Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02010L0043-20220801

    Consolidated text: Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2010/43/2022-08-01

    02010L0043 — MT — 01.08.2022 — 001.001


    Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

    ►B

    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI Nru 2010/43/UE

    tal-1 ta’ Lulju 2010

    li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    (ĠU L 176 10.7.2010, p. 42)

    Emendata bi:

     

     

    Il-Ġurnal Uffiċjali

      Nru

    Paġna

    Data

    ►M1

    DIRETTIVA DELEGATA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1270 tal-21 ta’ April 2021

      L 277

    141

    2.8.2021




    ▼B

    DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI Nru 2010/43/UE

    tal-1 ta’ Lulju 2010

    li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, il-kondotta fin-negozju, l-immaniġġjar tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)



    KAPITOLU I

    SUĠĠETT, AMBITU U DEFINIZZJONIJIET

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistipula r-regoli tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2009/65/KE:

    1. 

    billi tispeċifika l-proċeduri u l-arranġamenti kif imsemmi fil-punt (a) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 12(1), u l-istrutturi u r-rekwiżiti organizzazzjonali biex jiġu mminimizzati l-konflitti ta’ interess kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 12(1);

    2. 

    Billi tistabbilixxi l-kriterji għal kondotta onesta u ġusta u bil-ħila dovuta, l-attenzjoni u d-diliġenza dovuti fl-aħjar interess tal-UCITS kif ukoll il-kriterji għad-determinazzjoni tat-tipi ta’ konflitti ta’ interess billi tispeċifika l-prinċipji meħtieġa biex jiġi żgurat li r-riżorsi jitħaddmu b’mod effiċjenti, tiddefinixxi l-passi li għandhom jittieħdu biex jiġu identifikati, prevenuti, immaniġġjati u divulgati l-konflitti ta’ interess imsemmija fl-Artikolu 14(1) u (2),

    3. 

    fir-rigward tal-partikolaritajiet li jeħtieġu jkunu inklużi fil-ftehimiet bejn id-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali skont l-Artikoli 23(5) u 33(5), u

    4. 

    fir-rigward tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji msemmi fl-Artikolu 51(1), partikolarment il-kriterji għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji użat mill-kumpanija maniġerjali u l-politika u l-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji kif ukoll l-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki għall-kejl u l-immaniġġjar tar-riskji marbuta ma’ dawn il-kriterji.

    Artikolu 2

    Ambitu

    1.  

    Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kumpaniji maniġerjali li jwettqu l-attività tal-immaniġġjar ta’ impriża għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli (UCITS) kif imsemmi fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2009/65/KE.

    Il-Kapitolu V ta’ din id-Direttiva għandu japplika wkoll għad-depożitarji li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV u t-Taqsima 3 tal-Kapitolu V tad-Direttiva 2009/65/KE.

    2.  

    Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Artikolu 12 tal-Kapitolu II u l-Kapitoli III, IV u VI għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-kumpaniji tal-investiment li ma jkunux ħatru kumpanija maniġerjali awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE.

    F’dawk il-każijiet “kumpanija maniġerjali” għandha tinftiehem li hija “kumpanija tal-investiment”.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin flimkien mad-definizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 2009/65/KE:

    1. 

    “klijent” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew legali, jew kwalunkwe impriża oħra inkluża UCITS, li kumpanija maniġerjali tkun qiegħda tipprovdilha servizz tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv jew servizzi skont l-Artikolu 6(3), tad-Direttiva 2009/65/KE;

    2. 

    “titolari ta’ unitajiet” tfisser kwalunkwe persuna naturali jew legali b’unità, jew aktar, f’UCITS;

    3. 

    “persuna rilevanti” b’rabta ma’ kumpanija maniġerjali, tfisser kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    direttur, sieħed jew ekwivalenti, jew maniġer tal-kumpanija maniġerjali;

    (b) 

    impjegat tal-kumpanija maniġerjali, kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra li s-servizzi li tagħti jkunu għad-dispożizzjoni u kkontrollati mill-kumpanija maniġerjali u li tkun involuta fil-provvediment mill-kumpanija maniġerjali tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv;

    (c) 

    persuna fiżika li tkun involuta direttament fil-provvediment ta’ servizzi lill-kumpanija maniġerjali skont arranġament ta’ delega lil partijiet terzi għall-iskop tal-provvediment mill-kumpanija maniġerjali ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv;

    4. 

    “maniġment superjuri” tfisser il-persuna jew il-persuni li fil-fatt twettaq n-negozju ta’ kumpanija maniġerjali skont l-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE;

    5. 

    “bord tad-diretturi” tfisser il-bord tad-diretturi tal-kumpanija maniġerjali;

    6. 

    “funzjoni superviżorja” tfisser il-persuni rilevanti jew korp jew korpijiet responsabbli mis-superviżjoni tal-maniġment superjuri tagħhom u mill-valutazzjoni u l-analiżi perjodika tal-adegwatezza u l-effikaċja tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji u tal-politiki, l-arranġamenti u l-proċeduri li jkunu qegħdin jitħaddmu għall-konformità mal-obbligi skont id-Direttiva 2009/65/KE.

    7. 

    “riskju tal-kontraparti” tfisser ir-riskju ta’ telf għall-UCITS li jirriżulta mill-fatt li kontraparti ta’ tranżazzjoni tista’ tonqos mill-obbligi tagħha qabel is-saldu finali tal-flussi tal-flus tat-tranżazzjoni;

    8. 

    “riskju ta’ likwidità” tfisser ir-riskju li pożizzjoni fil-portafoll tal-UCITS ma tkunx tista’ tinbiegħ, tiġi llikwidata jew tingħalaq b’kost limitat f’qafas ta’ żmien qasir biżżejjed u li b’hekk tiġi kompromessal-kapaċità tal-UCITS li tkun il-ħin kollu konformi mal-Artikolu 84(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

    9. 

    “riskju tas-suq” tfisser ir-riskju ta’ telf għall-UCITS li jirriżulta minn varjazzjoni fil-valur tas-suq tal-pożizzjonijiet fil-portafoll tal-UCITS attribwibbli għal tibdil fil-varjabbli tas-suq, bħalma huma r-rati tal-imgħax, ir-rati tal-kambju, il-prezzijiet tal-ekwità u l-komoditajiet jew l-affidabbiltà tal-kreditu ta’ emittur.

    10. 

    “riskju operazzjonali” tfisser ir-riskju ta’ telf għall-UCITS li jirriżulta minn proċessi interni inadegwati u nuqqasijiet marbuta man-nies u s-sistemi tal-kumpanija maniġerjali jew minħabba avvenimenti esterni, u tinkludi r-riskju legali u dokumentali u r-riskju li jirriżulta mill-proċeduri tan-negozju, is-saldu u l-valwazzjoni mħaddma f’isem il-UCITS.

    ▼M1

    11. 

    “riskju għas-sostenibbiltà” strument finanzjarju li l-objettiv tiegħu huma investimenti sostenibbli kif definiti fl-Artikolu 2(22) tar-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

    12. 

    “fatturi ta’ sostenibbiltà” tfisser fatturi ta’ sostenibbiltà kif definiti fl-Artikolu 2(24) tar-Regolament (UE) 2019/2088.

    ▼B

    It-terminu “bord tad-diretturi” iddefinit fil-punt 5 tal-ewwel paragrafu ma għandux jinkludi l-bord superviżorju meta l-kumpaniji maniġerjali jkollhom struttura doppja, b’bord tad-diretturi u b’bord superviżorju.



    KAPITOLU II

    PROĊEDURI AMMINISTRATTIVI U L-MEKKANIŻMU TA’ KONTROLL

    (l-Artikolu 12(1)(a) u l-Artikolu 14(1)(c) tad-Direttiva 2009/65/KE)



    TAQSIMA 1

    Prinċipji ġenerali

    Artikolu 4

    Rekwiżiti ġenerali dwar il-proċeduri u l-organizzazzjoni

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

    (a) 

    jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u struttura organizzazzjonali li tispeċifika b’mod ċar u ddokumentat il-linji tar-rappurtaġġ u talloka l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet;

    (b) 

    jiżguraw li l-persuni rilevanti tagħhom ikunu jafu bil-proċeduri li għandhom jiġu osservati għall-eżekuzzjoni korretta tar-responsabbiltajiet tagħhom;

    (c) 

    jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu mekkaniżmi kontroll intern adegwati mfassla biex jiżguraw l-konformità mad-deċiżjonijiet u l-proċeduri fil-livelli kollha tal-kumpanija maniġerjali;

    (d) 

    jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu rappurtaġġ intern u komunikazzjoni ta’ informazzjoni effikaċi fil-livelli rilevanti kollha tal-kumpanija maniġerjali kif ukoll iċ-ċirkolazzjoni effikaċi tal-informazzjoni ma’ kwalunkwe parti terza involuta;

    (e) 

    iżommu reġistri adegwati u fl-ordni tan-negozju u l-organizzazzjoni interna tagħhom.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet li jitwettqu matul dak in-negozju.

    ▼M1

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jkunu qed jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu.

    ▼B

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu sistemi u proċeduri li jkunu adegwati għall-ħarsien tas-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, filwaqt li jqisu n-natura tal-informazzjoni inkwistjoni.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika adegwata tal-kontinwità tan-negozju mmirata biex tkun żgurata, fil-każ ta’ interruzzjoni fis-sistemi u l-proċeduri tagħhom, il-preservazzjoni tad-dejta u l-funzjonijiet essenzjali, u ż-żamma tas-servizzi u l-attivitajiet, jew meta dan ma jkunx possibbli, l-irkupru bla telf ta’ żmien ta’ din id-dejta u l-funzjonijiet u l-issoktar mill-ġdid tas-servizzi u l-attivitajiet tagħhom.
    4.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika u l-proċeduri tal-kontabilità li permezz tagħhom ikunu jistgħu, fuq talba tal-awtorità kompetenti, iwasslu puntwalment rapporti finanzjarji lill-awtorità kompetenti li jkunu jirriflettu b’mod ġust il-vera tal-pożizzjoni finanzjarja tagħhom u li jkunu konformi mal-istandards u r-regoli tal-kontabilità kollha applikabbli.
    5.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jimmonitorjaw u, fuq bażi regolari, jevalwaw l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi, il-mekkaniżmi tal-kontrolli interni u l-arranġamenti stabbiliti tagħhom skont il-paragrafi 1 sa 4, u li jieħdu l-miżuri xierqa biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas.

    Artikolu 5

    Riżorsi

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jimpjegaw persunal bil-ħiliet, il-konoxxenza u kompetenza meħtieġa għall-eżekuzzjoni tar-responsabbiltajiet allokati lilhom.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jżommu r-riżorsi u l-kompetenza meħtieġa biex b’hekk jimmonitorjaw b’mod effikaċi l-attivitajiet li jitwettqu minn partijiet terzi abbażi ta’ arranġament mal-kumpanija maniġerjali, speċjalment fir-rigward tal-immaniġġjar tar-riskji assoċjati ma’ dawk l-arranġamenti.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-eżekuzzjoni tad-diversi funzjonijiet mill-persuni rilevanti ma tipprevenix jew ikollha mnejn tippreveni, lil dawk il-persuni rilevanti milli jeżegwixxu xi funzjoni partikolari tajjeb, bl-onestà, u b’professjonalità.
    4.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-iskopijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet imwettqa matul dak in-negozju.

    ▼M1

    5.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li għall-finijiet stabbiliti fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-kumpaniji maniġerjali jżommu r-riżorsi u l-kompetenza meħtieġa għall-integrazzjoni effettiva tar-riskji għas-sostenibbiltà.

    Artikolu 5a

    Obbligu għall-kumpaniji ta’ investiment li jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji ta’ investiment jintegraw ir-riskji għas-sostenibbiltà fl-immaniġġjar tal-UCITS, filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpaniji ta’ investiment.

    ▼B



    TAQSIMA 2

    Proċeduri amministrattivi u tal-kontabilità

    Artikolu 6

    Indirizzar tal-ilmenti

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri effikaċi u trasparenti biex jiġu indirizzati b’mod raġonevoli u fil-pront l-ilmenti li jirċievu mingħand l-investituri.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li kull ilment u l-miżuri li jittieħdu biex jiġi solvut jiġu rreġistrati.
    3.  
    L-investituri għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw l-ilmenti tagħhom mingħajr ħlas. L-informazzjoni rigward il-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-investituri mingħajr ħlas.

    Artikolu 7

    Proċessar ta’ dejta elettronika

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jagħmlu l-arranġamenti xierqa biex ikollhom sistemi elettroniċi adatti biex b’hekk tkun possibbli r-reġistrazzjoni f’waqtha u sewwa ta’ kull tranżazzjoni ta’ portafoll jew ordni ta’ sottoskrizzjoni jew tifdija sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 14 u 15.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw livell għoli ta’ sigurtà matul l-ipproċessar tad-dejta elettronika u wkoll l-integrità u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni rreġistrata, kif xieraq.

    Artikolu 8

    Proċeduri tal-kontabilità

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw l-applikazzjoni ta’ politika u l-proċeduri tal-kontabilità kif imsemmi fl-Artikolu 4(4) biex b’hekk ikun żgurat il-ħarsien tat-titolari ta’ unitjiet.

    Il-kontabilità ta’ UCITS għandha tinżamm b’tali mod li l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha tal-UCITS ikunu jistgħu jiġu identifikati direttament il-ħin kollu.

    Jekk il-UCITS ikollha kompartimenti ta’ investiment differenti, għandhom jinżammu kontijiet separati għal dawk il-kompartimenti ta’ investiment.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jkollhom stabbiliti, jimplimentaw u jżommu politika u proċeduri tal-kontabilità, skont ir-regoli tal-kontabilità tal-Istati Membri ta’ domiċilju tal-UCITS, biex b’hekk ikun żgurat li l-kalkolu tal-valur tal-assi netti ta’ kull UCITS isir bi preċiżjoni, abbażi tal-kontabilità, u li l-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija jiġu eżegwiti kif suppost b’dak il-valur tal-assi netti.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu proċeduri xierqa biex tkun żgurata li l-valwazzjoni korretta u preċiża tal-assi u l-obbligazzjonijiet tal-UCITS, tkun konsistenti mar-regoli applikabbli msemmija fl-Artikolu 85 tad-Direttiva 2009/65/KE.



    TAQSIMA 3

    Mekkaniżmi tal-kontroll intern

    Artikolu 9

    Kontroll mill-maniġment superjuri u l-funzjoni tas-superviżjoni

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali, meta jkunu qegħdin jallokaw il-funzjonijiet interni, jiżguraw li l-maniġment superjuri, u meta ikun il-każ, il-funzjoni tas-superviżjoni, ikunu responsabbli għall-konformità tal-kumpanija maniġerjali mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE.
    2.  

    Il-kumpanija maniġerjali għandha tiżgura li l-maniġment superjuri tagħha:

    (a) 

    ikunu responsabbli mill-implimentazzjoni tal-politika ġenerali tal-investiment għal kull UCITS immaniġġata, kif definit, fejn rilevanti, fil-prospett, fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-kumpanija tal-investiment;

    (b) 

    jissorveljaw l-approvazzjoni tal-istrateġiji tal-investiment għal kull UCITS immaniġġjata;

    (c) 

    ikunu responsabbli biex jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali jkollha funzjoni ta’ konformità permanenti u effikaċi, kif imsemmi fl-Artikolu 10, anke jekk din il-funzjoni titwettaq minn parti terza;

    (d) 

    jiżguraw u jivverifikaw perjodikament li l-politika ġenerali tal-investiment, l-istrateġiji tal-investiment u l-limiti tar-riskji ta’ kull UCITS immaniġġjata jkunu qegħdin jiġu implimentati u osservati kif suppost u b’mod effikaċi, anke jekk il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji titwettaq minn partijiet terzi;

    (e) 

    japprovaw u jirrevedu perjodikament l-adegwatezza tal-proċeduri interni għat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar investiment għal kull mill-UCITS immaniġġjata, sabiex ikun żgurat li dawk id-deċiżjonijiet ikunu konsistenti mal-istrateġiji approvati ta’ investiment;

    (f) 

    japprovaw u jirrevedu perjodikament il-politika u l-arranġamenti tal-immaniġġjar tar-riskji, il-proċessi u t-tekniki għall-implimentazzjoni ta’ dik il-politika, kif imsemmi fl-Artikolu 38, inkluża s-sistema tal-limitu tar-riskju għal kull UCITS immaniġġjata;

    ▼M1

    (g) 

    huwa responsabbli għall-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fl-attivitajiet imsemmija fil-punti (a) sa (f).

    ▼B

    3.  

    Il-kumpanija maniġerjali għandha tiżgura li l-maniġment superjuri tagħha u fejn xieraq, il-funzjoni superviżorja tagħha għandhom:

    (a) 

    aċċess u janaliżaw perjodikament l-effikaċja tal-politiki, l-arranġamenti u l-proċeduri mħaddma għal konformità mal-obbligi tad-Direttiva 2009/65/KE;

    (b) 

    jieħdu miżuri xierqa biex jiġi indirizzat kull nuqqas.

    4.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-maniġment superjuri jirċievi fuq bażi frekwenti, u tal-anqas kull sena, rapporti bil-kitba dwar kwistjonijiet ta’ konformità, awditjar intern u l-immaniġġjar tar-riskji fejn ikun indikat b’mod partikolari jekk ikunux ittieħdu l-miżuri ta’ rimedju xierqa fil-każ ta’ xi nuqqasijiet.
    5.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-maniġment superjuri tagħhom jirċievi fuq bażi regolari rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta’ investiment u l-proċeduri interni għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar investiment imsemmija punt (b) sa (e) tal-paragrafu 2.
    6.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-funzjoni tas-superviżjoni, jekk tkun teżisti, tirċievi fuq bażi regolari rapporti bil-kitba dwar il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4.

    Artikolu 10

    Funzjoni permanenti tal-konformità

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politiki u proċeduri adegwati mfassla biex isir magħruf kwalunkwe riskju ta’ nuqqas min-naħa tal-kumpanija maniġerjali li tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE, u wkoll ir-riskji assoċjati, u jħaddmu miżuri u proċeduri adegwati mfassla biex jimminimizzaw dan ir-riskju u biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod effikaċi skont din id-Direttiva.

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet li jitwettqu matul dak in-negozju.

    2.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jżommu funzjoni ta’ konformità permanenti u effikaċi li topera indipendentement u bir-responsabbiltajiet li ġejjin:

    (a) 

    li timmonitorja u, fuq bażi regolari, tivvaluta l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri, politiki u proċeduri mħaddma skont il-paragrafu 1, u l-azzjonijiet meħuda sabiex jiġu indirizzati kwalunkwe nuqqasijiet fil-konformità tal-kumpanija maniġerjali mal-obbligi tagħha;

    (b) 

    li tagħti pariri u tassisti l-persuni rilevanti responsabbli mit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet għall-konformità mal-obbligi tal-kumpanija maniġerjali skont id-Direttiva 2009/65/KE.

    3.  

    Sabiex il-funzjoni tal-konformità msemmija fil-paragrafu 2 tkun tista’ teżegwixxi r-responsabbiltajiet tagħha kif suppost u indipendentement, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jiżguraw li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    il-funzjoni tal-konformità għandu jkollha l-awtorità, ir-riżorsi, u l-kompetenza meħtieġa u aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha;

    (b) 

    għandu jinħatar uffiċjal tal-konformità u għandu jkun responsabbli mill-funzjoni tal-konformità u minn kwalunkwe rappurtaġġ fuq bażi frekwenti, u tal-anqas kull sena, lill-maniġment superjuri dwar kwistjonijiet ta’ konformità, fejn ikun indikat b’mod partikolari jekk ikunux ittieħdu l-miżuri ta’ rimedju xierqa fil-każ ta’ xi nuqqasijiet;

    (c) 

    il-persuni rilevanti involuti fil-funzjoni tal-konformità m’għandhomx ikunu involuti fit-twettiq tas-servizzi jew l-attivitajiet li jkunu qegħdin jimmonitorjaw;

    (d) 

    il-metodu kif tiġi ddeterminata r-remunerazzjoni tal-persuni rilevanti involuti fil-funzjoni tal-konformità m’għandux jikkomprometti l-oġġettività tagħhom jew ikollu mnejn jagħmel hekk.

    Madanakollu, kumpanija maniġerjali ma tkunx meħtieġa tikkonforma mal-punt (c) jew il-punt (d) tal-ewwel sottoparagrafu jekk tkun tista’ turi li minħabba n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet tagħha, dak ir-rekwiżit mhuwiex proporzjonat u li l-funzjoni ta’ konformità tagħha tibqa’ waħda effikaċi.

    Artikolu 11

    Uffiċċju permanenti tal-awditjar intern

    1.  
    Fejn xieraq u proporzjonat, u fid-dawl tan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħhom u n-natura u l-firxa tal-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv imwettqa matul dak in-negozju, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jżommu uffiċċju ta’ awditjar intern li tkun separata u indipendenti mill-funzjonijiet u l-attivitajiet l-oħra tal-kumpanija maniġerjali.
    2.  

    L-uffiċċju tal-awditjar intern imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:

    (a) 

    li jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm pjan tal-awditjar biex jiġu eżaminati u evalwati l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi, il-mekkaniżmi tal-kontroll intern u l-arranġamenti tal-kumpanija maniġerjali;

    (b) 

    li joħroġ b’rakkomandazzjonijiet abbażi tar-riżultat tal-ħidma li tkun twettqet skont il-punt (a);

    (c) 

    li jivverifika l-konformità mar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-punt (b);

    (d) 

    li jirrapporta dwar kwistjonijiet ta’ awditjar intern skont l-Artikolu 9(4).

    Artikolu 12

    Funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jżommu funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji.
    2.  

    Il-funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun ġerarkikament u funzjonalment indipendenti mit-taqsimiet operattivi.

    Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu jħallu lill-kumpaniji maniġerjali jidderogaw minn dak l-obbligu meta d-deroga tkun xierqa u proporzjonata fid-dawl tan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpanija maniġerjali u tal-UCITS li timmaniġġja.

    Kumpanija maniġerjali għandha tkun kapaċi turi li ġew adottati prekawzjonijiet xierqa kontra l-konflitti ta’ interess biex b’hekk ikunu jistgħu jitwettqu l-attivitajiet indipendenti tal-immaniġġjar tar-riskji kif ukoll li l-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji tagħha jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 51 tad-Direttiva 2009/65/KE.

    3.  

    Funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji għandha:

    (a) 

    timplimenta l-politika u l-proċeduri tal-immaniġġjar tar-riskji;

    (b) 

    tiżgura l-konformità mas-sistema tal-limitu tar-riskji tal-UCITS, inklużi l-limiti statutorji dwar l-iskopertura globali u r-riskju tal-kontraparti skont l-Artikoli 41, 42 u 43;

    (c) 

    tipprovdi konsulenza lill-bord tad-diretturi dwar l-identifikazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ kull UCITS immaniġġjata;

    (d) 

    tipprovdi rapporti regolari lill-bord tad-diretturi u fejn teżisti lill-funzjoni tas-superviżjoni, dwar:

    (i) 

    il-konsistenza bejn il-livelli attwali tar-riskju li tkun soġġetta għalihom kull UCITS immaniġġjata u l-profil tar-riskju miftiehem għal dik il-UCITS;

    (ii) 

    il-konformità ta’ kull UCITS immaniġġjata mas-sistemi tal-limiti tar-riskji rilevanti;

    (iii) 

    l-adegwatezza u l-effikaċja tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji, fejn ikun indikat b’mod partikolari jekk ittiħdux l-miżuri ta’ rimedju xierqa fil-każ ta’ xi defiċenzi;

    (e) 

    tipprovdi rapporti regolari lill-maniġment superjuri li jispjegaw il-livell attwali tar-riskju li tkun soġġetta għalih kull UCITS immaniġġjata u kwalunkwe ksur fattwali jew prevedibbli tal-limiti tagħhom, biex b’hekk ikun żgurat li tkun tista’ tittieħed azzjoni passi fil-pront u xierqa;

    (f) 

    tanalizza u tgħin, fejn xieraq, lill-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni tad-derivati OTC kif imsemmi fl-Artikolu 44.

    4.  
    Il-funzjoni permanenti tal-immaniġġjar tar-riskji għandu jkollha l-awtorità meħtieġa u l-aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti stipulati fil-paragrafu 3.

    Artikolu 13

    Tranżazzjonijiet personali

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu arranġamenti adegwati mmirati biex jipprevjenu l-attivitajiet segwenti fil-każ ta’ xi persuna rilevanti li tkun involuta f’attivitajiet li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess, jew li jkollha aċċess għal informazzjoni privileġġata skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2003/6/KE jew għal kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali oħra relatata mal-UCITS jew ma’ tranżazzjonijiet ma’ jew għall-UCITS minħabba attività imwettqa minnha f’isem il-kumpanija maniġerjali:

    (a) 

    l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni personali li tissodisfa tal-anqas waħda mill-kriterji li ġejjin:

    (i) 

    dik il-persuna tkun ipprojbita milli teżegwixxi dik it-tranżazzjoni personali skont t-tifsira tad-Direttiva 2003/6/KE;

    (ii) 

    tinvolvi l-abbuż jew divulgazzjoni skorretta ta’ informazzjoni kunfidenzjali;

    (iii) 

    tmur kontra jew potenzjalment tmur kontra xi obbligu tal-kumpanija maniġerjali skont id-Direttiva 2009/65/KE jew skont id-Direttiva 2004/39/KE;

    (b) 

    is-solleċitar jew l-inkarigar, għajr għall-qadi normali tal-impjieg tagħha jew skont il-kuntratt ta’ servizz, ta’ xi persuna oħra biex teżegwixxi tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji li, jekk tkun tranżazzjoni personali tal-persuna rilevanti, tkun taqa’ taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jew il-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2006/73/KE, jew inkella tkun tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni relatata ma’ ordnijiet pendenti;

    (c) 

    divulgar, għajr għall-qadi normali tal-impjieg tagħha jew skont il-kuntratt ta’ servizz tagħha u mingħajr ħsara għall-Artikolu 3(a) tad-Direttiva 2003/6/KE, ta’ kwalunkwe informazzjoni jew opinjoni lil kwalunkwe persuna oħra jekk il-persuna rilevanti tkun taf, jew raġonevolment imissha tkun taf, li b’riżultat ta’ dik id-divulgazzjoni dik il-persuna l-oħra se tieħu jew x’aktarx li tieħu xi wieħed minn dawn il-passi li ġejjin:

    (i) 

    teżegwixxi tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji li, jekk tkun tranżazzjoni personali tal-persuna rilevanti, tkun taqa’ taħt il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu jew il-punti (a) jew (b) tal-Artikolu 25(2) tad-Direttiva 2006/73/KE, jew inkella tkun tikkostitwixxi abbuż minn informazzjoni relatata ma’ ordnijiet pendenti;

    (ii) 

    tissolleċita jew tinkariga persuna oħra biex teżegwixxi din it-tranżazzjoni.

    2.  

    L-arranġamenti meħtieġa skont il-paragrafu 1 għandhom b’mod partikolari jkunu mfassla biex jiżguraw li:

    (a) 

    kull persuna rilevanti li taqa’ taħt il-paragrafu 1 tkun taf dwar ir-restrizzjonijiet fuq tranżazzjonijiet personali, u tal-miżuri stabbiliti mill-kumpanija maniġerjali b’rabta mat-tranżazzjonijiet personali u d-divulgazzjoni, skont il-paragrafu 1;

    (b) 

    il-kumpanija maniġerjali tkun mgħarrfa fil-pront b’kull tranżazzjoni personali eżegwita minn persuna rilevanti, jew b’notifika ta’ dik it-tranżazzjoni jew permezz ta’ proċeduri oħra biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tidentifika dawn it-tranżazzjonijiet;

    (c) 

    tinżamm reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni personali nnotifikata lill-kumpanija maniġerjali jew identifikata minnha, inkluża kull awtorizzazzjoni jew projbizzjoni b’rabta ma’ din it-tranżazzjoni.

    Għall-iskopijiet tal-punt (b) tal-ewwell sottoparagrafu, fejn ċertu attivitajiet jitwettqu minn partijiet terzi, il-kumpanija maniġerjali għandha tiżgura li l-entità li twettaq l-attività żżomm rekord tat-tranżazzjonijiet personali eżegwiti minn kwalunkwe persuna rilevanti u tipprovdi dik l-informazzjoni lill-kumpanija maniġerjali fil-pront meta tintalab.

    3.  

    Il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx japplikaw għat-tip ta’ tranżazzjonijiet personali li ġejjin:

    (a) 

    tranżazzjonijiet personali eżegwiti bħala servizz ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll diskrezzjonali fejn ma jkun hemm ebda komunikazzjoni minn qabel b’rabta mat-tranżazzjoni bejn il-maniġer tal-portafoll u l-persuna rilevanti jew persuna oħra li f’isimha hija eżegwita t-tranżazzjoni;

    (b) 

    tranżazzjonijiet personali f’UCITS jew f’unitjiet f’impriżi kollettivi li jkunu soġġetti għal superviżjoni skont il-liġi ta’ Stat Membru li titlob livell ekwivalenti ta’ tifrix tar-riskji fl-assi tagħhom, fejn il-persuna rilevanti u kwalunkwe persuna oħra li f’isimha jiġu attwati t-tranżazzjonijiet ma jkunux involuti fil-immaniġġjar ta’ dik l-impriża.

    4.  
    Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu “tranżazzjoni personali” għandu jkollha l-istess tifsira bħal fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/73/KE.

    Artikolu 14

    Reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ portafolji

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw, għal kull tranżazzjoni ta’ portafoll relatata mal-UCITS, li immedjatament tinħoloq reġistrazzjoni ta’ informazzjoni li tkun biżżejjed biex jiġu rrikostruwiti d-dettalji tal-ordni u tat-tranżazzjoni eżegwiti.
    2.  

    Ir-reġistrazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

    (a) 

    l-isem jew deżinjazzjoni oħra tal-UCITS u tal-persuna li tkun qiegħda taġixxi f’isem il-UCITS;

    (b) 

    id-dettalji meħtieġa biex jiġi identifikat l-istrument involut;

    (c) 

    il-kwantità;

    (d) 

    it-tip tal-ordni jew tranżazzjoni;

    (e) 

    il-prezz;

    (f) 

    għal ordnijiet, id-data u l-ħin preċiż tat-trażmissjoni tal-ordni u l-isem jew deżinjazzjoni oħra tal-persuna li tkun ġiet trażmessa lilha l-ordni, jew għal tranżazzjonijiet, id-data u l-ħin preċiż tad-deċiżjoni biex isir in-negozju u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni;

    (g) 

    l-isem tal-persuna li tittrażmetti l-ordni jew li teżegwixxi t-tranżazzjoni;

    (h) 

    fejn applikabbli, ir-raġunijiet għar-revoka ta’ ordni;

    (i) 

    għal tranżazzjonijiet eżegwiti, l-identifikazzjoni tal-kontraparti u l-post tal-eżekuzzjoni.

    Għall-iskopijiet tal-punt (i) tal-ewwel sottoparagrafu, “post tal-eżekuzzjoni” għandha tfisser suq regolat kif imsemmi fl-Artikolu 4 (14) tad-Direttiva 2004/39/KE, faċilità ta’ negozju multilaterali kif imsemmi fl-Artikolu 4 (15) ta’ dik id-Direttiva, internalizzatur sistematiku kif imsemmi fl-Artikolu 4 (7) ta’ dik id-Direttiva, jew kostruttur tas-suq jew fornitur ieħor tal-likwidità jew korp li jwettaq funzjoni simili, f’pajjiż terz, għall-funzjonijiet imwettqa minn xi wieħed minn dawn imsemmija.

    Artikolu 15

    Reġistrazzjoni tal-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-miżuri raġonevoli kollha biex jiżguraw li s-sottoskrizzjonijiet u tifdijiet tal-UCITS li jirċievu jiġu ċċentralizzati u rreġistrati immedjatament wara li wasla kwalunkwe ordni bħal din.
    2.  

    Ir-reġistrazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:

    (a) 

    l-UCITS rilevanti;

    (b) 

    il-persuna li tagħti jew tittrażmetti l-ordni;

    (c) 

    il-persuna li tirċievi l-ordni;

    (d) 

    id-data u l-ħin tal-ordni;

    (e) 

    it-termini u l-mezzi tal-ħlas;

    (f) 

    it-tip tal-ordni;

    (g) 

    id-data tal-eżekuzzjoni tal-ordni;

    (h) 

    l-għadd ta’ unitajiet sottoskritti jew mifdija;

    (i) 

    il-prezz tas-sottoskrizzjoni jew tifdija għal kull unità;

    (j) 

    il-valur totali tas-sottoskrizzjoni jew tifdija tal-unitajiet;

    (k) 

    il-valur gross tal-ordni li jkun jinkludi l-imposti għas-sottoskrizzjoni jew l-ammont nett wara l-imposti għat-tifdija.

    Artikolu 16

    Rekwiżiti ta’ żamma tar-reġistri

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw iż-żamma tar-reġistri imsemmija fl-Artikoli 14 u 15 għal perjodu ta’ tal-anqas ħames snin.

    Madanakollu, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jibqgħu jżommu xi wħud minn dawk ir-reġistri, jew kollha kemm huma, għal dak il-perjodu itwal iddeterminat min-natura tal-istrument jew it-tranżazzjoni tal-portafoll, meta jkun meħtieġ biex l-awtorità tkun tista’ teżerċita l-funzjonijiet tas-superviżjoni tagħha skont id-Direttiva 2009/65/KE.

    2.  

    Wara li tiġi fi tmiemha l-awtorizzazzjoni ta’ kumpanija maniġerjali, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżiġu li l-kumpanija maniġerjali tibqa’ żżomm ir-reġistri msemmija fil-paragrafu 1 sa ma jispiċċa t-terminu ta’ perjodu ta’ ħames snin.

    Meta l-kumpanija maniġerjali tittrasferixxi r-responsabbiltajiet tagħha marbuta mal-UCITS lil kumpanija maniġerjali oħra, l-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jeżiġu li jsiru l-arranġamenti li dawk ir-reġistri tal-aħħar ħames snin ikunu aċċessibbli għal dik il-kumpanija.

    3.  

    Ir-reġistri għandhom jibqgħu jinżammu f’mezz li jippermetti l-ħażna tal-informazzjoni b’mod aċċessibbli għal referenza fil-futur mill-awtorità kompetenti, u b’tali forma u manjiera li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    l-awtorità kompetenti għandha tkun tista’ taċċessahom malajr u tirrikostruwixxi kull wieħed mill-istadji ewlenin tal-ipproċessar ta’ kull tranżazzjoni tal-portafoll;

    (b) 

    għandu jkun possibbli li kull korrezzjoni jew emendi oħra, u l-kontenut tar-reġistri qabel dawn il-korrezzjonijiet jew l-emendi, tkun tista’ tiġi aċċertata faċilment;

    (c) 

    ir-reġistri m’għandhomx ikunu jistgħu jiġu mmanipulati jew alterati mod ieħor.



    KAPITOLU III

    KONFLITT TA’ INTERESS

    (l-Artikolu 12(1)(b) u l-Artikolu 14(1)(d) u (2)(c) tad-Direttiva 2009/65/KE)

    Artikolu 17

    Kriterji għall-identifikazzjoni ta’ konflitt ta’ interess

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, għall-iskopijiet ta’ identifikazzjoni tat-tipi ta’ konflitt ta’ interess li jirriżultaw matul il-provvista tas-servizzi u l-attivitajiet u li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interess tal-UCITS, il-kumpaniji maniġerjali jqisu, permezz ta’ kriterji minimi, il-kwistjoni jekk il-kumpanija maniġerjali jew persuna rilevanti, jew persuna direttament jew indirettament relatata permezz ta’ kontroll mal-kumpanija maniġerjali, tkunx f’xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin, sew jekk b’riżultat tal-provvista tal-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv jew mod ieħor:

    (a) 

    il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha mnejn tagħmel qligħ finanzjarju, jew li tevita telf finanzjarju, aspejjeż tal-UCITS;

    (b) 

    il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha interess fl-eżitu tas-servizz jew attività pprovduta lill-UCITS jew klijent ieħor jew ta’ tranżazzjoni mwettqa f’isem il-UCITS jew klijent ieħor, differenti mill-interess tal-UCIT f’dak l-eżitu;

    (c) 

    il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna jkollha inċentiv finanzjarju jew ta’ natura oħra biex tiffavorixxi l-interess ta’ klijent jew grupp ta’ klijenti ieħor qabel l-interess tal-UCITS;

    (d) 

    il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna twettaq l-istess attivitajiet għal-UCITS u għal klijent jew klijenti oħra li mhumiex UCITS;

    (e) 

    il-kumpanija maniġerjali jew dik il-persuna tkun qiegħda tiġi jew tkun sa tiġi mħajra minn persuna oħra barra l-UCITS fir-rigward tal-attivitajiet tal-immaniġġjar tal-portafoll kollettiv ipprovdut lill-UCITS, fl-għamla ta’ flus, oġġetti jew servizzi, għajr il-kummissjoni jew it-tariffa standard għal dak is-servizz.

    2.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-kumpaniji maniġerjali li waqt l-identifikazzjoni tat-tipi ta’ konflitt ta’ interess iqisu:

    (a) 

    l-interess tal-kumpanija maniġerjali, inkluż dak li ġej mill-appartenenza tagħha fi grupp jew mit-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet, l-interess tal-klijenti u d-dover tal-kumpanija maniġerjali lejn il-UCITS;

    (b) 

    l-interessi ta’ żewġ UCITS immaniġġjati jew aktar.

    ▼M1

    3.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta l-kumpaniji maniġerjali jidentifikaw it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess, li l-eżistenza tagħhom tista’ tagħmel ħsara lill-interessi ta’ UCITS, dawn għandhom jinkludu dawk it-tipi ta’ kunflitti ta’ interess li jistgħu jinħolqu bħala riżultat tal-integrazzjoni tar-riskji għas-sostenibbiltà fil-proċessi, is-sistemi u l-kontrolli interni tagħhom.

    ▼B

    Artikolu 18

    Politika tal-konflitt ta’ interess

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika effikaċi tal-konflitt ta’ interess. Dik il-politika għandha tkun stipulati bil-miktub u għandha tkun xierqa għad-daqs u l-organizzazzjoni tal-kumpanija maniġerjali u n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħha.

    Fejn il-kumpanija maniġerjali tkun membru ta’ grupp, il-politika għandha tqis ukoll kwalunkwe ċirkostanza, li dwarha l-kumpanija hija jew għandha tkun konxja u li tista’ tagħti lok għal konflitt ta’ interess li jirriżulta mill-istruttura u l-attivitajiet tan-negozju ta’ membri oħra fil-grupp.

    2.  

    Il-politika tal-konflitt ta’ interess stabbilita skont il-paragrafu 1 għandha tinkludi dan li ġej:

    (a) 

    l-identifikazzjoni ta’, b’referenza għall-attivitajiet tal-immaniġġjar kollettiv ta’ portafolji mwettqa minn kumpanija maniġerjali jew f’isimha, iċ-ċirkostanzi li jikkostitwixxu jew li jistgħu jagħtu lok għal konflitt ta’ interess li jkun jimplika riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi tal-UCITS jew ta’ xi klijent wieħed jew aktar;

    (b) 

    il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex dawn il-konflitti jkunu mmaniġġjati.

    Artikolu 19

    Indipendenza fl-immaniġġjar tal-konflitti

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri u l-miżuri previsti fl-Artikolu 18(2)(b) ikunu mfassla biex jiżguraw li l-persuni rilevanti involuti f’attivitajiet differenti ta’ negozju li jkunu jinvolvu konflitt ta’ interess iwettqu dawk l-attivitajiet b’livell ta’ indipendenza xierqa għad-daqs u l-attivitajiet tal-kumpanija maniġerjali u tal-grupp li jkun jappartjenu fih u għall-materjalità tar-riskju ta’ ħsara għall-interessi tal-klijenti.
    2.  

    Il-proċeduri li għandhom ikunu segwiti u l-miżuri li għandhom jiġu adottati skont l-Artikolu 18(2)(b) għandhom jinkludu dan li ġej fejn meħtieġ u xieraq għall-kumpanija maniġerjali biex ikun żgurat il-livell mitlub ta’ indipendenza:

    (a) 

    proċeduri effettivi għall-prevenzjoni jew il-kontroll tal-iskambju tal-informazzjoni bejn persuni rilevanti involuti fl-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv u li jkun jinvolvi riskju ta’ konflitt ta’ interess fejn l-iskambju ta’ dik l-informazzjoni jista’ jkun ta’ dannu għall-interessi ta’ xi klijent jew klijenti;

    (b) 

    is-superviżjoni separata ta’ persuni rilevanti li l-funzjonijiet prinċipali tagħhom ikunu jinvolvu t-twettiq ta’ attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv f’isem, jew li jagħtu servizz lil klijenti jew investituri li l-interessi tagħhom jistgħu jkunu konfliġġenti, jew li b’xi mod ieħor ikunu jirrappreżentaw interessi differenti li jistgħu jkunu konfliġġenti, inklużi dawk tal-kumpanija maniġerjali;

    (c) 

    it-tneħħija ta’ kull rabta diretta bejn ir-rimunerazzjoni ta’ persuni rilevanti li involuti prinċipalment f’attività u r-rimunerazzjoni ta’, jew id-dħul iġġenerat minn, persuni rilevanti differenti involuti prinċipalment f’attività oħra, fejn jista’ jinħoloq konflitt ta’ interess marbut ma’ dawk l-attivitajiet;

    (d) 

    miżuri biex kwalunkwe persuna tkun ipprevenuta jew limitata milli teżerċita xi influwenza mhux xierqa fuq il-mod ta’ kif persuna rilevanti twettaq l-attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv;

    (e) 

    miżuri ta’ prevenzjoni jew kontroll tal-involviment simultanju jew sekwenzjali ta’ persuna rilevanti f’attivitajiet separati ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv fejn dan l-involviment jista’ jdgħajjef l-immaniġġjar tajjeb tal-konflitti ta’ interess.

    Meta l-adozzjoni jew il-prattika ta’ waħda jew aktar minn dawk il-miżuri u proċeduri ma tiżgurax il-livell mitlub ta’ indipendenza, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jadottaw dawk il-miżuri u proċeduri alternattivi jew addizzjonali kif ikun meħtieġ u xieraq għal dawk l-iskopijiet.

    Artikolu 20

    Immaniġġjar ta’ attivitajiet li jagħtu lok għal konflitt ta’ interess detrimentali

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jżommu u jaġġornaw regolarment reġistru tat-tip ta’ attivitajiet tal-immaniġġjar ta’ portafoll kollettiv imwettqa minn jew f’isem il-kumpanija maniġerjali fejn ikun inħoloq konflitt ta’ interess li jkun jimplika riskju materjali ta’ ħsara għall-interessi ta’ xi UCITS jew aktar jew klijenti oħrajn, jew fejn jista’ jinħoloq dan f’każ li l-attivitajiet ta’ mmaniġġjar ta’ portafoll kollettiv ikunu għadhom fis-seħħ.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li, fejn l-arranġamenti organizzazzjonali jew amministrattivi li tkun għamlet il-kumpanija maniġerjali għall-immaniġġjar ta’ konflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex ikun żgurat, b’kunfidenza raġonevoli, li r-riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-UCITS jew għat-titolari ta’unitjiet tagħha jkunu pprevenuti, il-maniġment superjuri jew korp intern kompetenti ieħor tal-kumpanija maniġerjali jiġi mgħarraf fil-pront sabiex jieħu kwalunkwe deċiżjoni meħtieġa biex jiżgura li jkun xi jkun il-każ il-kumpanija maniġerjali taġixxi fl-aħjar interessi tal-UCITS u tat-titolari ta’ unitjiet tagħha.
    3.  
    Il-kumpanija maniġerjali għandha tirrapporta għand l-investituri s-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 permezz ta’ xi mezz xieraq u li jibqa’ u tispjega d-deċiżjoni tagħha.

    Artikolu 21

    Strateġiji għall-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżviluppaw strateġiji adegwati u effikaċi biex jiddeterminaw meta u kif għandhom jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-vot marbuta mal-istrumenti li jinsabu fil-portafolji mmaniġġjati, għall-benefiċċju esklużiv tal-UCITS konċernata.
    2.  

    Fl-istrateġija msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddetermina l-miżuri u l-proċeduri għal:

    (a) 

    l-monitoraġġ tal-avvenimenti korporattivi rilevanti;

    (b) 

    l-iżgurar li l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot ikun skont l-għanijiet tal-investiment u l-politika tal-UCITS rilevanti;

    (c) 

    l-prevenzjoni jew immaniġġjar ta’ kwalunkwe konflitt ta’ interess li jirriżulta mill-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot.

    3.  

    Deskrizzjoni fil-qosor tal-istrateġiji msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli għall-investituri.

    Id-dettalji tal-azzjonijiet meħuda abbażi ta’ dawn l-istrateġiji għandhom ikunu disponibbli għat-titolari ta’ unitjiet mingħajr ħlas u fuq talba tagħhom.



    KAPITOLU IV

    REGOLI TAL-KONDOTTA

    (l-Artikolu 14(1)(a), (b) u (2)(a), (b) tad-Directtiva 2009/65/KE)



    TAQSIMA 1

    Prinċipji ġenerali

    Artikolu 22

    Dmir li wieħed jaġixxi fl-aħjar interessi tal-UCITS u tat-titolari ta’ unitjiet tagħhom

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li t-titolari ta’ unitjiet fl-UCITS immaniġġjati jiġu ttrattati b’mod ġust.

    Il-kumpaniji maniġerjali ma għandhomx iqiegħdu l-interess ta’ xi grupp ta’ titolari ta’ unitjiet qabel l-interessi ta’ xi grupp ieħor ta’ titolari ta’ unitjiet.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw politika u proċeduri xierqa għall-prevenzjoni ta’ prattiki ħżiena li bir-raġun wieħed jista’ jistenna li jaffettwaw l-istabbiltà u l-integrità tas-suq.
    3.  
    Mingħajr ħsara għar-rekwiżiti skont il-liġi nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li jintużaw mudelli ġusti, korretti u trasparenti għall-ipprezzar u għas-sistemi ta’ valwazzjoni tal-UCITS li jimmaniġġjaw, sabiex ikunu konformi mad-dmir li jaġixxu fl-aħjar interess tat- titolari ta’ unitjiet. Il-kumpaniji maniġerjali jridu jkunu kapaċi juru li l-portafolji tal-UCITS ikunu ġew ivvalutati b’mod preċiż.
    4.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu b’tali mod li jipprevjenu li jiġu imposti spejjeż bla ħtieġa fuq il-UCITS u t-titolari ta’ unitjiet tagħha.

    Artikolu 23

    Rekwiżiti ta’ diliġenza xierqa

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw livell għoli ta’ diliġenza fl-għażla u l-monitoraġġ fis-seħħ tal-investimenti, fl-aħjar interessi tal-UCITS u l-integrità tas-suq.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li jkollhom għarfien u fehim adegwati tal-assi li fihom ikunu investiti l-UCITS.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu politika u proċeduri bil-miktub dwar diliġenza xierqa u jimplimentaw arranġamenti effikaċi biex ikun żgurat li d-deċiżjonijiet dwar investiment f’isem il-UCITS jiġu implimentati f’konformità mal-għanijiet, l-istrateġija tal-investiment u l-limiti tar-riskji tal-UCITS.
    4.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li meta l-kumpaniji maniġerjali jimplimentaw il-politika tagħhom tal-immaniġġjar tar-riskji, u fejn xieraq wara li jqisu n-natura ta’ investiment previst, jifformulaw previżjonijiet u jwettqu analiżi tal-kontribut tal-investiment fil-kompożizzjoni tal-portafoll tal-UCITS, il-likwidità u profil tar-riskji u l-gwadanji qabel ma jwettqu l-investiment. L-analiżi jridu jitwettqu biss abbażi ta’ informazzjoni affidabbli u aġġornata, kemm f’termini kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi.

    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jeżerċitaw il-ħila dovuta, l-attenzjoni u d-diliġenza xierqa meta jidħlu fi, jimmaniġġjaw jew jitterminaw kwalunkwe arranġament ma’ partijiet terzi b’rabta mat-twettiq ta’ attivitajiet tal-immaniġġjar tar-riskji. Qabel ma jidħlu f’dawn l-arranġamenti l-kumpaniji maniġerjali għandhom jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jiġi vverifikat li l-parti terza għandha l-abbiltà u l-kapaċità li twettaq l-attivitajiet tal-immaniġġjar tar-riskji b’mod affidabbli, professjonali u effikaċi. Il-kumpanija maniġerjali għandha tistabbilixxi metodi għall-valutazzjoni kontinwa tal-istandard tal-prestazzjoni tal-parti terza.

    ▼M1

    5.  
    L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-kumpaniji maniġerjali jqisu r-riskji għas-sostenibbiltà meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4.
    6.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kumpaniji maniġerjali, jew, fejn applikabbli, il-kumpaniji ta’ investiment iqisu dawn l-impatti prinċipali avversi tad-deċiżjonijiet ta’ investiment fuq fatturi ta’ sostenibbiltà kif deskritt fl-Artikolu 4(1), il-punt (a) tar-Regolament (UE) 2019/2088, jew kif meħtieġ mill-paragrafi 3 jew 4 tal-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament, dawk il-kumpaniji maniġerjali jew il-kumpaniji ta’ investiment għandhom iqisu l-impatti negattivi prinċipali bħal dawn meta jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu.

    ▼B



    TAQSIMA 2

    Immaniġġar ta’ ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija

    Artikolu 24

    Obbligi tar-rappurtaġġ dwar l-eżekuzzjoni tal-ordnijiet ta’ sottoskrizzjoni u tifdija

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn il-kumpaniji maniġerjali jkunu eżegwew ordni ta’ sottoskrizzjoni jew tifdija mingħand titolari ta’ unitjiet, dawn għandhom jinnotifikaw lit-titolari ta’ unitajiet b’mezz li jibqa’, fejn jikkonfermaw l-eżekuzzjoni tal-ordni kemm jista’ jkun malajr, u mhux aktar tard mill-ewwel jum tan-negozju wara l-eżekuzzjoni jew, jekk il-konferma tasal għand il-kumpanija maniġerjali mingħand parti terza, mhux aktar tard mill-ewwel jum tan-negozju wara l-wasla tal-konferma mingħand il-parti terza.

    Madankollu, l-ewwel sottoparagrafu ma għandux japplika fejn l-avviż ikun fih l-istess informazzjoni bħal konferma li għandha tintbagħat fil-pront lit-titolari ta’ unitajiet minn persuna oħra.

    2.  

    L-avviż imsemmi fil-paragrafu 1 għandu, fejn applikabbli, jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

    (a) 

    l-identifikazzjoni tal-kumpanija maniġerjali;

    (b) 

    l-isem jew deżinjazzjoni oħra tat-titolari ta’ unitajiet;

    (c) 

    id-data u l-ħin tal-wasla tal-ordni u l-metodu tal-ħlas;

    (d) 

    id-data tal-eżekuzzjoni;

    (e) 

    l-identifikazzjoni tal-UCITS;

    (f) 

    in-natura tal-ordni (sottoskrizzjoni jew tifdija);

    (g) 

    l-għadd ta’ unitajiet involuti;

    (h) 

    il-valur ta’ unità li bih ġew sottoskritti jew mifdija l-unitajiet;

    (i) 

    id-data tal-valur ta’ referenza;

    (j) 

    il-valur gross tal-ordni li jkun jinkludi l-imposti għas-sottoskrizzjoni jew l-ammont nett wara l-imposti fuq it-tifdijiet;

    (k) 

    is-somma totali tal-kummissjonijiet u l-ispejjeż imposti u meta l-investitur jitlobha, u analiżi ddettaljata.

    3.  
    Meta jiġu eżegwiti perjodikament ordnijiet ta’ titolari ta’ unitajiet, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jew jieħdu l-passi speċifikati fil-paragrafu 1 jew jipprovdu lit-titolari, tal-anqas darba kull sitt xhur, l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 2 dwar dawk it-tranżazzjonijiet.
    4.  
    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu lit-titolari ta’ unitajiet l-informazzjoni dwar l-istat tal-ordni tiegħu kull meta jitlobha.



    TAQSIMA 3

    L-aħjar eżekuzzjoni

    Artikolu 25

    Eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jsir negozju f’isem il-UCITS immaniġġjata

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu fl-aħjar interessi tal-UCITS li jimmaniġġjaw fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet li jinnegozjaw f’isem il-UCITS immaniġġjata fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-portafolji tagħhom.
    2.  

    Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS, filwaqt li jqisu l-prezz, il-kostijiet, il-ħeffa, il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni u s-saldu, id-daqs u n-natura tal-ordni jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-ordni. L-importanza relattiva ta’ dawn il-fatturi għandha tkun iddeterminata b’referenza għall-kriterji li ġejjin:

    (a) 

    l-għanijiet, il-politika tal-investiment u r-riskji speċifiċi tal-UCITS, kif indikati fil-prospett jew skont x’ikun il-każ fir-regoli tal-fond jew l-artikoli tal-assoċjazzjoni tal-UCITS;

    (b) 

    il-karatteristiċi tal-ordni;

    (c) 

    il-karatteristiċi tal-istrumenti finanzjarji li huma s-suġġett ta’ dik l-ordni;

    (d) 

    il-karatteristiċi tal-postijiet tal-eżekuzzjoni fejn dik l-ordni tista’ tintbagħat.

    3.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jimplimentaw arranġamenti effikaċi għall-konformità mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 2. B’mod partikolari, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika li biha jkunu jistgħu jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-ordnijiet tal-UCITS skont il-paragrafu 2.

    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jiksbu l-kunsens minn qabel mingħand il-kumpanija tal-investiment dwar il-politika ta’ eżekuzzjoni. Il-kumpanija maniġerjali għandha tipprovdi lit-titolari ta’ unitjiet b’informazzjoni xierqa dwar il-politika stabbilita skont dan l-Artikolu u dwar kull tibdil materjali fil-politika tagħha.

    4.  

    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jimmonotorjaw fuq bażi regolari l-effikaċja tal-arranġamenti tagħhom u l-politika għall-eżekuzzjoni tal-ordnijiet sabiex jiġu identifikati u, fejn ikun xieraq, jiġu kkoreġuti xi nuqqasijiet.

    Barra minn hekk, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jirrevedu l-politika ta’ eżekuzzjoni fuq bażi annwali. Din ir-reviżjoni għandha ssir ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-kapaċità tal-kumpanija maniġerjali li tkompli tikseb l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS li timmaniġġja.

    5.  
    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom ikunu kapaċi juru li eżegwew l-ordnijiet f’isem il-UCITS skont il-politika ta’ eżekuzzjoni tal-kumpanija maniġerjali.

    Artikolu 26

    L-eżekuzzjoni minn entitajiet oħrajn ta’ ordnijiet għal negozju f’isem UCITS

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jaġixxu fl-aħjar interessi tal-UCITS li jimmaniġġjaw meta jiddelegaw lil entitajiet oħrajn l-eżekuzzjoni ta’ ordnijiet għal negozju f’isem il-UCITS li jimmaniġġjaw, fil-kuntest tal-immaniġġjar tal-portafolji tagħhom.
    2.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jiksbu l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS filwaqt li jqisu l-prezz, il-kostijiet, il-ħeffa, il-probabbiltà tal-eżekuzzjoni u s-saldu, id-daqs, in-natura jew kwalunkwe kunsiderazzjoni oħra rilevanti għall-eżekuzzjoni tal-ordni. L-importanza relattiva ta’ dawn il-fatturi għandha tkun iddeterminata b’referenza għall-Artikolu 25(2).

    Għal dawk l-għanijiet, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw politika li tippermettilhom jikkonformaw mal-obbligu msemmi fl-ewwel sottoparagrafu. Il-politika għandha tiddentifika, għal kull klassi ta’ strument, l-entitajiet li bihom jistgħu jsiru l-ordnijiet. Il-kumpanija maniġerjali għandha tidħol biss f’arranġamenti għall-eżekuzzjoni fejn dawn l-arranġamenti huma konsistenti mal-obbligi stabbiliti f’dan l-Artikolu. Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jipprovdu t-titolari ta’ unitjiet informazzjoni xierqa dwar il-politika stabbilita skont dan il-paragrafu u dwar kull tibdil materjali f’din il-politika.

    3.  

    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jimmonitorjaw fuq bażi regolari l-effikaċja tal-politika stabbilita skont il-paragrafu 2 u, b’mod partikolari, il-kwalità tal-eżekuzzjoni mill-entitajiet identifikati b’dik il-politika u, fejn ikun xieraq, jikkoreġu kwalunkwe nuqqas.

    Barra minn hekk, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jirrevedu l-politika fuq bażi annwali. Din ir-reviżjoni għandha ssir ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-kapaċità tal-kumpanija maniġerjali li tkompli tikseb l-aħjar riżultat possibbli għall-UCITS li timmaniġġja.

    4.  
    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom ikunu kapaċi juru li taw ordnijiet f’isem il-UCITS skont il-politika stabbilita skont il-paragrafu 2.



    TAQSIMA 4

    Immaniġġar tal-ordnijiet

    Artikolu 27

    Prinċipji ġenerali

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu u jimplimentaw proċeduri u arranġamenti li jipprovdu għall-eżekuzzjoni fil-pront, ġusta u b’ħeffa tat-tranżazzjonijiet ta’ portafoll f’isem il-UCITS.

    Il-proċeduri u l-arranġamenti implimentati mill-kumpaniji maniġerjali għandhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    jiżguraw li l-ordnijiet eżegwiti f’isem il-UCITS jiġu rreġistrati u allokati fil-pront u b’mod preċiż;

    (b) 

    jeżegwixxu ordnijiet komparabbli oħra tal-UCITS b’mod sekwenzjali u fil-pront sakemm il-karatteristiċi tal-ordni jew il-kundizzjonijiet prevalenti tas-suq ma jagħmlux dan imprattikabbli, jew l-interessi tal-UCITS ikunu jeħtieġu mod ieħor.

    L-istrumenti finanzjarji jew somom ta’ flus li jidħlu bħala saldu tal-ordnijiet eżegwiti għandhom jgħaddu fil-pront u korrettament fil-kont tal-UCITS konċernat.

    2.  
    Il-kumpanija maniġerjali m’għandhiex tabbuża minn informazzjoni relatata ma’ ordnijiet pendenti tal-UCITS, u għandha tieħu l-passi raġonevoli kollha biex tipprevjeni l-abbuż ta’ din l-informazzjoni minn xi persuni rilevanti tagħha.

    Artikolu 28

    Aggregazzjoni u allokazzjoni ta’ ordnijiet ta’ negozju

    1.  

    L-Istati Membri m’għandhomx jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali jeżegwixxu ordni ta’ UCITS f’aggregazzjoni ma’ ordni ta’ UCITS oħra jew klijent ieħor jew ma’ ordni marbuta mal-kont tagħhom stess, sakemm ma jkunux issodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a) 

    ser ikun improbabbli li l-aggregazzjoni tal-ordnijiet fit-totalità tagħha tkun se taħdem għall-iżvantaġġ ta’ kwalunkwe UCITS jew klijenti li l-ordni tagħhom tkun ser tiġi aggregata;

    (b) 

    għandha tiġi stabbilita u implimentata politika tal-allokazzjoni tal-ordnijiet, li tipprovdi f’termini preċiżi biżżejjed l-allokazzjoni ġusta tal-ordnijiet aggregati, inklużi kif il-volum u l-prezz tal-ordnijiet jiddeterminaw l-allokazzjonijiet u t-trattament ta’ eżekuzzjonijiet parzjali.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn kumpanija maniġerjali taggrega ordni ta’ UCITS ma’ ordni jew ordnijiet ta’ UCITS jew klijenti oħrajn u l-ordni aggregata tiġi eżegwita parzjalment, talloka n-negozju relatat skont il-politika tagħha għall-allokazzjoni tal-ordnijiet.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali li jkunu aggregaw tranżazzjonijiet marbuta mal-kont tagħhom stess ma’ ordni jew ordnijiet ta’ UCITS jew ta’ klijenti oħrajn ma jallokawx in-negozju relatat b’mod detrimentali għall-UCITS jew xi klijent ieħor.
    4.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li, fejn kumpanija maniġerjali taggrga ordni ta’ UCITS jew ta’ klijent ieħor ma’ tranżazzjoni marbuta mal-kont tagħha stess u l-ordni aggregata tiġi eżegwita parzjalment, talloka n-negozju relatat lill-UCITS jew lill-klijent l-ieħor bi preċedenza fuq dawk tal-kont tagħha stess.

    Madanakollu, jekk il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ turi lill-UCITS jew lill-klijent l-ieħor tagħha b’raġunijiet fondati li mingħajr l-aggregazzjoni ma kinitx tkun tista’ teżegwixxi l-ordni jew ma kinitx tkun tista’ teżegwixxi l-ordni fuq termini daqstant vantaġġjużi, din tista’ talloka t-tranżazzjoni fil-kont tagħha stess, proporzjonalment, skont il-politika msemmija fil-paragrafu 1(b).



    TAQSIMA 5

    Tħajjir

    Artikolu 29

    Ħarsien tal-aħjar interessi tal-UCITS

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali ma jitqisux li jkunu qegħdin jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali skont l-aħjar interess tal-UCITS jekk, b’rabta mal-attivitajiet tal-immaniġġjar u l-amministrazzjoni tal-investiment tal-UCITS, iħallsu jew jitħallsu kwalunkwe tariffa jew kummissjoni, jew jagħtu jew jingħataw xi benefiċċju mhux monetarju, għajr dawn li ġejjin:

    (a) 

    tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju jitħallas lil jew jingħata mill-UCITS jew xi persuna f’isem il-UCITS;

    (b) 

    tariffa, kummissjoni jew benefiċċju mhux monetarju li jitħallas jew jingħata lil jew minn parti terza jew xi persuna li tkun qiegħda taġixxi f’isem il-parti terza, fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i) 

    l-eżistenza, in-natura u l-ammont tat-tariffa, il-kummissjoni jew benefiċċju, jew, fejn l-ammont ma jkunx jista’ jiġi aċċertat, il-metodu tal-kalkolu ta’ dak l-ammont, għandu jiġi ddivulgat b’mod ċar lill-UCITS b’mod komprensiv, preċiż u li jinftiehem, qabel ma jingħata s-servizz rilevanti;

    (ii) 

    il-ħlas ta’ tariffa jew kummissjoni, jew l-għoti tal-benefiċċju mhux monetarju għandu jkun mfassal biex itejjeb il-kwalità tas-servizz rilevanti u ma jdgħajjifx il-konformità mad-dmir tal-kumpanija maniġerjali li taġixxi fl-aħjar interessi tal-UCITS;

    (c) 

    tariffi adegwati li jippermettu jew li huma meħtieġa biex jingħata s-servizz rilevanti, fosthom il-kostijiet tal-kustodja, is-saldu u t-tariffi tal-kambju, l-imposti regolatorji jew it-tariffi legali, u li, minnhom infushom, ma jistgħux jagħtu lok għal konflitti mad-dmirijiet tal-kumpanija maniġerjali li taġixxi b’mod onest, ġust u professjonali fl-aħjar interess tal-UCITS.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jippermettu li l-kumpanija maniġerjali, għall-iskopijiet tal-paragrafu 1(b)(i), li tiddivulga fil-qosor it-termini essenzjali tal-arranġamenti relatati mat-tariffa, il-kummissjoni jew il-benefiċċju mhux monetarju, sakemm il-kumpanija maniġerjali timpennja ruħha li tiddivulga aktar dettalji fuq talba tat-titolari ta’ unitjiet u sakemm tonora dak l-impenn.



    KAPITOLU V

    PARTIKOLARITAJIET TAL-FTEHIM STANDARD TA’ BEJN ID-DEPOŻITARJU U L-KUMPANIJA MANIĠERJALI

    (l-Artikolu 23(5) u l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE)

    Artikolu 30

    Elementi relatati mal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-kontraenti

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li d-depożitarju u l-kumpanija maniġerjali, imsemmija f’dan il-Kapitolu bħala l-“kontraenti”, li jinkludu fil-ftehim miktub imsemmi jew fl-Artikolu 23(5) u fl-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-anqas il-partikolaritajiet li ġejjin relatati mas-servizzi pprovduti u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti mill-kontraenti:

    (a) 

    deskrizzjoni tal-proċeduri, inklużi dawk relatati mal-kustodja, li għandhom jiġu adottati għal kull tip ta’ assi tal-UCITS fdat f’idejn id-depożitarju;

    (b) 

    deskrizzjoni tal-proċeduri li għandhom jiġu segwiti meta l-kumpanija maniġerjali tkun qiegħda tippjana modifika fir-regoli tal-fond jew il-prospett tal-UCITS, u li jistipulaw meta d-depożitarju għandu jiġi mgħarraf, jew fejn ikun meħtieġ qbil minn qabel mid-depożitarju biex wieħed jipproċedi bil-modifika;

    (c) 

    deskrizzjoni tal-mezzi u l-proċeduri li bihom id-depożitarju se jittrażmetti lill-kumpanija maniġerjali l-informazzjoni rilevanti kollha li l-kumpanija maniġerjali teħtieġ biex twettaq dmirijietha fosthom deskrizzjoni tal-mezzi u l-proċeduri relatati mal-eżerċitar ta’ kwalunkwe dritt marbut mal-istrumenti finanzjarji, u l-mezzi u l-proċeduri applikati sabiex il-kumpanija maniġerjali u l-UCITS ikollhom aċċess f’waqtu u preċiż għall-informazzjoni relatata mal-kontijiet tal-UCITS;

    (d) 

    deskrizzjoni tal-mezzi u l-proċeduri biex id-depożitarju ikollu aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha li jkun jeħtieġ biex jaqdi dmirijietu;

    (e) 

    deskrizzjoni tal-proċeduri biex id-depożitarju jkollu l-kapaċità li jindaga dwar il-kondotta tal-kumpanija maniġerjali u jivvaluta l-kwalità tal-informazzjoni trażmessa, inkluż bi żjarat fuq il-post;

    (f) 

    deskrizzjoni tal-proċeduri biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ teżamina l-prestazzjoni tad-depożitarju fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali tad-depożitarju.

    Artikolu 31

    Elementi relatati mal-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi dwar il-kunfidenzjalità u ħasil tal-flus

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li f’dak il-ftehim il-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-inqas jinkludu l-elementi li ġejjin relatati mal-iskambju tal-informazzjoni u l-obbligi dwar il-kunfidenzjalità u ħasil ta’ flus:

    (a) 

    lista tal-informazzjoni kollha li jinħtieġ li tiġi skambjata bejn il-UCITS, il-kumpanija maniġerjali tagħha u d-depożitarju b’rabta mas-sottoskrizzjoni, tifdija, ħruġ, kanċellazzjoni u riakkwist ta’ unitajiet tal-UCITS;

    (b) 

    l-obbligi tal-kunfidenzjalità applikabbli għall-kontraenti;

    (c) 

    informazzjoni dwar il-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-kontraenti dwar l-obbligi li jirrigwardaw il-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fejn xieraq.

    2.  
    L-obbligi msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 għandhom jitfasslu b’mod li ma tiddgħajjifx il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS milli jkollhom aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni rilevanti.

    Artikolu 32

    Elementi relatati mal-ħatra ta’ partijiet terzi

    Meta d-depożitarju jew il-kumpanija maniġerjali jippjanaw li jaħtru partijiet terzi biex iwettqu d-dmirijiet rispettivi tagħhom, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontraenti msemmija jew fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-inqas jinkludu l-partikolaritajiet li ġejjin f’dak il-ftehim:

    (a) 

    impenn miż-żewġ kontraenti li jipprovdu d-dettalji, fuq bażi regolari, ta’ kwalunkwe parti terza maħtura mid-depożitarju jew mill-kumpanija maniġerjali biex twettaq tal-obbligi tagħha;

    (b) 

    impenn li, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, il-parti l-oħra se tipprovdi informazzjoni dwar il-kriterji użati fl-għażla tal-parti terza u l-passi meħuda biex ikunu mmonitorjati l-attivitajiet imwettqa mill-parti terza magħżula;

    (c) 

    dikjarazzjoni li obbligazzjoni tad-depożitarju kif imsemmija fl-Artikolu 24 jew l-Artikolu 34 tad-Direttiva 2009/65/KE ma għandhiex tkunu affettwata mill-fatt li fada lil parti terza l-assi kollha fil-kustodja tiegħu jew x’uħud minnhom.

    Artikolu 33

    Elementi relatati ma’ emendi potenzjali u t-terminazzjoni tal-ftehim

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-inqas jinkludu f’dak il-ftehim l-elementi li ġejjin relatati mal-emendi u t-terminazzjoni tal-ftehim:

    (a) 

    il-perjodu tal-validità tal-ftehim;

    (b) 

    il-kundizzjonijiet li taħthom il-ftehim jista’ jiġi emendat jew itterminat;

    (c) 

    il-kundizzjonijiet meħtieġa biex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni għal depożitarju ieħor u, f’każ ta’ din it-tranżizzjoni l-proċeduri kif id-depożitarju għandu jibgħat kull informazzjoni rilevanti lid-depożitarju l-ieħor.

    Artikolu 34

    Liġi applikabbli

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE jispeċifikaw il-liġi tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS li tapplika għal dak il-ftehim.

    Artikolu 35

    Trażmissjoni elettronika tal-informazzjoni

    F’każijiet fejn il-kontraenti msemmija fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE jaqblu li jużaw trażmissjoni elettronika għal-bigħt bejniethom tal-informazzjoni kollha jew parti minnha, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li dan il-ftehim ikun fih dispożizzjonijiet li jiżguraw li jinżamm reġistru ta’ din l-informazzjoni.

    Artikolu 36

    Ambitu tal-ftehim

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-ftehim imsemmi fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE ikopri aktar minn UCITS immaniġġjata mill-kumpanija maniġerjali. F’dan il-każ, fil-ftehim għandu jelenka l-UCITS koperti.

    Artikolu 37

    Ftehim tal-livell ta’ servizz

    L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-kontraenti li jew jinkludu d-dettalji tal-mezzi u l-proċeduri msemmija fl-Artikolu 30(c) u (d) fil-ftehim imsemmi fl-Artikolu 23(5) jew l-Artikolu 33(5) tad-Direttiva 2009/65/KE jew inkella fi ftehim miktub separat.



    KAPITOLU VI

    IMMANIĠĠJAR TAR-RISKJI

    (l-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2009/65/KE)



    TAQSIMA 1

    Politika tal-immaniġġjar tar-riskji u l-kejl tar-riskji

    Artikolu 38

    Politika tal-immaniġġjar tar-riskji

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu politika tal-immaniġġjar tar-riskji adegwata u ddokumentata li tidentifika r-riskji li l-UCITS li jimmaniġġjaw huma jew jistgħu jkunu esposti għalihom.

    ▼M1

    Il-politika tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tinkludi dawn il-proċeduri meħtieġa biex il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tivvaluta l-iskopertura ta’ kull UCITS li timmaniġġja għar-riskji tas-suq, il-likwidità, is-sostenibbiltà u l-kontraparti, u l-iskopertura tal-UCITS għar-riskji l-oħra kollha, inklużi riskji operazzjonali, li jistgħu jaffettwaw kull waħda mill-UCITS li timmaniġġja.

    ▼B

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li fil-politika tal-immaniġġjar tar-riskji l-kumpaniji maniġerjali jindirizzaw tal-anqas l-elementi li ġejjin:

    (a) 

    it-teknika, l-għodod u l-arranġamenti li bihom ikunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 40 u 41;

    (b) 

    l-allokazzjoni fil-kumpanija maniġerjali tar-responsabbiltajiet marbuta mal-immaniġġjar tar-riskji;

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-politika tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fil-paragrafu 1 tiddefinixxi t-termini, il-kontenut u l-frekwenza tar-rappurtaġġ dwar il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji msemmija fl-Artikolu 12 lill-bord tad-diretturi u maniġment superjuri u, fejn xieraq, l-uffiċċju superviżorju.
    3.  
    Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tagħhom u tal-UCITS immaniġġjati.

    Artikolu 39

    Valutazzjoni, monitoraġġ u reviżjoni tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jivvalutaw, jimmonitorjaw u jirrevedu perjodikament:

    (a) 

    l-adegwatezza u l-effikaċja tal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji u tal-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki msemmija fl-Artikoli 40 u 41;

    (b) 

    il-livell ta’ konformità mill-kumpanija maniġerjali mal-politika tal-immaniġġjar tar-riskji u mal-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki msemmija fl-Artikoli 40 u 41;

    (c) 

    l-adegwatezza u l-effikaċja tal-miżuri meħuda biex jiġu indirizzati xi nuqqasijiet fl-eżekuzzjoni tal-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom b’kull tibdil materjali fil-proċess tal-immaniġġjar tar-riskji.
    3.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu eżaminati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali fuq bażi kontinwa kif ukoll meta tingħata l-awtorizzazzjoni.



    TAQSIMA 2

    il-proċessi tal-immaniġġjar tar-riskji, l-iskopertura għar-riskji tal-kontraparti u l-konċentrazzjoni tal-emitturi

    Artikolu 40

    Kejl u mmaniġġjar tar-riskji

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jadottaw arranġamenti, proċessi u tekniki adegwati u effikaċi sabiex:

    (a) 

    ikejlu u jimmaniġġjaw fi kwalunkwe ħin ir-riskji li l-UCITS li jimmaniġġjaw ikunu jew li jistgħu jkunu esposti għalihom;

    (b) 

    jiżguraw l-konformità mal-limiti marbuta mal-iskopertura globali u r-riskju tal-kontraparti skont l-Artikoli 41 u 43.

    Dawk l-arranġamenti, proċessi u tekniki għandhom ikunu proporzjonati għan-natura, id-daqs u l-kumplessità tan-negozju tal-kumpaniji maniġerjali u tal-UCITS li jimmaniġġjaw u jkunu konsistenti mal-profil tar-riskji tal-UCITS.

    2.  

    Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu l-passi li ġejjin għal kull UCITS li jimmaniġġjaw:

    (a) 

    iħaddmu dawk l-arranġamenti, proċessi u tekniki tal-kejl tar-riskji kif meħtieġ biex ikun żgurat li r-riskji tal-pożizzjonijiet meħuda u l-kontribut tagħhom fil-profil tar-riskju ġenerali jitkejlu b’mod preċiż abbażi ta’ dejta soda u affidabbli u li l-arranġamenti, il-proċessi u t-tekniki tal-kejl tar-riskji jkunu ddokumentati adegwatement;

    (b) 

    iwettqu, fejn ikun xieraq, testijiet retrospettivi perjodiċi sabiex tiġi eżaminata l-validità tal-arranġamenti tal-kejl tar-riskji li jinkludu previżjonijiet u estimi abbażi ta’ mudelli;

    (c) 

    iwettqu, fejn ikun xieraq, testijiet tal-istress u analiżi tax-xenarji biex jiġu indirizzati r-riskji li jinħolqu mit-tibdil potenzjali fil-kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jaffettwaw ħażin lill-UCITS;

    (d) 

    jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu sistema ddokumentata tal-limiti interni marbuta mal-miżuri użati għall-immaniġġjar u l-kontroll tar-riskji rilevanti għal kull UCITS filwaqt li jqisu r-riskji kollha li jistgħu jaffettwaw lill-UCITS kif imsemmi fl-Artikolu 38 u jiżguraw konsistenza mal-profil tar-riskju tal-UCITS;

    (e) 

    jiżguraw li l-livell ta’ riskju attwali jkun konformi mas-sistema tal-limitu tar-riskju kif stipulat fil-punt (d) għal kull UCITS;

    (f) 

    jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu proċeduri adegwati li, fil-każ ta’ ksur reali jew antiċipati tas-sistema tal-limitu tar-riskju tal-UCITS, iwasslu għal azzjonijiet rimedjali f’waqqthom fl-aħjar interessi tat-titolari ta’ unitjiet.

    3.  

    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw proċess xieraq tal-immaniġġjar tar-riskji tal-likwidità sabiex ikun żgurat li kull UCITS li jimmeniġġjaw dejjem tkun kapaċi tikkonforma mal-Artikolu 84(1) tad-Direttiva 2009/65/KE.

    Fejn ikun xieraq, il-kumpaniji maniġerjali għandhom iwettqu testijiet tal-istress biex tkun tista’ ssir valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità tal-UCITS f’ċirkostanzi eċċezzjonali.

    4.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li għal kull UCITS immaniġġjata minnhom il-profil tal-likwidità tal-investimenti tal-UCITS ikun xieraq għall-politika tat-tifdija stabbilita fir-regoli tal-fond jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni jew il-prospett.

    Artikolu 41

    Kalkolu tal-iskopertura globali

    1.  

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw l-iskopertura globali ta’ UCITS li jimmaniġġjaw kif imsemmi fl-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE skont wieħed minn dawn li ġejjin:

    (a) 

    l-iskopertura inkrimentali u l-ingranaġġ iġġenerat mill-UCITS immaniġġjata bl-użu ta’ strumenti ta’ derivati finanzjarji inklużi derivati inkorporati skont ir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, li ma jistgħux jaqbżu t-total tal-valur tal-assi netti tal-UCITS;

    (b) 

    ir-riskju tas-suq tal-portafoll tal-UCITS.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw l-iskopertura globali tal-UCITS tal-anqas kuljum.
    3.  

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw l-iskopertura globali billi jużaw l-approċċ tal-impenji, l-approċċ tal-valur tar-riskju jew metodoloġiji avvanzati tal-kejl tar-riskji oħra skont kif ikun xieraq. Għall-iskopijiet ta’ din d-dispożizzjoni,“valur fir-riskju” għandha tfisser kejl tat-telf massimu mistenni f’livell ta’ kunfidenza partikolari matul perjodu ta’ żmien speċifiku.

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-metodu li jintgħażel għall-kejl tal-iskopertura huwa xieraq, filwaqt li jqisu l-istrateġija tal-investiment segwita mill-UCITS u t-tipi u l-kumplessitajiet tal-istrumenti finanzjarji derivati użati u l-proporzjoni tal-portfoll UCITS li jinkludi strumenti finanzjarji derivati.

    4.  
    Fejn UCITS skont l-Artikolu 51(2) tad-Direttiva 2009/65/KE tapplika teknika u strumenti inkluż ftehim ta’ riakkwist jew tranżazzjonijiet ta’ self ta’ titoli sabiex tiġġenera ingranaġġ addizzjonali jew skopertura għar-riskju tas-suq, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jieħdu dawn it-tranżazzjonijiet inkunsiderazzjoni meta jikkalkulaw l-iskopertura globali.

    Artikolu 42

    Approċċ tal-impenji

    1.  
    Meta jiġi applikat l-approċċ tal-impenji għall-kalkolu tal-iskopertura globali, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw dan l-approċċ għall-pożizzjonijiet tal-istrumenti finanzjarji derivati fosthom id-derivati inkorporati kif imsemmi fir-raba’ sottoparagrafu tal-Artikolu 51(3) tad-Direttiva 2009/65/KE, kemm jekk użati bħala parti mill-politika ġenerali tal-investiment tal-UCITS, għal skopijiet ta’ tnaqqis tar-riskju u kemm għall-iskopijiet ta’ mmaniġġjar effiċjenti tal-portafoll kif imsemmi fl-Artikolu 51(2) ta’ dik id-Direttiva.
    2.  

    Meta jintuża l-approċċ tal-impenji għall-kalkolu tal-iskopertura globali, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkonvertu kull pożizzjoni tal-istrumenti finanzjarji derivati fil-valur tas-suq ta’ pożizzjoni ekwivalenti fl-assi sottostanti ta’ dak id-derivat (l-approċċ standard tal-impenji).

    L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali japplikaw metodi ta’ kalkoluu oħrajn ekwivalenti għall-approċċ standard tal-impenji.

    3.  
    L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpanija maniġerjali tqis l-arranġamenti tal-kalkolu tal-valur nett u l-iħħeġġjar meta tikkalkula l-iskopertura globali, sakemm dawn l-arranġamenti ma jinjorawx riskji ovvji u materjali u jwasslu għal tnaqqis ċar fl-iskopertura għar-riskji.
    4.  
    Fejn l-użu tal-istrumenti finanzjarji derivati ma jiġġenerax żieda fl-iskopertura għall-UCITS, l-iskopertura sottostanti ma jeħtiġilix tiġi inkluża fil-kalkolu tal-impenji.
    5.  
    Meta jintuża l-approċċ tal-impenji, l-arranġamenti ta’ self temporanju li jsiru f’isem il-UCITS skont l-Artikolu 83 tad-Direttiva 2009/65/KE ma jeħtiġilhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-iskopertura globali.

    Artikolu 43

    Riskju tal-kontraparti u l-konċentrazzjoni tal-emitturi

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li r-riskju tal-kontraparti li jinħolqu minn strument finanzjarji derivat barra l-Borża (OTC) ikun soġġett għal-limiti stipulati fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2009/65/KE.
    2.  

    Meta tiġi kkalkulata l-iskopertura tal-UCITS għal kontraparti skont il-limiti kif imsemmi fl-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-kumpaniji maniġerjali għandhom jużaw il-valur pożittiv ta’ pprezzar skont il-valur fis-suq tal-kuntratt tad-derivat OTC ma’ dak il-kontraparti.

    Il-kumpaniji maniġerjali jistgħu jikkalkolaw il-valur nett tal-pożizzjonijiet tad-derivati ta’ UCITS mal-istess kontraparti, sakemm ikunu jistgħu legalment jinforzaw ftehimiet tal-kalkolu tal-valur nett mal-kontraparti f’isem il-UCITS. Il-kalkolu tal-valur nett huwa permissibbli biss fejn jidħlu strumenti derivati OTC mal-istess kontraparti u b’rabta mal-ebda skoperturi oħrajn li l-UCITS jista’ jkollha mal-istess kontraparti.

    3.  
    L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-kumpaniji maniġerjali jnaqqsu l-iskopertura tal-UCITS għal kontraparti ta’ tranżazzjoni ta’ derivati OTC billi jingħatalha kollateral. Il-kollateral li jingħata għandu jkun likwidu biżżejjed sabiex ikun jista’ jinbiegħ malajr għal prezz viċin il-valwazzjoni ta’ qabel il-bejgħ tiegħu.
    4.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jqisu l-kollateral meta jikkalkulaw l-iskopertura għar-riskju tal-kontraparti kif imsemmi fl-Artikolu 52(1) tad-Direttiva 2009/65/KE meta l-kumpanija maniġerjali tgħaddi kollateral lill-kontraparti OTC f’isem il-UCITS. Il-kollateral mgħoddi jista’ jitqies fuq bażi netta biss jekk il-kumpanija maniġerjali tkun tista’ tinforza legalment l-arranġamenti tal-kalkolu tal-valur nett ma’ din il-kontraparti f’isem il-UCITS.
    5.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jikkalkulaw il-limiti tal-konċentrazzjoni tal-emitturi kif imsemmi fl-Artikolu 52 tad-Direttiva 2009/65/KE abbażi tal-iskopertura sottostanti li tinħoloq bl-użu tal-istrumenti finanzjarji derivati iskont l-approċċ tal-impenji.
    6.  
    Fir-rigward tal-iskopertura li tinħoloq mit-tranżazzjonijiet ta’ derivati OTC kif imsemmi fl-Artikolu 52(2) tad-Direttiva 2009/65/KE, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jinkludu fil-kalkolu kwalunkwe skopertura għar-riskju tal-kontraparti tad-derivati OTC.



    TAQSIMA 3

    proċeduri għall-valutazzjoni tad-derivati OTC

    Artikolu 44

    Proċeduri għall-valutazzjoni tal-valur ta’ derivati OTC

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jivverifikaw li l-iskoperturi tal-UCITS għad-derivati OTC jingħataw valuri ġusti li ma jkunux jiddependu biss fuq kwotazzjonijiet mis-suq min-naħa tal-kontrapartijiet tat-tranżazzjonijiet OTC u li jissodisfaw il-kriterji stipulati fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2007/16/KE.
    2.  

    Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, il-kumpaniji maniġerjali għandhom jistabbilixxu, jimplimentaw u jżommu arranġamenti u proċeduri li jiżguraw valwazzjoni xierqa, trasparenti u ġusta tal-iskoperti tal-UCITS għad-derivati OTC.

    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jiżguraw li l-valur ġust tad-derivati OTC ikun soġġett għal valutazzjoni adegwata, preċiża u indipendenti.

    L-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni għandhom ikunu adegwati u proporzjonati man-natura u l-kumplessità tad-derivati OTC konċernati.

    Il-kumpaniji maniġerjali għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 5(2) u 23(4)(b) meta l-arranġamenti u l-proċeduri marbuta mal-valwazzjoni ta’ derivati OTC ikunu jinvolvu t-twettiq ta’ ċertu attivitajiet minn partijiet terzi.

    3.  
    Għall-iskopijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkun inkarigata bi dmirijiet u responsabbiltajiet speċifiċi.
    4.  
    L-arranġamenti u l-proċeduri tal-valwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom ikunu ddokumentati adegwatament.



    TAQSIMA 4

    Trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-istrumenti derivat

    Artikolu 45

    Rapporti dwar l-istrumenti derivati

    1.  
    L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-kumpaniji maniġerjali jwasslu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom, tal-anqas fuq bażi annwali, rapporti b’informazzjoni li tirrifletti viżjoni vera u ġusta tat-tipi ta’ strumenti derivati użati għal kull UCITS immaniġġjat, ir-riskji sottostanti, il-limiti kwantitattivi u l-metodi li ntgħażlu biex jiġu stmati r-riskji assoċjati mat-tranżazzjonijiet ta’ derivati.
    2.  
    L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-kumpanija maniġerjali jeżaminhom ir-regolarità u l-kompletezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u li jkollhom l-opportunità li jintervjenu fejn ikun xieraq.



    KAPITOLU VII

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 46

    Traspożizzjoni

    1.  

    L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva sat-30 ta’ Ġunju 2011 l-aktar tard. Dawn għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jakkumpanjawhom b’din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

    2.  
    L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 47

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 48

    Destinatarji

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.



    ( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2019/2088 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar divulgazzjonijiet relatati mas-sostenibbiltà fis-settur tas-servizzi finanzjarji (ĠU L 317, 9.12.2019, p. 1).

    Top