EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22023A0608(01)

TRADUZZJONI Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni dinjija tal-Kummerċ Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd

ST/14558/2022/INIT

ĠU L 148, 8.6.2023, p. 3–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

8.6.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 148/3


TRADUZZJONI

PROTOKOLL li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni dinjija tal-Kummerċ Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd

IL-MEMBRI TAL-ORGANIZZAZZJONI DINJIJA TAL-KUMMERĊ;

WARA LI KKUNSIDRAW id-Deċiżjoni tal-Konferenza Ministerjali WT/MIN(22)/33 – WT/L/1144 adottata skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu X tal-Ftehim ta' Marrakesh li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (“il-Ftehim tad-WTO”);

B'DAN JIFTIEHMU KIF ĠEJ:

1.

L-Anness 1A tal-Ftehim tad-WTO għandu, mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Protokoll skont il-paragrafu 4, jiġi emendat billi jiddaħħal il-Ftehim dwar is-Sussidji għas-Sajd, kif stabbilit fl-Anness ta' dan il-Protokoll, jitpoġġa wara l-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji.

2.

Ma tista’ ssir l-ebda riżerva fir-rigward ta’ xi waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

3.

Dan il-Protokoll huwa miftuħ għall-aċċettazzjoni mill-Membri.

4.

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu X tal-Ftehim tad-WTO (1).

5.

Dan il-Protokoll għandu jiġi ddepożitat għand id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ li minnufih għandu jipprovdi lil kull Membru kopja ċċertifikata tiegħu u notifika ta' kull aċċettazzjoni tiegħu b'konformità mal-paragrafu 3.

6.

Dan il-Protokoll għandu jiġi rreġistrat skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 102 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Magħmul f'Ġinevra, fis-sbatax-il jum ta' Ġunju elfejn u tnejn u għoxrin, f'kopja waħda fil-lingwa Ingliża, Franċiża u Spanjola, b'kull test meqjus awtentiku.

 


(1)  Sabiex jiġu kkalkulati l-aċċettazzjonijiet skont l-Artikolu X.3 tal-Ftehim tad-WTO, l-istrument ta' aċċettazzjoni tal-Unjoni Ewropea għaliha stess u fir-rigward tal-Istati Membri tagħha, għandu jgħodd bħala aċċettazzjoni minn għadd ta' Membri li jkun jikkorrispondi għall-għadd tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li huma Membri fid-WTO.


ANNESS

FTEHIM DWAR IS-SUSSIDJI GĦAS-SAJD

Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan il-Ftehim japplika għas-sussidji, skont it-tifsira tal-Artikolu 1.1 tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri Kumpensatorji (il-Ftehim SCM - Agreement on Subsidies and Countervailing Measures) li huma speċifiċi skont it-tifsira tal-Artikolu 2 ta’ dak il-Ftehim, għas-sajd tal-baħar bil-qbid selvaġġ u l-attivitajiet relatati mas-sajd fuq il-baħar. (1) , (2) , (3)

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim:

(a)

“ħut” tfisser l-ispeċijiet kollha ta’ riżorsi tal-baħar ħajjin, irrispettivament minn jekk ikunux ipproċessati jew le;

(b)

“sajd” tfisser it-tiftix għal, l-attrazzjoni, is-sejbien, il-qbid, it-teħid jew il-ħsad ta’ ħut jew kwalunkwe attività li tista’ raġonevolment tkun mistennija li tirriżulta fl-attrazzjoni, fis-sejbien, fil-qbid, fit-teħid jew fil-ħsad tal-ħut;

(c)

“attivitajiet relatati mas-sajd” tfisser kwalunkwe operazzjoni b’appoġġ jew bi preparazzjoni għas-sajd, inkluż il-ħatt l-art, l-ippakkjar, l-ipproċessar, it-trażbord jew it-trasport tal-ħut li ma nħattx l-art preċedentement f’port, kif ukoll il-forniment ta’ persunal, karburant, irkaptu u provvisti oħrajn fuq il-baħar;

(d)

“bastiment” tfisser kwalunkwe bastiment, vapur ta’ tip ieħor jew dgħajsa li tintuża, jew maħsuba biex tintuża għas-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd;

(e)

“operatur” tfisser is-sid ta’ bastiment, jew kwalunkwe persuna, li hija responsabbli jew tmexxi jew tikkontrolla l-bastiment.

Artikolu 3

Sussidji li jikkontribwixxu għal sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (4)

3.1   L-ebda Membru ma għandu jagħti jew iżomm xi sussidju lil bastiment jew operatur (5) involut f’sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) jew f’attivitajiet relatati mas-sajd b’appoġġ għas-sajd IUU.

3.2   Għall-finijiet tal-Artikolu 3.1, bastiment jew operatur għandu jitqies bħala involut f’sajd IUU jekk issir determinazzjoni affermattiva ta’ dan minn kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin (6) , (7):

(a)

Membru kostali, għal attivitajiet f’żoni taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu; jew

(b)

Stat Membru tal-bandiera, għal attivitajiet minn bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu; jew

(c)

organizzazzjoni jew Arranġament Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO/A) rilevanti, f’konformità mar-regoli u l-proċeduri tal-RFMO/A u l-liġi internazzjonali rilevanti, inkluż permezz tal-għoti ta’ notifika f’waqtha u informazzjoni rilevanti, f’oqsma u għal speċijiet taħt il-kompetenza tagħha.

3.3

(a)

Determinazzjoni affermattiva (8) skont l-Artikolu 3.2 tirreferi għas-sejba finali minn Membru u/jew l-elenkar finali minn RFMO/A li bastiment jew operatur kien involut f’sajd IUU.

(b)

Għall-finijiet tal-Artikolu 3.2(a), il-projbizzjoni skont l-Artikolu 3.1 għandha tapplika fejn id-determinazzjoni mill-Membru kostali tkun ibbażata fuq informazzjoni fattwali rilevanti u l-Membru kostali jkun ipprovda lill-Istat Membru tal-bandiera u, jekk magħruf, lill-Membru li jissussidja, dan li ġej:

(i)

notifika f’waqtha, permezz ta’ mezzi xierqa, li bastiment jew operatur ikun inżamm temporanjament sakemm issir investigazzjoni ulterjuri għall-involviment fi, jew li l-Membru kostali jkun beda investigazzjoni għal sajd IUU inkluża referenza għal kwalunkwe informazzjoni fattwali rilevanti, liġijiet, regolamenti, proċeduri amministrattivi applikabbli, jew miżuri rilevanti oħra;

(ii)

opportunità li tiġi skambjata informazzjoni rilevanti (9) qabel determinazzjoni, sabiex tali informazzjoni tkun tista’ tiġi kkunsidrata fid-determinazzjoni finali. Il-membru kostali jista’ jispeċifika l-mod u l-perjodu ta’ żmien li fih għandu jitwettaq dan l-iskambju ta’ informazzjoni; u

(iii)

notifika tad-determinazzjoni finali, u ta’ kwalunkwe sanzjoni applikata, inkluż, jekk applikabbli, id-durata tagħhom.

Il-Membru kostali għandu jinnotifika determinazzjoni affermattiva lill-Kumitat previst fl-Artikolu 9.1 (imsemmi f’dan il-Ftehim bħala “il-Kumitat”).

3.4   Il-Membru li jissussidja għandu jqis in-natura, il-gravità u r-ripetizzjoni tas-sajd IUU mwettaq minn bastiment jew operatur meta jistabbilixxi t-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni tal-projbizzjoni fl-Artikolu 3.1. Il-projbizzjoni fl-Artikolu 3.1 għandha tapplika mill-inqas sakemm is-sanzjoni (10) li tirriżulta mid-determinazzjoni li tiskatta l-projbizzjoni tibqa’ fis-seħħ, jew mill-inqas sakemm il-bastiment jew l-operatur ikun elenkat minn RFMO/A, skont liema jkun l-itwal.

3.5   Il-Membru li jissussidja għandu jinnotifika l-miżuri meħuda skont l-Artikolu 3.1 lill-Kumitat skont l-Artikolu 8.3.

3.6   Meta Stat Membru tal-port jinnotifika lil Membru li qed jissussidja li għandu raġunijiet ċari biex jemmen li bastiment f’wieħed mill-portijiet tiegħu kien involut f’sajd IUU, il-Membru li qed jissussidja għandu jqis kif xieraq l-informazzjoni li jirċievi u jieħu tali azzjonijiet fir-rigward tas-sussidji tiegħu kif iqis xieraq.

3.7   Kull Membru għandu jkollu fis-seħħ liġijiet, regolamenti u/jew proċeduri amministrattivi biex jiżgura li s-sussidji msemmija fl-Artikolu 3.1, inklużi dawn is-sussidji eżistenti mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, ma jingħatawx jew jinżammu.

3.8   Għal perjodu ta’ sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, is-sussidji mogħtija jew miżmuma minn pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, inklużi l-Membri mill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDC - least-developed country), sa u fiż-żona ekonomika esklussiva (ŻEE) għandhom ikunu eżentati minn azzjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 3.1 u 10 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Sussidji rigward l-istokkijiet mistada żżejjed

4.1   L-ebda Membru ma għandu jagħti jew iżomm sussidji għas-sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd fir-rigward ta’ stokk mistad iżżejjed.

4.2   Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, stokk tal-ħut jiġi mistad iżżejjed jekk jiġi rikonoxxut bħala mistad iżżejjed mill-Membru kostali li taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu jkun qed isir is-sajd jew minn RFMO/A rilevanti f’żoni u għal speċijiet taħt il-kompetenza tiegħu, abbażi tal-aħjar evidenza xjentifika disponibbli għalih.

4.3   Minkejja l-Artikolu 4.1, Membru jista’ jagħti jew iżomm is-sussidji msemmija fl-Artikolu 4.1 jekk tali sussidji jew miżuri oħra jiġu implimentati biex l-istokk jinbena mill-ġdid għal livell bijoloġikament sostenibbli (11).

4.4   Għal perjodu ta’ sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, is-sussidji mogħtija jew miżmuma minn pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, inklużi l-Membri mill-LDC, sa u fiż-ŻEE għandhom ikunu eżentati minn azzjonijiet ibbażati fuq l-Artikoli 3.1 u 10 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 5

Sussidji oħra

5.1   L-ebda Membru ma għandu jagħti jew iżomm sussidji pprovduti għas-sajd jew attivitajiet relatati mas-sajd ’il barra mill-ġurisdizzjoni ta’ Membru kostali jew kostali mhux Membru u barra mill-kompetenza ta’ RFMO/A.

5.2   Membru għandu joqgħod attent b’mod speċjali u jeżerċita trażżin xieraq meta jagħti sussidji lil bastimenti li ma jtajrux il-bandiera ta’ dak il-Membru.

5.3   Membru għandu joqgħod attent b’mod speċjali u jeżerċita kontroll xieraq meta jagħti sussidji għas-sajd jew għal attivitajiet relatati mas-sajd fir-rigward ta’ stokkijiet li l-istatus tagħhom ma jkunx magħruf.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-Membri LDC

Membru għandu jeżerċita trażżin xieraq meta jqajjem kwistjonijiet li jinvolvu Membru LDC u s-soluzzjonijiet esplorati għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika tal-Membru LDC involut, jekk ikun hemm.

Artikolu 7

Assistenza teknika u bini tal-kapaċità

Assistenza teknika mmirata u assistenza għall-bini tal-kapaċità lil pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw, inklużi Membri LDC, għandhom jiġu pprovduti għall-fini tal-implimentazzjoni tad-dixxiplini taħt dan il-Ftehim. B’appoġġ għal din l-assistenza, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu volontarju ta’ finanzjament tad-WTO f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti bħall-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) u l-Fond Internazzjonali għall-Iżvilupp Agrikolu. Il-kontribuzzjonijiet tal-Membri tad-WTO għall-mekkaniżmu għandhom ikunu esklussivament fuq bażi volontarja u m’għandhomx jużaw riżorsi baġitarji regolari.

Artikolu 8

Notifika u trasparenza

8.1   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25 tal-Ftehim SCM u sabiex jissaħħu u jittejbu n-notifiki tas-sussidji għas-sajd, u sabiex tkun tista’ ssir sorveljanza aktar effettiva tal-implimentazzjoni tal-impenji tas-sussidji għas-sajd, kull Membru għandu

(a)

jipprovdi l-informazzjoni li ġejja bħala parti min-notifika regolari tagħha tas-sussidji għas-sajd skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim SCM (12) , (13): it-tip jew it-tip ta’ attività tas-sajd li għaliha jingħata s-sussidju;

(b)

kemm jista’ jkun, jipprovdi l-informazzjoni li ġejja bħala parti min-notifika regolari tagħha tas-sussidji għas-sajd skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim SCM (12) , (13):

(i)

l-istatus tal-istokkijiet tal-ħut fis-sajd li għalih jingħata s-sussidju (eż. mistada żżejjed, mistada b’mod massimu sostenibbli, jew mhux mistada biżżejjed) u l-punti ta’ referenza użati, u jekk tali stokkijiet humiex kondiviżi (14) ma’ kwalunkwe Membru ieħor jew humiex ġestiti minn RFMO/A;

(ii)

miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni fis-seħħ għall-istokk tal-ħut rilevanti;

(iii)

il-kapaċità tal-flotta fis-sajd li għalih huwa pprovdut is-sussidju;

(iv)

l-isem u n-numru ta’ identifikazzjoni tal-bastiment jew bastimenti tas-sajd li jibbenefikaw mis-sussidju; u

(v)

id-data dwar il-qabdiet skont l-ispeċi jew il-grupp ta’ speċijiet fis-sajd li għalih jingħata s-sussidju (15).

8.2   Kull Membru għandu jinnotifika lill-Kumitat bil-miktub fuq bażi annwali dwar lista ta’ bastimenti u operaturi li jkun iddetermina b’mod affermattiv li kienu involuti f’sajd IUU.

8.3   Kull Membru għandu, fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jinforma lill-Kumitat bil-miżuri eżistenti jew meħuda sabiex jiżgura l-implimentazzjoni u l-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim, inklużi l-passi meħuda sabiex jiġu implimentati l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 3, 4 u 5. Kull Membru għandu wkoll jinforma minnufih lill-Kumitat dwar kwalunkwe bidla għal tali miżuri minn hemm ’il quddiem, u miżuri ġodda meħuda biex jiġu implimentati l-projbizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

8.4   Kull Membru għandu, fi żmien sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, jipprovdi lill-Kumitat deskrizzjoni tar-reġim tas-sajd tiegħu b’referenzi għal-liġijiet, ir-regolamenti u l-proċeduri amministrattivi tiegħu rilevanti għal dan il-Ftehim, u jinforma minnufih lill-Kumitat bi kwalunkwe modifika minn hemm ’il quddiem. Membru jista’ jissodisfa dan l-obbligu billi jipprovdi lill-Kumitat link elettroniku aġġornat għall-paġna web tal-Membru jew għal paġna web uffiċjali xierqa oħra li tistabbilixxi din l-informazzjoni.

8.5   Membru jista’ jitlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-Membru notifikanti rigward in-notifiki u l-informazzjoni pprovduti skont dan l-Artikolu. Il-membru notifikanti għandu jwieġeb għal dik it-talba malajr kemm jista’ jkun bil-miktub u b’mod komprensiv. Jekk Membru jqis li ma tkunx ġiet ipprovduta notifika jew informazzjoni skont dan l-Artikolu, il-Membru jista’ jressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni ta’ tali Membru ieħor jew lill-Kumitat.

8.6   Il-Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kumitat bil-miktub, mad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, dwar kwalunkwe RFMO/A li huma partijiet għaliha. Din in-notifika għandha tikkonsisti, mill-inqas, mit-test tal-istrument legali li jistitwixxi l-RFMO/A, iż-żona u l-ispeċi taħt il-kompetenza tagħha, l-informazzjoni dwar l-istatus tal-istokkijiet tal-ħut ġestiti, deskrizzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni tagħha, ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw id-determinazzjonijiet tas-sajd IUU tagħha, u l-listi aġġornati ta’ bastimenti u/jew operaturi li hija ddeterminat li kienu involuti f’sajd IUU. Din in-notifika tista’ tiġi ppreżentata individwalment jew minn grupp ta’ Membri (16). Kull bidla f’din l-informazzjoni għandha minnufih tiġi nnotifikata lill-Kumitat. Is-Segretarjat għall-Kumitat għandu jżomm lista ta’ RFMO/As innotifikati skont dan l-Artikolu.

8.7   Il-Membri jirrikonoxxu li n-notifika ta’ miżura ma tippreġudikax (a) l-istatus legali tagħha skont il-GATT 1994, il-Ftehim SCM, jew dan il-Ftehim; (b) l-effetti tal-miżura skont il-Ftehim SCM; jew (c) in-natura tal-miżura nnifisha.

8.8   Xejn f’dan l-Artikolu ma jeħtieġ l-għoti ta’ informazzjoni kunfidenzjali.

Artikolu 9

Arranġamenti istituzzjonali

9.1   Hawnhekk qed jistabbilixxu Kumitat dwar is-Sussidji għas-Sajd magħmul minn rappreżentanti minn kull wieħed mill-Membri. Il-Kumitat għandu jaħtar il-President tiegħu u m'għandux jiltaqa' inqas minn darbtejn fis-sena kif stipulat fid-dispożizzjonijiet rilevanti ta' dan il-Ftehim fuq talba ta' kwalunkwe Membru. Il-Kumitat għandu jwettaq ir-responsabbiltajiet li jiġu assenjati lilu taħt dan il-Ftehim jew mill-Membri u għandu jippermetti l-opportunità ta' konsultazzjoni lill-Membri rigward kwalunkwe kwistjoni relatata mal-operazzjoni ta’ dan il-Ftehim jew tal-eżekuzzjoni tal-għanijiet tal-istess. Il-WTO għandu jaġġixxi bħala s-segretarju tal-Kumitat.

9.2   Il-Kumitat għandu jeżamina l-informazzjoni kollha pprovduta skont l-Artikoli 3 u 8 u dan l-Artikolu mhux inqas minn kull sentejn.

9.3   Il-Kumitat għandu jirrevedi annwalment l-implimentazzjonijiet u l-operazzjoni ta' dan il-Ftehim, waqt li jikkonsidra l-għanijiet tiegħu. Il-Kumitat għandu jinforma annwalment il-Kunsill għall-Kummerċ tal-Merkanzija dwar kwalunkwe żvilupp waqt il-perjodu kopert minn dawn ir-reviżjonijiet.

9.4   Mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u kull tliet snin minn hemm ’il quddiem, il-Kumitat għandu jirrevedi l-operat ta’ dan il-Ftehim bl-għan li jidentifika l-modifiki kollha meħtieġa biex jittejjeb it-tħaddim ta’ dan il-Ftehim, filwaqt li jitqiesu l-għanijiet tiegħu. Meta approprjat, il-Kumitat jista' jissottometti lill-Kunsill għall-Kummerċ tal-Merkanzija proposti sabiex jiġi emendat it-test ta' dan il-Ftehim wara li tkun ġiet ikkunsidrata fost ħwejjeġ oħra l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tiegħu.

9.5   Il-Kumitat għandu jżomm kuntatt mill-qrib mal-FAO u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti oħra fil-qasam tal-ġestjoni tas-sajd, inklużi l-RFMO/As rilevanti.

Artikolu 10

Soluzzjoni tat-tilwim

10.1   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli XXII u XXIII tal-GATT 1994 kif elaborati u applikati fil-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim (DSU - Dispute Settlement Understanding) għandhom japplikaw għall-konsultazzjonijiet u s-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim, ħlief fejn hemm speċifikament previst mod ieħor fih (17).

10.2   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 tal-Ftehim (18) SCM għandhom japplikaw għall-konsultazzjonijiet u għas-soluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikoli 3, 4 u 5 ta’ dan il-Ftehim.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet finali

11.1   Ħlief kif previst fl-Artikoli 3 u 4, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jipprevjeni Membru milli jagħti sussidju għal għajnuna f’każ ta’ diżastru (19), sakemm is-sussidju jkun:

(a)

limitat għas-sokkors ta’ diżastru partikolari;

(b)

limitata għaż-żona ġeografika affettwata;

(c)

limitata biż-żmien; u

(d)

fil-każ ta’ sussidji għar-rikostruzzjoni, limitati għar-restawr tas-sajd affettwat, u/jew il-flotta affettwata għal-livell tagħha ta’ qabel id-diżastru.

11.2

(a)

Dan il-Ftehim, inkluż kwalunkwe sejba, rakkomandazzjoni, u għotja fir-rigward ta’ dan il-Ftehim, ma għandu jkollu l-ebda implikazzjoni legali fir-rigward ta’ pretensjonijiet territorjali jew delimitazzjoni tal-konfini marittimi.

(b)

Bord stabbilit skont l-Artikolu 10 ta’ dan il-Ftehim ma għandu jagħmel l-ebda sejba fir-rigward ta’ kwalunkwe pretensjoni li tkun teħtieġ li jibbaża s-sejbiet tiegħu fuq kwalunkwe pretensjoni territorjali affermata jew delimitazzjoni tal-konfini marittimi (20).

11.3   Xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jiġi interpretat jew applikat b’mod li jippreġudika l-ġurisdizzjoni, id-drittijiet u l-obbligi tal-Membri, li joħorġu mil-liġi internazzjonali, inkluża l-liġi tal-baħar (21).

11.4   Ħlief kif previst mod ieħor, xejn f’dan il-Ftehim ma għandu jimplika li Membru huwa marbut b’miżuri jew deċiżjonijiet ta’, jew jirrikonoxxi, kwalunkwe RFMO/A li minnu mhuwiex parti jew mhux parti kooperanti.

11.5   Dan il-Ftehim ma jimmodifikax jew ma jannullax kwalunkwe dritt u obbligu kif previst mill-Ftehim SCM.

Artikolu 12

Terminazzjoni tal-Ftehim jekk ma jiġux adottati dixxiplini komprensivi

Jekk ma jiġux adottati dixxiplini komprensivi fi żmien erba’ snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill Ġenerali, dan il-Ftehim jiġi tterminat immedjatament.


(1)  Għal aktar ċertezza, l-akkwakultura u s-sajd fl-ilmijiet interni huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim.

(2)  Għal aktar ċertezza, il-pagamenti minn gvern għal gvern skont il-ftehimiet ta’ aċċess għas-sajd ma għandhomx jitqiesu bħala sussidji skont it-tifsira ta’ dan il-Ftehim.

(3)  Għal aktar ċertezza, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, sussidju għandu jkun attribwibbli lill-Membru li jkun qed jagħtih, irrispettivament mill-bandiera jew mir-reġistru ta’ kwalunkwe bastiment involut jew min-nazzjonalità tar-riċevitur.

(4)  “Sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU)” tirreferi għall-attivitajiet stabbiliti fil-paragrafu 3 tal-Pjan ta’ Azzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni, l-Iskoraġġiment u l-Eliminazzjoni tas-Sajd Illegali, Mhux Rappurtat u Mhux Regolat adottat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-NU (FAO) fl-2001.

(5)  Għall-fini tal-Artikolu 3, it-terminu “operatur” ifisser l-operatur skont it-tifsira tal-Artikolu 2(e) fiż-żmien tal-ksur tas-sajd IUU. Għal aktar ċertezza, il-projbizzjoni fuq l-għoti jew iż-żamma ta’ sussidji lil operaturi involuti f’sajd IUU tapplika għal sussidji pprovduti għas-sajd u għal attivitajiet relatati mas-sajd fuq il-baħar.

(6)  Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat li jobbliga lill-Membri jibdew investigazzjonijiet tas-sajd IUU jew jagħmlu determinazzjonijiet tas-sajd IUU.

(7)  Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat li jaffettwa l-kompetenza tal-entitajiet elenkati skont l-istrumenti internazzjonali rilevanti jew li jagħti drittijiet ġodda lill-entitajiet elenkati meta jagħmlu determinazzjonijiet tas-sajd IUU.

(8)  Xejn f’dan l-Artikolu ma għandu jiġi interpretat li jdewwem, jew jaffettwa l-validità jew l-infurzabbiltà ta’ determinazzjoni tas-sajd IUU.

(9)  Pereżempju, dan jista’ jinkludi opportunità għal djalogu jew għal skambju ta’ informazzjoni bil-miktub jekk mitlub mill-Istat tal-bandiera jew mill-Membru li jissussidja.

(10)  It-terminazzjoni tas-sanzjonijiet hija kif previst skont il-liġijiet jew il-proċeduri tal-awtorità li tkun għamlet id-determinazzjoni msemmija fl-Artikolu 3.2.

(11)  Għall-fini ta’ dan il-paragrafu, livell bijoloġikament sostenibbli huwa l-livell determinat minn Membru kostali li jkollu ġurisdizzjoni fuq iż-żona fejn tkun qed issir l-attività tas-sajd jew relatata mas-sajd, bl-użu ta’ punti ta’ referenza bħar-rendiment massimu sostenibbli (MSY) jew punti ta’ referenza oħra, proporzjonat mad-data disponibbli għas-sajd; jew minn RFMO/A rilevanti f’żoni u għal speċijiet taħt il-kompetenza tagħha.

(12)  Għall-finijiet tal-Artikolu 8.1, il-Membri għandhom jipprovdu din l-informazzjoni flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 25 tal-Ftehim SCM u kif stipulat fi kwalunkwe kwestjonarju użat mill-Kumitat SCM, pereżempju G/SCM/6/Rev.1.

(13)  Għall-membri LDC, u pajjiżi Membri li qed jiżviluppaw b’sehem annwali tal-volum globali tal-produzzjoni tal-qbid tal-baħar li ma jaqbiżx iż-0.8 fil-mija skont id-data tal-FAO ppubblikata l-aktar reċenti kif iċċirkolata mis-Segretarjat tad-WTO, in-notifika tal-informazzjoni addizzjonali f’dan is-subparagrafu tista’ ssir kull erba’ snin.

(14)  It-terminu “stokkijiet kondiviżi” jirreferi għal stokkijiet li jseħħu fiż-ŻEE ta’ żewġ Membri kostali jew aktar, jew it-tnejn li huma fiż-ŻEE u f’żona lil hinn minnha u maġenb dik iż-żona.

(15)  Għas-sajd ta’ diversi speċijiet, Membru minflok jista’ jipprovdi data oħra rilevanti u disponibbli dwar il-qabdiet.

(16)  Dan l-obbligu jista’ jintlaħaq billi tiġi pprovduta link elettronika għall-paġna web tal-Membru norifikanti jew għal paġna web uffiċjali xierqa oħra li tistabbilixxi din l-informazzjoni.

(17)  Is-subparagrafi 1(b) u 1(c) tal-Artikolu XXIII tal-GATT 1994 u l-Artikolu 26 tad-DSU ma għandhomx japplikaw għas-soluzzjoni tat-tilwim skont dan il-Ftehim.

(18)  Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, it-terminu “sussidju pprojbit” fl-Artikolu 4 tal-Ftehim SCM jirreferi għal sussidji soġġetti għal projbizzjoni fl-Artikolu 3, l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5 ta’ dan il-Ftehim.

(19)  Għal aktar ċertezza, din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal kriżijiet ekonomiċi jew finanzjarji.

(20)  Din il-limitazzjoni għandha tapplika wkoll għal arbitru stabbilit skont l-Artikolu 25 tal-Fehim dwar is-Soluzzjoni tat-Tilwim.

(21)  Inklużi r-regoli u l-proċeduri tal-RFMO/As.


Top