Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0359

    Kawża T-359/19: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2019 — Daimler vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 263, 5.8.2019, p. 58–60 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.8.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 263/58


    Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Ġunju 2019 — Daimler vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-359/19)

    (2019/C 263/65)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: Daimler AG (Stuttgart, il-Ġermanja) (rappreżentanti: N. Wimmer, C. Arhold u G. Ollinger, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 2359, tat-3 ta’ April 2019, adottata skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) u b’mod partikolari skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(5) tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), sa fejn hija tispeċifika, fl-Artikolu 1(1) tagħha, moqri flimkien mal-kolonni D u I tat-Tabella 1 u tat-Tabella 2 tal-Anness I, l-emissjonijiet speċifiċi medji ta’ CO2 u t-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 miksuba għall-innovazzjonijiet ekoloġiċi, u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi segwenti.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 (2) u tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 (3)

    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 u tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 sa fejn, matul il-verifika ad hoc tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO2, hija eskludiet il-metodu ta’ prova approvat, billi applikat fattur ta’ Willans żbaljat.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011

    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret id-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011, tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158 u tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 billi eskludiet, fil-kuntest tal-metodu ta’ prova applikat minnha għall-finijiet tal-verifika ad hoc, il-prekundizzjonament speċifiku neċessarju.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011

    Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta kisret l-Artikolu 12(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 725/2011 billi ordnat li l-innovazzjoni ekoloġika ma kellhiex tittieħed inkunsiderazzjoni għas-sena preċedenti, is-sena 2017, minkejja li l-imsemmija dispożizzjoni tawtorizza espressament biss deċiżjoni dwar in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni inkwistjoni għas-sena sussegwenti.

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ

    Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta kisret id-dritt għal smigħ tagħha kif jeżiġi l-prinċipju ġenerali tar-rispett tad-drittijiet ta’ difiża kif ukoll l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    5.

    Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

    Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mal-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Hija tiddikjara li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-konvenuta tillimita ruħha li, f’termini astratti, tirreferi għal diverġenzi fil-metodu ta’ prova, mingħajr ma tindirizza l-kwistjoni determinanti dwar jekk u sa fejn il-metodu ta’ prova jeżiġix prekundizzjonament speċifiku u jekk il-konvenuta awtorizzatx tali metodu ta’ prova bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/158.


    (1)  Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li jistabbilixxi standards ta’ rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO 2 minn vetturi ħfief (ĠU 2009, L 140, p. 1, rettifika fil-ĠU 2017, L 336, p. 60)

    (2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 725/2011 tal-25 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi proċedura għall-approvazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ CO 2 minn karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 194, p. 19)

    (3)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/158 tat-30 ta’ Jannar 2015 dwar l-approvazzjoni ta’ żewġ alternaturi ta’ effiċjenza għolja Robert Bosch GmbH bħala t-teknoloġiji innovattivi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO 2 mill-karozzi tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 443/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2015, L 26, p. 31)


    Top