Escolha as funcionalidades experimentais que pretende experimentar

Este documento é um excerto do sítio EUR-Lex

Documento 32022D2435

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

    ST/11050/2022/INIT

    ĠU L 319, 13.12.2022, p. 5—7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Estatuto jurídico do documento Em vigor: Este ato foi alterado. Versão consolidada atual: 13/12/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2435/oj

    Acordo internacional conexo

    13.12.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 319/5


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2435

    tas-26 ta’ Lulju 2022

    dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (il-‘Ftehim’) ġie ffirmat fid-29 ta’ Ġunju 2022, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

    (2)

    Fid-dawl tat-tfixkil importanti fis-settur tat-trasport fl-Ukrajna kkawżat mill-gwerra tal-aggressjoni Russa, huwa neċessarju li jinstabu rotot alternattivi bit-triq għall-Ukrajna biex tesporta l-ħażniet tagħha tal-qmuħ, tal-fjuwil, tal-oġġetti tal-ikel u ta’ prodotti rilevanti oħra.

    (3)

    Peress li l-permessi tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport tal-Istati Membri u l-ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u l-Ukrajna ma jippermettux il-flessibbiltà neċessarja għall-operaturi Ukreni tat-trasport tal-merkanzija bit-triq biex iżidu u jippjanaw bil-quddiem l-operazzjonijiet tagħhom mill-Unjoni u mal-Unjoni, hu kruċjali li t-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġi liberalizzat għall-operazzjonijiet bilaterali u għat-tranżitu.

    (4)

    Fid-dawl taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u uniċi li jeħtieġu l-iffirmar, l-applikazzjoni proviżorja u l-konklużjoni tal-Ftehim, u f’konformità mat-Trattati, huwa xieraq li l-Unjoni teżerċita b’mod temporanju l-kompetenza kondiviża rilevanti mogħtija lilha mit-Trattati. Kwalunkwe effett ta’ din id-Deċiżjoni dwar id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri jenħtieġ li jkun strettament limitat fiż-żmien. Il-kompetenza eżerċitata mill-Unjoni abbażi ta’ din id-Deċiżjoni u tal-Ftehim għalhekk jenħtieġ li tiġi eżerċitata biss matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Għaldaqstant, il-kompetenza kondiviża hekk eżerċitata ser tieqaf tkun eżerċitata mill-Unjoni hekk kif jieqaf japplika l-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, dik il-kompetenza, f’konformità mal-Artikolu 2(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ser terġa’ tiġi eżerċitata mill-Istati Membri wara dan. Barra minn hekk, huwa mfakkar li, kif stabbilit fil-Protokoll Nru 25 dwar l-eżerċizzju ta’ kompetenzi kondiviżi, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-TFUE, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni f’din id-Deċiżjoni jkopri biss dawk l-elementi regolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim u ma jkoprix il-qasam kollu. L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni b’din id-Deċiżjoni huwa mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor f’dak il-qasam.

    (5)

    Minħabba l-gwerra tal-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, ħafna sewwieqa Ukreni ma għadhomx jistgħu jimxu mal-proċeduri amministrattivi relatati mad-dokumenti tas-sewwieqa, bħall-applikazzjonijiet għall-permessi internazzjonali tas-sewqan jew il-ħruġ ta’ dokumenti tas-sewwieqa ġodda fil-każ li dawn intilfu jew insterqu. Għalhekk hu importanti li jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali billi jiġu previsti miżuri speċifiċi li jeżentaw lis-sewwieqa mir-rekwiżit li jippreżentaw permess internazzjonali tas-sewqan, li jirrikonoxxu d-deċiżjonijiet tal-Ukrajna li jestendu l-validità amministrattiva tad-dokumenti tas-sewwieqa, u li jiffaċilitaw l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet għall-Ftehim bil-għan li jiġu miġġielda l-frodi u l-falsifikazzjoni tad-dokumenti tas-sewwieqa.

    (6)

    Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi approvat f’isem l-Unjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq hu b’dan approvat f’isem l-Unjoni Ewropea. (3)

    Artikolu 2

    1.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim. Mingħajr preġudizzju għal miżuri oħra tal-Unjoni, u soġġett għall-konformità ma’ dawk il-miżuri tal-Unjoni, wara tmiem dak il-perjodu ta’ applikazzjoni, l-Unjoni għandha tieqaf minnufih milli teżerċita dik il-kompetenza, u l-Istati Membri għandhom jerġgħu jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom f’konformità mal-Artikolu 2(2) TFUE.

    2.   L-eżerċizzju tal-kompetenza tal-Unjoni skont din id-Deċiżjoni u l-Ftehim għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Istati Membri fir-rigward ta’ kwalunkwe negozjati li għaddejjin jew futuri għal, jew l-iffirmar jew il-konklużjoni ta’, ftehimiet internazzjonali relatati mat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma’ kwalunkwe pajjiż terz ieħor, u mal-Ukrajna, fir-rigward tal-perjodu wara li dan il-Ftehim ma jibqax japplika.

    3.   L-eżerċizzju tal-kompetenza mill-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1 ikopri biss l-elementi rregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

    4.   Din id-Deċiżjoni u l-Ftehim huma mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qasam tat-trasport tal-merkanzija bit-triq fir-rigward ta’ elementi għajr dawk irregolati minn din id-Deċiżjoni u l-Ftehim.

    Artikolu 3

    Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem l-Unjoni, jagħti n-notifika prevista fl-Artikolu 13 tal-Ftehim.

    Artikolu 4

    Il-Kummissjoni Ewropea, megħjuna mir-rappreżentanti tal-Istati Membri bħala osservaturi, għandha tirrappreżenta lill-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Lulju 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KUPKA


    (1)  Approvazzjoni tal-10 ta’ Novembru 2022 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1).

    (3)  It-test tal-Ftehim huwa ppubblikat fil-ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4.


    Início