interessi parteċipanti jiġu tradotti fuq konsolidazzjoni tar-rati medji tal-kambju applikabbli tul il-perijodu tal-kontijiet.

IT-TAQSIMA 8

KONTENUT TAN-NOTI FIL-KONTIJIET

L-Artikolu 40

1. L-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 78/660/KEE għandhom japplikaw, soġġett għall-Artikolu 37 ta’ din id-Direttiva u għad-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2. Minbarra l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 43(1)(5) tad-Direttiva 78/660/KEE, istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jiżvelaw l-informazzjoni li ġejja li tirrigwarda l-punt 8 tal-Passiv (passiv subordinat):

(a) fir-rigward ta’ kull self li jeċċedi 10 % ta’ l-ammont totali tal-passiv subordinat:

(i) l-ammont tas-self, il-munita li fiha jkun denominat, ir-rata ta’ imgħax u d-data tal-maturità jew il-fatt li dan ikunu ta’ ħruġ perpetwu;

(ii) jekk ikunx hemm xi ċirkostanzi li fihom pagament lura kmieni jkun meħtieġ;

(iii) it-termini tas-subordinazzjoni, l-eżistenza ta’ xi dispożizzjonijiet biex jikkonvertu l-passiv subordinat f’kapital jew f’xi forma oħra ta’ passiv u t-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

(b) indikazzjoni ġenerali tar-regoli li jirregolaw self ieħor.

3. (a) Minflok l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 43(1)(6) tad-Direttiva 78/660/KEE, istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom, fin-noti dwar il-kontijiet tagħhom, jiddikjaraw separatament għal kull wieħed mill-punti 3(b) u 4 ta’ l-Attiv u l-punti 1(b), 2(a), 2(b)(bb) u 3(b) tal-Passiv l-ammonti ta’ dak is-self u l-avvanzi u l-passiv fuq il-bażi tal-kumplament tal-maturità tagħhom kif ġej:

- mhux aktar minn tliet xhur,

- aktar minn tliet xhur imma mhux aktar minn sena,

- aktar minn sena imma mhux aktar minn ħames snin,

- aktar minn ħames snin.

Għal punt 4 ta’ l-Attiv, self u avvanzi fuq talba u b’notifika qasira għandhom ukoll jintwerew.

Jekk self u avvanzi jew passiv jinvolvu ħlas bin-nifs, il-kumplament tal-maturità għandu jkun il-perijodu bejn id-data tal-BalanceSheet u d-data li fiha kull pagament bin-nifs ikun dovut.

Madanakollu, għal ħames snin wara d-data msemmija fl-Artikolu 47(2) l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu jew jippermettu li l-elenkar skond il-maturità ta’ l-Attiv u l-Passiv imsemmija f’dan l-Artikolu ikun ibbażat fuq il-maturità jew il-perijodu ta’ notifika oriġinarjament miftiehma. F’dak il-każ, meta istituzzjoni ta’ kreditu tkun otteniet self eżistenti li ma jkunx awtentikat b’ċertifikat, l-Istati Membri għandhom jeħtieġu li klassifika ta’ dak is-self tkun ibbażata fuq il-kumplament tal-maturità fid-data li fiha kienet akkwistata. Għall-iskopijiet ta’ dan is-subparagrafu, il-maturità oriġinarjament miftiehma għal self għandha tkun il-perjodu bejn id-data ta’ l-ewwel ġbid u d-data tal-ħlas lura; il-perjodu ta’ notifika għandu jitqies bħala l-perijodu bejn id-data li fiha tkun ingħatat in-notifika u d-data li fiha l-ħlas lura għandu jsir; jekk is-self u l-avvanzi jew il-passiv ikunu jinfdew bin-nifs, il-maturità miftiehma għandha tkun il-perijodu bejn id-data li fiha dak is-self u l-avvanzi jew il-passiv joriġinaw u d-data li fiha l-aħħar pagament ikun dovut. Istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom ukoll jindikaw għall-punti tal-BalanceSheet imsemmija f’dan is-subparagrafu liema proporzjon ta’ dawk l-attiv u l-passiv ikun dovuti fi żmien sena mid-data tal-BalanceSheet.

(b) Istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom, fir-rigward tal-punt 5 ta’ l-Attiv (Titoli ta’ dejn inklużi titoli ta’ dħul fiss) u l-punt 3(a) tal-Passiv (Titoli ta’ dejn fil-ħruġ), jindikaw liema proporzjon ta’ attiv u passiv isir dovut fi żmien sena mid-data tal-BalanceSheet.

(ċ) L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-informazzjoni msemmija fis-subparagrafi (a) u (b) tingħata fil-BalanceSheet.

(d) Istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom jagħtu dettalji ta’ l-Attiv li huma jkunu qiegħdu b’rahan bħala sigurtà għal-passiv tagħhom proprji jew għal dawk ta’ partijiet terzi (inklużi passiv kontinġenti); id-dettalji għandhom ikunu f’dettal suffiċjenti biex jindikaw għal kull punt tal-passiv u għal kull punt barra l-BalanceSheet l-ammont totali ta’ l-Attiv mirhuna bħala sigurtà.

4. Fejn istituzzjonijiet ta’ kreditu jkollhom jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 43(1)(7) tad-Direttiva 78/660/KEE f’dettalji barra l-BalanceSheet, din l-informazzjoni m’hemmx għalfejn tiġi ripetuta fin-noti dwar il-kontijiet.

5. Minflok l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 43(1)(8) tad-Direttiva 78/660/KEE, istituzzjoni ta’ kreditu għandha tindika fin-noti dwar il-kontijiet tagħha il-proporzjon tad-dħul tagħha li jirrigwarda l-punti 1, 3, 4, 6 u 7 ta’ l-Artikolu 27 jew il-punti B 1, B 2, B 3, B 4 u B 7 ta’ l-Artikolu 28 minn swieq ġeografiċi, sa fejn, b’kont meħud tal-manjiera li biha l-istituzzjoni ta’ kreditu hi organizzata, dawk is-swieq jiddifferixxu sostanzjalment minn xulxin. L-Artikolu 45(1)(b) tad-Direttiva 78/660/KEE għandu japplika.

6. Ir-referenza fl-Artikolu 43 (1) (9) tad-Direttiva 78/660/KEE ta’ l-Artikolu 23 (6) ta’ dik id-Direttiva għandha titqies bħala referenza għall-Artikolu 27 (8) jew l-Artikolu 28 (A 4) ta’ din id-Direttiva.

7. B’ deroga mill-Artikolu 43 (1) (13) tad-Direttiva 78/660/KEE, istituzzjonijiet ta’ kreditu jeħtieġ li jiżvelaw biss l-ammonti ta’ avvanzi u krediti mogħtija lil membri tal-korpi amministrattivi, maniġerjali u ta’ sorveljanza tagħhom, u l-irbit li jidħlu fihom permezz ta’ garanziji ta’ kull tip. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-forma ta’ total għal kull kategorija.

Artikolu 41

1. L-informazzjoni preskritta fl-Artikolu 15 (3) tad-Direttiva 78/660/KEE għandha tingħata fir-rigward ta’ attiv miżmuma bħala attiv fissi kif definit fl-Artikolu 35 ta’ din id-Direttiva. L-obbligu li jintwerew l-aġġustamenti tal-valur separatament m’għandux, madanakollu, japplika meta Stat Membri jkun ippermetta kumpens-b’bilanċ bejn l-aġġustamenti tal-valur skond l-Artikolu 34 (2) ta’ din id-Direttiva. F’ dak il-każ aġġustamenti tal-valur jistgħu jiġu kkumbinati ma punti oħrajn.

2. L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li istituzzjonijiet ta’ kreditu jagħtu l-informazzjoni li ġejja kif ukoll in-noti tal-kontijiet tagħhom:

(a) tqassim tat-titoli trasferibbli murija taħt il-punti 5 sa 8 ta’ l-Attiv f’titoli elenkati u mhux elenkati;

(b) tqassim tat-titoli trasferibbli murija taħt il-punti 5 u 6 ta’ l-Attiv f’titoli li, skond l-Artikolu 35, huma miżmuma jew mhumiex miżmuma bħala attiv finanzjarju fiss u l-kriterju wżat biex ikun hemm distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ titoli trasferibbli;

(ċ) il-valur ta’ transazzjonijiet ta’ kiri, mqassma bejn il-punti rilevanti tal-BalanceSheet;

(d) tqassim tal-punt 13 ta’ l-Attiv, il-punt 4 tal-Passiv, il-punti 10 u 18 fil-format vertikali jew A 6 u A 11 fil-format oriżżontali u l-punti 7 u 17 fil-format vertikali jew B 7 u B9 fil-format oriżżontali fil-kont tal-qligħ u t-telf fl-ammonti tal-komponenti ewlenija tagħhom, meta dawn l-ammonti jkunu mportanti għall-iskop ta’ valutazzjoni tal-kontijiet annwali, kif ukoll l-ispjegazzjonijiet tan-natura u l-ammont tagħhom;

(e) il-piżijiet imħallsa għal kont tal-passiv sub-ordinati minn istituzzjoni ta’ kreditu fis-sena li tkun qiegħda tiġi riveduta;

(f) il-fatt li istituzzjoni tipprovdi servizzi ta’ amministrazzjoni u aġenzija lil partijiet terzi meta l-iskala tan-negozju ta’ dak it-tip tkun materjali fir-rigward ta’ l-attivitajiet l-istituzzjoni in ġenerali;

(g) l-ammonti aggregati ta’ attiv u passiv denominati f’munita barranija, tradotti fil-munita li fiha il-kontijiet annwali jkunu mħejjija;

(h) dikjarazzjoni tat-tipi ta’ transazzjonijiet bil-quddiem li ma jkunux immaturaw li jkunu pendenti fid-data tal-BalanceSheet, b’mod partikolari, għal kull tip ta’ transazzjoni, sew jekk ikunu magħmula għal skop materjali sabiex jittaffew l-effetti tal-movimenti fir-rati ta’ l-imgħax, rati tal-kambju u prezzijiet tas-suq, u sew jekk dawn ikunu magħmula għal skop materjali għall-għanijiet ta’ ttrattar. Dawn it-tipi ta’ transazzjonijiet għandhom jinkludu dawk kollha li b’konnessjoni magħhom, id-dħul jew l-infiq għandu jiġi nkluż fl-Artikolu 27, il-punt 6, l-Artikolu 28, il-punti A 3 jew B4 jew l-Artikolu 29 (3), per eżempju, muniti barranija, metalli prezjużi, titoli trasferibbli, ċertifikati ta’ depositu u attiv oħrajn.

TAQSIMA 9

DISPOŻIZZJONIJIET LI JIRRIGWARDAW KONTIJIET KONSOLIDATI

Artikolu 42

1. Istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom iħejju kontijiet ikkonsolidati u rapporti annwali konsolidati skond id-Direttiva 83/349/KEE, sal-limiti li din is-sezzjoni ma tipprovdix mod ieħor.

2. Sal-limiti li Stat Membru ma jkollux rikors għall-Artikolu 5 tad-Direttiva 83/349/KEE, il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu wkoll japplika għal intrapriżi prinċipali li l-għan uniku tagħhom hu li jakkwistaw proprjetà f’intrapriżi sussidjarji u li jamministraw din il-proprjetà u jittrasformawha għal profitt, meta dawk l-intrapriżi sussidjarji ikunu jew esklussivament jew inkella prinċipalment istituzzjonijiet ta’ kreditu.

Artikolu 43

1. Id-Direttiva 83/349/KEE għandha tapplika, soġġett għall-Artikolu 1 ta’ din id-Direttiva u l-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

2. (a) L-Artikoli 4, 6, 15 u 40 tad-Direttiva 83/349/KEE m’għandhomx japplikaw.

(b) L-Istati Membri jistgħu jagħmlu l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 7 tad-Direttiva 83/349/KEE soġġetta għall-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

- l-intrapriża prinċipali għandha tkun iddikjarat li hi tiggarantixxi l-irbit li tkun daħlet għalih l-intrapriża eżentata; l-eżistenza ta’ dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi żvelata fil-kontijiet ta’ l-intrapriża eżentata;

- l-intrapriża prinċipali għandha tkun istituzzjoni ta’ kreditu fis-sens ta’ l-Artikolu 2 (1) (a) ta’ din id-Direttiva.

(ċ) L-informazzjoni msemmija fl-ewwel żewġ inċiżi ta’ l-Artikolu 9 (2) tad-Direttiva 83/349/KEE, jiġifieri:

- l-ammont ta’ attiv fiss u

- it-turnover nett

għandha tinbidel bi:

- is-somma tal-punti 1, 3, 4, 6 u 7 fl-Artikolu 27 jew B 1, B 2, B 3, B 4 u B 7 fl-Artikolu 28 ta’ din id-Direttiva.

(d) Meta, bħala riżultat ta’ l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 13(3)(ċ) ta’ Direttiva 83/349/KEE, intrapriża sussidjarja li tkun istituzzjoni ta’ kreditu ma tkunx inkluża fil-kontijiet konsolidati imma meta l-ishma ta’ dik l-intrapriża ikunu temporanjament miżmuma bħala riżultat ta’ transazzjoni ta’ assistenza finanzjarja bl-iskop tar-riorganizzazzjoni jew tas-salvataġġ ta’ l-intrapriża inkwistjoni, il-kontijiet annwali ta’ dik l-intrapriża għandhom ikunu mhemuża mal-kontijiet konsolidati u informazzjoni addizzjonali għandha tingħata fin-noti dwar il-kontijiet li jikkonċernaw in-natura u t-termini ta’ t-transazzjoni ta’ assistenza finanzjarja.

(e) Stat Membru jista’ wkoll japplika l-Artikolu 12 ta’ Direttiva 83/349/KEE lil żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew iktar li ma jkunux konnessi kif deskritt fl-Artikolu 1(1) jew (2) ta’ dik id-Direttiva imma li huma amministrati fuq bażi unifikata apparti minn skondkuntratt jew dispożizzjonijiet fil-memorandum jew l-artikoli ta’ l-assoċjazzjoni.

(f) L-Artikolu 14 ta’ Direttiva 83/349/KEE, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2, għandu japplika soġġett għad-dispożizzjoni li ġejja.

Meta intrapriża prinċipali tkun istituzzjoni ta’ kreditu u meta intrapriża waħda jew aktar sussidjarji li għandha tiġi konsolidata ma jkollhiex dak l-istatus, dawk l-intrapriżi sussidjarji għandhom jiġu inklużi fil-konsolidazzjoni jekk l-attivitajiet tagħhom ikunu estensjoni diretta ta’ bankar jew jikkonċernaw servizzi anċillari għall-bankar, bħall-kiri, l-iffabbrikar, l-amministrazzjoni ta’ unittrusts, l-amministrazzjoni ta’ servizzi ta’ l-ipproċessar ta’ informazzjoni jew ta’ xi attività oħra simili.

(g) Għall-skopijiet tal-format ta’ kontijiet konsolidati:

- L-Artikoli 3, 5 sa 26 u 29 sa 34 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw;

- ir-referenza fl-Artikolu 17 tad-Direttiva 83/349/KEE għall-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 78/660/KEE għandha tapplika għall-attiv meqjus bħala attiv fiss skond l-Artikolu 35 ta’ din id-Direttiva.

(h) L-Artikolu 34 tad-Direttiva 83/349/KEE għandu japplika fir-rigward tal-kontenut tan-noti dwar il-kontijiet konsolidati, soġġett għall-Artikoli 40 u 41 ta’ din id-Direttiva.

IT-TAQSIMA 10

PUBBLIKAZZJONI

L-Artikolu 44

1. Il-kontijiet annwali approvati kif dovut ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, flimkien mar-rapporti annwali u r-rapporti mill-persuni responsabbli għall-verifika tal-kontijiet għandhom jiġu ppubblikati kif stabbilit bil-liġi nazzjonali skond l-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE [8].

Il-liġi nazzjonali tista’, madanakollu, tippermetti li r-rapport annwali ma jiġix ippubblikat kif stipulat hawn fuq. F’dak il-każ, dan għandu jkun disponibbli għall-pubbliku fl-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija fl-Istat Membru kkonċernat. Għandu jkun possibbli li tiġi akkwistata kopja ta’ dan ir-rapport kollu jew parti minnu fuq talba. Il-prezz ta’ din il-kopja m’għandux jeċċedi l-ispejjeż amministrattivi tiegħu.

2. Il-Paragrafu 1 għandu wkoll japplika għal kontijiet ikkonsolidati approvati kif dovut, għar-rapporti annwali kkonsolidati u għar-rapporti mill-persuni responsabbli għall-verifika tal-kontijiet.

3. Madanakollu, meta istituzzjoni ta’ kreditu li tkun ħejjiet il-kontijiet annwali jew il-kontijiet ikkonsolidati, ma tkunx stabbilita bħala waħda mit-tipi ta’ kumpannija elenkati fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 78/660/KEE u ma tkunx meħtieġa bil-liġi nazzjonali tagħha li tippubblika d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu kif preskritt fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 68/151/KEE, għandha mill-anqas tagħmel dawn disponibbli lill-pubbliku fl-uffiċċju rreġistrat tagħha, jew fl-assenza ta’ uffiċċju rreġistrat, fil-post ewlieni ta’ fejn twettaq in-negozju tagħha. Għandu jkun possibbli li jkunu akkwistati kopji ta’ dawn id-domumenti fuq talba għalihom. Il-prezzijiet ta’ dawn il-kopji m’għandhomx jeċċedu l-ispejjeż amministrattivi tagħhom.

4. Il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandhom ikunu ppubblikati f’kull Stat Membru li fih dik l-istituzzjoni ta’ kreditu jkollha fergħat fis-sens tat-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 1 tad-Direttiva 77/780/KEE. Dawn l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li dawk id-dokumenti jkunu ppubblikati fil-lingwi uffiċjali tagħhom.

5. L-Istati Membri għandhom jipprovdu għal sanzjonijiet approprjati għal nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ pubblikazzjoni imsemmija f’dan l-Artikolu.

IT-TAQSIMA 11

VERIFIKA

L-Artikolu 45

Stat Membru ma jeħtieġx li japplika l-Artikolu 2(1)(b)(iii) tad-Direttiva 84/253/KEE [9] għal banek ta’ tfaddil meta l-verifika statutorja tad-dokumenti ta’ dawk l-intrapriżi msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dik id-Direttiva tkun irriservata għal korp eżistenti ta’ sorveljanza għal dawk il-banek ta’ tfaddil fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u meta l-persuna responsabbli tikkonforma mill-anqas mal-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3 sa 9 tad-Direttiva 84/253/KEE.

IT-TAQSIMA 12

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

L-Artikolu 46

Il-Kumitat ta’ Kuntatt stabbilit skond l-Artikolu 52 tad-Direttiva 78/660/KEE għandu, meta jiltaqa’ kif ikkostwit b’mod approprjat, ikollu wkoll il-funzjonijiet li ġejjin:

(a) li jiffaċilita, mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 169 u 170 tat-Trattat, l-applikazzjoni armonizzata ta’ din id-Direttiva permezz ta’ laqgħat regolari, li jittrattaw, b’ mod partikolari l-problemi prattiċi li joriġinaw inkonnessjoni ma l-applikazzjoni tagħha;

(b) li jagħti parir lill-Kummissjoni, jekk neċessarju, dwar addizzjonijiet jew emendi għal din id-Direttiva.

L-Artikolu 47

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarja sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 1990. Għandhom minnufih jinfurmaw lill-Kummissjoni bihom.

2. Stat Membru jista jipprovdi li d-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom l-ewwel japplikaw għal kontijiet annwali u konsolidati għas-snin finanzjarji li jibdew fl-1 ta’ Jannar 1993 jew ma tul is-sena kalendarja 1993.

3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam irregolat b’din id-Direttiva.

L-Artikolu 48

Ħames snin mid-data msemmija fl-Artikolu 47(2), il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jeżamina u jekk jeħtieġ jirrevedi dawk id-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-Direttiva li jipprovdu għal għażliet mill-Istati Membri, flimkien ma’ l-Artikoli 2(1), 27, 28 u 41, fid-dawl ta’ l-esperjenza akkwistata fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari tal-miri ta’ akbar trasparenza u armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’din id-Direttiva.

L-Artikolu 49

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-8 ta’ Diċembru 1986.

Għall-Kunsill

Il-President

N. Lawson

[1] ĠU C 130, ta’ l-1.6.1981, p. 1, ĠU C 83, ta’ l-24.3.1984, p. 6 u ĠU C 351, tal-31.12.1985, p. 24.

[2] ĠU C 242, tat-12.9.1983, p. 33 u ĠU C 163, ta’ l-10.7.1978, p. 60.

[3] ĠU C 112, tat-3.5.1982, p. 60.

[4] ĠU L 222, ta’ l-14.8.1978, p. 11.

[5] ĠU L 314, ta’ l-4.12.1984, p. 28.

[6] ĠU L 193, tat-18.7.1983, p. 1.

[7] ĠU L 322, tas-17.12.1977, p. 30.

[8] ĠU L 65, ta’ l-14.3.1968, p. 8.

[9] ĠU L 126, tat-12.5.1984, p. 20.

--------------------------------------------------

Top