Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31977L0098

    Id-Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta' Diċembru 1976 li temenda d-Direttivi 64/432/KEE, 72/461/KEE u 72/462/KEE dwar problemi sanitarji u veterinarji

    ĠU L 26, 31.1.1977, p. 81–84 (DA, DE, EN, FR, IT, NL)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (EL, ES, PT, FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32016R0429

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1977/98/oj

    31977L0098



    Official Journal L 026 , 31/01/1977 P. 0081 - 0084
    Finnish special edition: Chapter 3 Volume 8 P. 0052
    Greek special edition: Chapter 03 Volume 17 P. 0056
    Swedish special edition: Chapter 3 Volume 8 P. 0052
    Spanish special edition: Chapter 03 Volume 11 P. 0170
    Portuguese special edition Chapter 03 Volume 11 P. 0170


    Id-Direttiva tal-Kunsill

    tal-21 ta' Diċembru 1976

    li temenda d-Direttivi 64/432/KEE, 72/461/KEE u 72/462/KEE dwar problemi sanitarji u veterinarji

    (77/98/KEE)

    IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ekonomika Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 43 u 100 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

    Billi, fl-okkażjoni tat-tkabbir tal-Komunità, id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit kienu awtorizzati, permezz ta' deroga mir-Regolamenti eżistenti tal-Komunità, biex iżommu sa ċertu punt ir-regoli nazzjonali tagħhom li għandhom x'jaqsmu ma' materji veterinarji;

    Billi l-arranġamenti speċjali li jgħoddu għal dawn it-tliet Stati Membri ġew inkorporati fid-dispożizzjonijiet ta' l-Artikoli 104 u 105 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni [3]; billi dispożizzjonijiet simili, li kienu l-estensjoni loġika tad-dispożizzjonijiet oriġinali kienu ġew introdotti f'Atti tal-Kunsill adottati sussegwentement; billi l-Artikolu 13 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/461/KEE tat-12 ta' Diċembru 1972 dwar il-problemi tas-saħħa li jeffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fil-laħam frisk [4] u l-Artikolu 33 tad-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta' Diċembru 1972 dwar il-problemi sanitarji u l-ispezzjoni veterinarja meta ssir importazzjoni ta' l-annimali bovini u l-majjali u l-laħam frisk minn pajjiżi terzi [5] ġew adottati għal dan l-għan, iż-żewġ Direttivi msemmija qabel kienu ġew emendati bid-Direttiva 75/379/KEE [6];

    Billi l-Artikolu 106 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni u d-dispożizzjonijiet imsemmija aktar 'il fuq stabbilew li l-Kummissjoni għandha tissottometti lill-Kunsill, mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 1976, rapport, u safejn ikunu meħtieġa proposti approprjati, bil-għan li tinstab soluzzjoni għall-problema ta' dawn id-derogi;

    Billi s-soluzzjonijiet adottati m'għandhomx ikunu tali li jikkompromettu l-istandard sanitarju ġa milħuq u għandhom jassiguraw, kemm jista' jkun possibbli, il-moviment ħieles ta' l-annimali u l-laħam;

    Billi, safejn jikkonċerna l-laħam taċ-ċanga u tal-vitella, ir-riskju tat-tixrid tal-mard huwa innegabbilment anqas milli fil-kummerċ ta' l-annimali ħajjin; billi, barra minn hekk, il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kummerċ tal-laħam taħt id-Direttivi eżistenti huma tali li garanziji speċjali ulterjuri mhumiex meħtieġa;

    Billi, safejn l-annimali ħajjin huma kkonċernati, sistema komuni għall-Istati Membri kollha għandha tiġi introdotta bil-mod il-mod, li tagħmel distinzjoni bejn id-diversi tipi ta' annimali skond il-periklu li jippreżentaw u li tqis il-ħtieġa li tespandi l-kummerċ fuq il-bażi tal-mudelli eżistenti; billi emendi approprjati għandhom isiru għad-Direttiva tal-Kunsill 64/432/KEE tas-26 ta' Ġunju 1964 dwar il-problemi tas-saħħa ta' l-annimali li jeffetwaw il-kummerċ intra-Komunitarju fl-annimali bovini u l-majjali [7], kif emendata bid-Direttiva 75/379/KEE;

    Billi għandu jkun possibbli li l-importazzjoni f'ċerti Stati Membri minn pajjiżi terzi tibqa' kkundizzjonata għall-arranġamenti li huma almenu rigorużi daqs dawk li jeżistu llum f'dawk l-Istati Membri;

    Billi r-Regolamenti tal-Komunità li għandhom x'jaqsmu, partikolarment mal-mard ta' l-ilsien u d-dwiefer u l-marda tal-majjali għandhom jagħmluha possibbli li tinstab soluzzjoni komuni u sħiħa għal dawn il-problemi kollha;

    Billi tkun ħaġa ġġustifikata li kieku kellhom isiru dispożizzjonijiet għal perijodu transizzjonali speċjali għall-Irlanda u r-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq, li jagħmilha possibbli biex il-pajjiżi msemmija li jattwaw l-emendi li jsiru meħtieġa bl-implimentazzjoni tar-Regolamenti tal-Komunità;

    Billi jidher li huwa approprjat, fid-dawl ta' l-esperjenza akkwistata, li jiġi estiż l-użu ta' proċedura mħaffa u effettiva biex tagħmel bidliet tekniċi f'ċerti dispożizzjonijiet jew li twaqqaf regoli għall-implimentazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Mill-1 ta' Jannar 1977, it-test ta' l-Artikolu 13 tad-Direttiva 72/461/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 13

    Sal-31 ta' Diċembru 1982, l-Irlanda u r-Renju Unit għar-rigward ta' l-Irlanda ta' Fuq, għandhom ikunu awtorizzati biex iżommu għall-importazzjoni tal-laħam frisk, ir-regoli nazzjonali tagħhom li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni kontra l-mard ta' l-ilsien u d-dwiefer filwaqt li joqogħdu għad-dispożizzjonijiet generali tat-Trattat.

    Sal-31 ta' Diċembru 1977, id-Danimarka, l-Irlanda u r-Renju Unit għandhom jiġu awtorizzati biex iżommu, għall-importazzjoni tal-laħam frisk, ir-regoli nazzjonali tagħhom li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni kontra d-deni tal-majjali, filwaqt li joqogħdu għad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat."

    Artikolu 2

    L-Artikolu 4a li ġej, għandu jidħol fid-Direttiva 64/432/KEE:

    "L-Artikolu 4a

    Sal-31 ta' Diċembru 1982, fejn tidħol l-importazzjoni minn Stati Membri ta' l-annimali bovini għat-tgħammir, il-ħażna u l-qatla, l-Irlanda u r-Renju Unit għar-rigward ta' l-Irlanda ta' Fuq għandhom jiġu awtorizzati biex iżommu r-regoli nazzjonali tagħhom li għandhom x'jaqsmu mal-protezzjoni kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer filwaqt li joqogħdu għad-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat.

    Il-Kunsill, waqt li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni li għandha titressaq qabel l-1 ta' Lulju 1977, għandu jadotta qabel l-1 ta' Jannar 1978 kwalunkwe emendi li għandhom isiru għall-Annessi A, B u C għad-Direttiva 64/432/KEE jew għal kwalunkwe miżura oħra, inklużi d-dispożizzjonijiet, li għandhom x'jaqsmu mal-kummerċ tradizzjonali bejn l-Irlanda u r-Renju Unit."

    Artikolu 3

    Mill-1 ta' Jannar 1978, l-Artikolu 4b li ġej għandu jidħol fid-Direttiva 64/432/KEE:

    "L-Artikolu 4b

    Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4a, l-Istati Membri li kienu ħielsa mill-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer għal aktar minn sentejn; li ma jipprattikawx it-tilqim skond rutina u li, permezz ta' deroga mill-ħtiġiet ta' din id-Direttiva ma jippermettux fit-territorju tagħhom annimali mlaqqma kontra l-istess marda għal perjodu li għandu jiġi stipulat skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12, jistgħu, sal-31 ta' Diċembru 1982 waqt li joqogħdu għar-regoli ġenerali tat-Trattat, jimponu l-kondizzjonijiet li ġejjin malli jiġu introdotti fit-territorju tagħhom l-annimali għat-tgħammir, il-ħażna u l-qatla:

    A. Meta dawn l-annimali jkunu ġejjin minn Stat Membru li jkun ħieles mill-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer għall-anqas sentejn:

    (1) ma jkunx jagħti tilqim kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer u ma jkunx jippermetti annimali mlaqqma kontra l-istess marda fit-territorju tiegħu, l-annimali għandhom ikunu konformi mal-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tilqima obbligatorja kontra l-marda ta' l-ilsien u d-dwiefer;

    (2) ikun jagħti tilqima kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer u jippermetti l-annimali mlaqqma kontra l-marda msemmija fuq it-territorju tiegħu, l-annimali għandhom ikunu soġġetti għall-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tilqima kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer, li għandhom jiġu mibdula bil-garanziji li ġejjin:

    - l-annimali bovini jridu jkunu għamlu t-test għall-virus ta' l-ilsien u dwiefer li jinvolvi raxkament tal-larinġi u l-farinġi (magħruf bħala "probang test") u jkunu indikaw riżultat negattiv,

    - l-annimali bovini u l-majjali jridu jkunu għamlu test seroloġiku biex jidentifikaw l-antibodies ta' l-ilsien u d-dwiefer u jkunu indikaw riżultat negattiv,

    - l-annimali bovini u l-majjali għandhom ikunu nżammu f'iżolament għal 14-il jum fil-pajjiż li jesporta fl-azjenda mnejn ikunu oriġinaw jew fi stazzjon tal-kwarantina u taħt is-sorveljanza ta' veterinarju uffiċjali,

    bil-patt li:

    (i) ebda annimal fl-azjenda mnejn ikunu oriġinaw jew fl-istazzjon tal-kwarantina (fejn meħtieġ) m'għandu jkun ġie mlaqqam kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer matul perjodu ta' 21 jum qabel l-esportazzjoni u l-ebda annimal minbarra dawk li se jiġu esportati m'għandu jkun inġieb fl-azjenda u fl-istazzjon tal-kwarantina matul dak il-perjodu;

    (ii) meta t-testijiet meħtieġa biex jiġi applikat dan l-Artikolu jsiru fl-azjenda, l-annimali li jkunu ser jiġu esportati jridu jinżammu separati mill-annimali l-oħra sakemm jiġu esportati.

    L-annimali għandhom ikunu soġġetti wkoll għal 21 jum ta' kwarantina fil-pajjiż li jkun jimporta;

    B. meta dawn l-annimali jkunu ġejjin minn Stat Membru li ma jkunx instab ħieles mill-marda ta' l-ilsien u dwiefer għal talanqas sentejn:

    (1) ma jkunx jagħti t-tilqima kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer u ma jkunx jippermetti annimali mlaqqma kontra l-istess marda fit-territorju tiegħu, l-annimali għandhom ikunu soġġetti għall-ħtiġiet ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mat-tilqima kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer, li għandhom jinbidlu bil-garanziji li ġejjin:

    - l-annimali bovini għandhom ikunu għaddew minn test tal-virus ta' l-ilsien u dwiefer li jinvolvi raxkament tal-larinġi u l-farinġi (magħruf bħala "probang test") u jkunu indikaw riżultat negattiv,

    - l-annimali bovini u l-majjali jridu jkunu għaddew minn test seroloġiku għall-identifikazzjoni ta' l-antibodies ta' l-ilsien u d-dwiefer u jridu jkunu indikaw riżultat negattiv,

    - l-annimali bovini u l-majjali jridu jkunu nżammu għal erbatax-il jum fi stazzjon tal-kwarantina fil-pajjiż li jkun jesporta u taħt is-sorveljanza ta' veterinarju uffiċjali,

    bil-patt li:

    (i) ebda annimal fl-azjenda mnejn ikunu oriġinaw jew fl-istazzjon tal-kwarantina (fejn meħtieġ) m'għandu jkun imlaqqam kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer għal perjodu ta' 30 jum qabel ma jiġi esportat u ebda annimal minbarra dawk li jkunu ser jiġu esportati m'għandu jkun iddaħħal fl-azjenda jew fl-istazzjon tal-kwarantina matul dak il-perjodu;

    (ii) meta t-testijiet meħtieġa waqt l-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu jsiru fl-azjenda, l-annimali li jkunu ser jiġu esportati jridu jinżammu separati minn annimali oħra sakemm jiġu esportati.

    L-annimali għandhom ikunu soġġetti wkoll għal 21 jum ta' kwarantina fil-pajjiż tad-destinazzjoni;

    (2) jagħmel it-tilqima kontra l-marda ta' l-ilsien u dwiefer u jippermetti annimali mlaqqma kontra l-istess marda fit-territorju tiegħu, l-annimali għandhom ikunu soġġetti għall-ħtiġiet stabbiliti f'B (1) u xi ħtiġiet addizzjonali li jistgħu jiġu adottati skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 jew 13.

    Il-proċedura taħt l-Artikolu 12 għandha tiġi użata biex tiddetermina r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu, partikolarment ta' liema mill-kategoriji msemmija fl-ewwel sub-paragrafi A jew B l-Istati Membri jkunu u wkoll ir-regoli li jwasslu għall-kategoriji msemmija."

    Artikolu 4

    Is-subparagrafu (b) ta' Artikolu 7 (1) (A) ta' Direttiva 64/432/KEE għandu jitħassar.

    Fl-Artikolu 7 (1) (C) tad-Direttiva 64/432/KEE, id-data "31 ta' Diċembru 1977" għandha tinbidel bil-"31 ta' Diċembru 1979".

    Artikolu 5

    Mill-1 ta' Jannar 1978, l-Artikolu 8 (2) tad-Direttiva 72/462/KEE għandu jiġi kompletat kif ġej:

    "Fil-każ ta' l-annimali għat-tagħmir u l-ħażna l-ħtiġiet ta' dan il-paragrafu jistgħu jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor biex jitqiesu d-dispożizzjonijiet speċjali li l-Istati Membri jgawdu fil-qafas tal-kummerċ intra-Komunitarju."

    Artikolu 6

    Mill-1 ta' Jannar 1978, it-test ta' l-Artikolu 33 ta' Direttiva 72/462/KEE għandu jinbidel b'dan li ġej:

    "L-Artikolu 33

    Meta jkunu qed jiġu applikati l-Artikoli 8 u 16, il-kondizzjonijiet stabbiliti skond il-proċedura ta' l-Artikolu 29 għal oġġetti importati minn ċerti Stati Membri għandhom ikunu rigorużi talanqas daqs dawk li l-Istati Membri japplikaw fil-qafas tal-kummerċ intra-Komunitarju."

    Artikolu 7

    L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva:

    (a) mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1977 fejn għandhom x'jaqsmu d-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 1;

    (b) mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 1978 fejn għandhom x'jaqsmu d-dispożizzjonijiet l-oħra.

    Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwarhom.

    Artikolu 8

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Diċembru 1976.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A.P.L.M.M. van der Stee

    [1] ĠU C 6, 10.1.1977, p. 141.

    [2] L-opinjoni mogħtija fis-27 ta’ Ottubru 1976 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    [3] ĠU L 73, 27.3.1972, p. 14.

    [4] ĠU L 302, 31.12.1972, p. 24.

    [5] ĠU L 302, 31.12.1972, p. 28.

    [6] ĠU L 172, 3.7.1975, p. 17.

    [7] ĠU 121, 29.7.1964, p. 1977/64.

    --------------------------------------------------

    Top