Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015D2169

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 28/11/2022

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2015/2169/oj

    Related international agreement

    25.11.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 307/2


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/2169

    tal-1 ta' Ottubru 2015

    dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100(2), 167(3) u 207, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Fit-23 ta' April 2007 il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mar-Repubblika tal-Korea, minn issa msejjħa “il-Korea”, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha.

    (2)

    Dawk in-negozjati ġew konklużi u Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”), ġie ffirmat fil-15 ta' Ottubru 2009.

    (3)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/265/UE tas-16 ta' Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (1) il-Ftehim ġie inizjalat f'isem l-Unjoni fis-6 ta' Ottubru 2010, pendenti l-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard, u ġie applikat fuq bażi provviżorja.

    (4)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat.

    (5)

    Il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet tal-investituri tal-Istati Membri tal-Unjoni milli jibbenefikaw minn xi trattament aktar favorevoli previst f'xi ftehim marbut mal-investiment li tiegħu jkunu Partijiet Stat Membru u l-Korea.

    (6)

    Skont l-Artikolu 218(7) tat-Trattat, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova ċerti modifiki limitati għall-Ftehim. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-awtorizzazzjoni li ġġib fi tmiemu d-dritt għall-koproduzzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali sakemm il-Kummissjoni ma tiddeċidix li dan il-jedd għandu jkompli u dan jiġi approvat mill-Kunsill skont proċedura speċifika meħtieġa kemm minħabba s-sensittività ta' dan l-element tal-Ftehim kif ukoll minħabba l-fatt li l-Ftehim ser jiġi konkluż mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata li tapprova l-modifiki tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

    (7)

    Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-ħarsien tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi li jingħataw ħarsien skont il-Ftehim,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, (2) huwa b'dan approvat f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna(i) awtorizzata(i) biex tipproċedi/jipproċedu, f'isem l-Unjoni sabiex jagħtu n-notifika msemmija fl-Artikolu 15.10.2 tal-Ftehim, sabiex jiġi espress il-kunsens tal-Unjoni biex tiġi marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    1.   Il-Kummissjoni għandha tavża lill-Korea bl-intenzjoni tal-Unjoni Ewropea li ma testendix il-perjodu tad-dritt għall-koproduzzjoni skont l-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 5(8) tal-imsemmi Protokoll, sakemm, fuq proposta mill-Kummissjoni, erba' xhur qabel it-tmiem ta' tali perjodu ta' dritt, il-Kunsill ma japprovax li dan id-dritt ikompli. Jekk il-Kunsill jaqbel li għandu jkompli dan id-dritt, din id-dispożizzjoni għandha terġa' ssir applikabbli fi tmiem il-perjodu mġedded tad-dritt. Għall-għan speċifiku li tittieħed deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-perjodu tad-dritt, il-Kunsill għandu jaġixxi b'unanimità.

    2.   Għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim, modifiki għall-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jkunux jistgħu jaqblu fil-każ li jkun hemm l-oġġezzjonijiet marbutin ma' xi Indikazzjoni Ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta din il-pożizzjoni abbażi tal-proċedura stipulata fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 tal- 20 ta' Marzu 2006 dwar il-protezzjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel (3). Il-perjodu imsemmi fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-implementazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni (4) għandu jkun ta' xahar.

    Artikolu 4

    1.   Isem li jkun protett taħt is-Sottotaqsima C “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tal-Kapitlu Għaxra tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jkun qiegħed ibiegħ il-prodotti agrikoli, l-oġġetti tal-ikel, l-inbejjed, l-inbejjed aromatizzati jew l-ispirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.

    2.   L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinforzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 10.18 sa 10.23 tal-Ftehim, inkluż fuq talba ta' parti interessata.

    Artikolu 5

    Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali dwar deċiżjonijiet li jkollhom effetti legali se tkun iddeterminata mill-aġir tal-Kunsill b'konformità mat-Trattat. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat dwar il-Kooperazzjoni Kulturali se jkunu uffiċjali anzjani kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri li għandhom kompetenza u esperjenza fuq kwistjonijiet u prassi kulturali, u li se jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea skont it-Trattat.

    Artikolu 6

    Id-dispożizzjoni applikabbli għall-għanijiet li jiġu adottati r-regoli implimentattivi meħtieġa għall-applikazzjoni tar-regoli li jinstabu fl-Anness II(a) tal-Protokoll dwar id-Definizzjoni ta' “Prodotti li Joriġinaw” u Metodi ta' Kooperazzjoni Amministrattiva tal-Ftehim hija l-Artikolu 247a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità (5).

    Artikolu 7

    Il-Ftehim m'għandux jinftiehem li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligazzjonijiet li jistgħu jkunu invokati quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

    Artikolu 8

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, l-1 ta' Ottubru 2015.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    É. SCHNEIDER


    (1)  ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1.

    (2)  Il-Ftehim ġie ppubblikat fil-ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1, flimkien mad-deċiżjoni dwar l-iffimar.

    (3)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.

    (4)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (5)  ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1.


    Top