Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0733

    Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 733/2013 tat- 22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 994/98 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali Test b’relevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 204, 31.7.2013, p. 11–14 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 204, 31.7.2013, p. 3–6 (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 13/10/2015; Imħassar b' 32015R1588

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/733/oj

    31.7.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 204/11


    REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 733/2013

    tat-22 ta’ Lulju 2013

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 994/98 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 109 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 (1) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara permezz ta’ regolamenti li ċerti kategoriji speċifikati ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern u huma eżentati mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    (2)

    L-għajnuna mill-Istat hija kunċett objettiv iddefinit fl-Artikolu 107(1) tat-TFUE. Is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta eżenzjonijiet ta’ kategoriji kif previst fir-Regolament (KE) Nru 994/98 tapplika biss għal miżuri li jissodisfaw il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u għaldaqstant jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. L-inklużjoni ta’ ċerta kategorija ta’ għajnuna fir-Regolament (KE) Nru 994/98 jew f’regolament ta’ eżenzjoni ma jiddeterminax minn qabel il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.

    (3)

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tiddikjara li f’ċerti kundizzjonijiet għajnuna lil impriżi ta’ daqs żgħir u medju (“SMEs”), għajnuna favur ir-riċerka u l-iżvilupp, għajnuna favur il-protezzjoni tal-ambjent, għajnuna għall-impjiegi u t-taħriġ, u għajnuna konformi mal-mappa approvata mill-Kummissjoni għal kull Stat Membru għall-għoti ta’ għajnuna reġjonali, hija kompatibbli mas-suq intern u mhux soġġetta għar-rekwiżit tan-notifika.

    (4)

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni sabiex teżenta għajnuna għar-riċerka u l-iżvilupp, iżda mhux għall-innovazzjoni. Minn dakinhar l-innovazzjoni saret prijorità fil-politika tal-Unjoni fil-kuntest ta’ “Unjoni tal-Innovazzjoni”, bħala waħda mill-inizjattivi ewlenin ta’ Ewropa 2020. Barra minn hekk, ħafna miżuri ta’ għajnuna għall-innovazzjoni huma relattivament żgħar u ma joħolqux distorsjonijiet sinifikanti tal-kompetizzjoni.

    (5)

    Fis-settur tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju, għadd ta’ miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, pereżempju għaliex il-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika jew għaliex m’hemm l-ebda effett fuq kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, sal-punt li l-miżuri fil-qasam tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-Istati Membri bħalissa huma meħtieġa li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta l-għajnuna mogħtija lill-SMEs, iżda tali eżenzjoni tkun ta’ użu limitat fis-settur kulturali, billi r-riċevituri ħafna drabi jkunu kumpanniji kbar. Madankollu, il-proġetti ż-żgħar tal-kultura, il-ħolqien u l-konservazzjoni tal-patrimonju, anki jekk isiru minn kumpanniji kbar, ġeneralment ma jwasslux għal distorsjoni sinifikanti, u każijiet reċenti wrew li tali għajnuna għandha effetti limitati fuq il-kummerċ.

    (6)

    Jistgħu jitfasslu eżenzjonijiet fis-settur tal-konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju abbażi tal-esperjenza tal-Kummissjoni kif stipulata fil-linji gwida, bħal fil-każ ta’ xogħlijiet ċinematografiċi u awdjoviżivi, jew jiġu żviluppati każ b’każ. Meta tabbozza tali eżenzjonijiet ta’ kategoriji, il-Kummissjoni tieħu kont li dawn għandhom ikopru biss miżuri li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, li fil-prinċipju għandhom jiffokaw fuq miżuri li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-“Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE(SAM)”, u li hija biss għajnuna li tiġi eżentata bħala kategorija li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni għandha esperjenza sostanzjali. Barra minn hekk, għandu jittieħed kont tal-kompetenza primarja tal-Istati Membri fil-qasam tal-kultura, il-protezzjoni speċjali li għandha d-diversità kulturali skont l-Artikolu 167(1) tat-TFUE u tan-natura speċjali tal-kultura.

    (7)

    L-Istati Membri huma mitlubin ukoll li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-miżuri tal-għajnuna mill-Istat biex isewwu l-ħsara kkawżata mid-diżastri naturali. L-ammonti mogħtija f’dan il-qasam ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta tali għajnuna mir-rekwiżit ta’ notifika, biss jekk din tingħata lill-SMEs. Madankollu, anki kumpanniji kbar jistgħu jintlaqtu mid-diżastri naturali. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti u, abbażi tal-esperjenza miksuba, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà.

    (8)

    L-Istati Membri huma mitluba wkoll li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tissewwa l-ħsara kkawżata minn ċerti kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd. L-ammonti mogħtija f’dan il-qasam ġeneralment huma limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà. Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jawtorizza lill-Kummissjoni li teżenta tali għajnuna mir-rekwiżit ta’ notifika, biss jekk din tingħata lill-SMEs. Madankollu, anki kumpanniji kbar jistgħu jintlaqtu minn kundizzjonijiet ħżiena tat-temp fis-sajd. Mill-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna bħal din ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti u, abbażi tal-esperjenza miksuba, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà.

    (9)

    Skont l-Artikolu 42 tat-TFUE, ir-regoli dwar l-għajnuna Statli ma japplikawx taħt ċerti kundizzjonijiet għal ċerti miżuri ta’ għajnuna favur il-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-TFUE. L-Artikolu 42 ma japplikax għall-forestrija jew għall-prodotti li mhumiex elenkati fl-Anness I. Għaldaqstant, bħalissa, permezz tar-Regolament (KE) Nru 994/98, l-għajnuna għall-forestrija u għall-promozzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-ikel li mhumiex elenkati fl-Anness I fis-settur tal-ikel, tista’ tiġi eżentata biss jekk tkun limitata għall-SMEs. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ teżenta ċerti tipi ta’ għajnuna għall-forestrija, inkluż għajnuna li tinsab fil-programmi ta’ żvilupp rurali u wkoll dik favur il-promozzjoni u r-reklamar ta’ prodotti fis-settur tal-ikel li mhumiex elenkati fl-Anness I meta, skont l-esperjenza tal-Kummissjoni, id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu limitati u meta jkunu jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà.

    (10)

    Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill tas-27 ta’ Lulju 2006 dwar il-Fond Ewropew għas-Sajd (2), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-TFUE japplikaw għall-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri lill-intrapriżi fis-settur tas-sajd, ħlief għall-pagamenti li jsiru mill-Istati Membri skont, u f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1198/2006. Għajnuna mill-Istat addizzjonali għall-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi u tal-ilma ħelu ġeneralment ikollha effetti limitati fuq il-kummerċbejn l-Istati Membri, tikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni fil-qasam tal-politika marittima u tas-sajd u ma tikkawżax distorsjonijiet serji fil-kompetizzjoni. L-ammonti mogħtija ġeneralment ikunu limitati u jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà.

    (11)

    Fis-settur tal-isport, b’mod partikolari fil-qasam tal-isport tad-dilettanti, għadd ta’ miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, pereżempju għaliex il-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika, jew għaliex m’hemm l-ebda effett fuq kummerċ bejn l-Istati Membri. Madankollu, sal-punt li l-miżuri fil-qasam tal-isport ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat, fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-Istati Membri bħalissa huma meħtieġa li jinnotifikawhom lill-Kummissjoni. Il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat għall-isport b’mod partikolari dawk fil-qasam tal-isport tad-dilettanti jew dawk li huma ta’ skala żgħira, ħafna drabi għandhom effetti limitati fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma joħolqux distorsjonijiet serji tal-kompetizzjoni. L-ammonti mogħtija ġeneralment huma wkoll limitati. Abbażi tal-esperjenza miksuba jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà, biex b’hekk jiġi żgurat li l-għajnuna għall-isport ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti.

    (12)

    Fir-rigward tal-għajnuna għat-trasport bl-ajru u dak marittimu, mill-esperjenza tal-Kummissjoni, l-għajnuna li għandha natura soċjali għat-trasport ta’ residenti ta’ reġjuni mbiegħda bħal reġjuni u gżejjer l-aktar imbiegħda, inklużi reġjuni Stati Membri gżejjer uniċi u żoni b’populazzjoni baxxa, ma tikkawżax distorsjoni sinifikanti sakemm din tingħata mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-identità ta’ min iġorr. Barra minn hekk, jistgħu jiġu definiti kundizzjonijiet ċari ta’ kompatibbiltà.

    (13)

    Fil-qasam tal-għajnuna għall-infrastruttura tal-broadband, reċentement il-Kummissjoni kisbet esperjenza wiesgħa u fasslet linji gwida (3). Fl-esperjenza tal-Kummissjoni, għajnuna għal ċerti tipi ta’ infrastruttura tal-broadband ma tikkawża l-ebda distorsjoni sinfikanti u tista’ tibbenefika minn eżenzjoni ta’ kategorija, sakemm jintlaħqu ċerti kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà u sakemm l-infrastruttura tiġi implimentata f’“żoni bojod”, li huma żoni fejn m’hemm l-ebda infrastruttura tal-istess kategorija (sew broadband jew aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss b’veloċità għolja ħafna, “NGA”) u fejn x’aktarx xejn mhu ser jiġi żviluppat fil-futur qrib, kif jidher fil-kriterji żviluppati fil-linji gwida. Dan huwa minnu għall-għajnuna li tkopri l-forniment ta’ broadband bażiku, kif ukoll għall-għajnuna lil miżuri individwali żgħar li tkopri netwerks ta’NGA, u għall-għajnuna lil xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili relatati mal-broadband u l-infrastruttura tal-broadband passiva.

    (14)

    Fir-rigward tal-infrastruttura, għadd ta’ miżuri meħudin mill-Istati Membri jistgħu ma jikkostitwixxux għajnuna għax ma jissodisfawx il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, pereżempju għaliex il-benefiċjarju ma jwettaqx attività ekonomika, għaliex m’hemm l-ebda effett fuq kummerċ bejn l-Istati Membri, jew għaliex il-miżura tikkonsisti minn kumpens għal servizz ta’ interess ekomomiku ġenerali li jissodisfa l-kriterji kollha tal-każistika Altmark  (4). Madankollu, sal-punt li l-finanzjament ta’ infrastrutturi jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, l-Istati Membri huma obbligati li jinnotifikawh lill-Kummissjoni. Fir-rigward tal-infrastruttura, ammonti żgħar ta’ għajnuna għal proġetti ta’ infrastruttura jistgħu jkunu mod effiċjenti kif wieħed jappoġġa objettivi tal-Unjoni sal-punt li l-għajnuna timminimizza l-ispejjeż u d-distorsjoni potenzjali tal-kompetizzjoni tkun limitata. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tkun fil-pożizzjoni li teżenta l-għajnuna mill-Istat għal proġetti ta’ infrastruttura li jappoġġaw l-objettivi msemmijin f’dan ir-Regolament u jappoġġaw objettivi oħra ta’ interess komuni, b’mod partikolari l-objettivi ta’ Ewropa 2020 (5). Dan jista’ jinkludi appoġġ għal proġetti li jinvolvu netwerks b’diversi setturi jew faċilitajiet fejn hija neċessarja għajnuna relattivament żgħira. Madankollu, eżenzjonijiet ta’ kategorija jistgħu jingħataw biss għal proġetti ta’ infrastruttura fejn il-Kummissjoni jkollha biżżejjed esperjenza biex tiddefinixxi kriterji ta’ kompatibbiltà ċari u stretti waqt li tiżgura li r-riskju ta’ distorsjoni potenzjali jkun limitat u li ammonti kbar jibqgħu soġġetti għal notifika skont l-Artikolu 108(3) tat-TFUE.

    (15)

    Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 994/98 għandu jiġi estiż biex jinkludi kategoriji ta’ għajnuna ġodda. Din l-inklużjoni ma taffettwax il-kwalifika ta’ miżura bħala għajnuna mill-Istat fil-kategoriji jew setturi fejn l-Istati Membri jkunu diġà attivi.

    (16)

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jirrikjedi li l-limiti għal kull kategorija ta’ għajnuna, li fir-rigward tagħha l-Kummissjoni tadotta regolament dwar eżenzjoni ta’ kategorija jiġu espressi jew f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna fir-rigward ta’ sett ta’ spejjeż eliġibbli jew f’termini ta’ ammonti massimi ta’ għajnuna. Din il-kundizzjoni tagħmilha diffiċli biex jiġu eżentati kategoriji ta’ ċerti tipi ta’ miżuri li jinvolvu l-għajnuna mill-Istat li, minħabba l-mod speċifiku li bih huma mfassla, ma jistgħux ikunu espressi preċiżament f’termini tal-intensitajiet ta’ għajnuna jew ammonti massimi ta’ għajnuna; bħal strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jew ċerti forom ta’ miżuri li huma mmirati biex jippromwovu l-investimenti ta’ kapital ta’ riskju. Dan partikolarment minħabba li miżuri kumplessi bħal dawn jistgħu jinvolvu għajnuna f’livelli differenti: (benefiċjarji differenti, benefiċjarji intermedjarji u benefiċjarji indiretti). Meta titqies l-importanza li dejjem qed tikber ta’ miżuri bħal dawn u l-kontribut tagħhom għall-objettivi tal-Unjoni, għandu jkun hemm aktar flessibilità biex ikun possibbli li jiġu eżentati. Għalhekk għandu jkun possibbli, fil-każ ta’ tali miżuri, li jiġu definiti l-limiti għal għotja partikolari ta’ għajnuna f’termini tal-livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat fi jew relatat ma’ dik il-miżura. Il-livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat jista’ jkun magħmul minn element ta’ appoġġ, li jista’ ma jkunx għajnuna mill-Istat, sakemm il-miżura tinkludi mill-inqas xi elementi li fihom għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u li mhumiex marġinali.

    (17)

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jesiġi li l-Istati Membri jipprovdu sommarji ta’ informazzjoni rigward l-għajnuna li tiġi implimentata minnhom, li tkun koperta minn regolament ta’ eżenzjoni. Il-pubblikazzjoni ta’ dawk is-sommarji hija neċessarja biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-miżuri adottati mill-Istati Membri. Il-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kien l-aktar mezz effettiv biex tiġi żgurata t-trasparenza fiż-żmien meta r-Regolament (KE) Nru 994/98 ġie adottat. Madankollu, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-midja elettronika ta’ komunikazzjoni, il-pubblikazzjoni tas-sommarji fuq is-sit web tal-Kummissjoni hija metodu aktar veloċi u aktar effettiv, bi trasparenza miżjuda għall-benefiċċju tal-partijiet interessati. Għaldaqstant, minflok ma jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, dawk is-sommarji għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

    (18)

    Bl-istess mod, abbozzi ta’ regolamenti u dokumenti oħra li jridu jiġu eżaminati mill-Kumitat Konsultattiv dwar l-Għajnuna mill-Istat skont ir-Regolament (KE) Nru 994/98 għandhom ikunu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni, minflok f’Il-Ġurnal Uffiċjali, sabiex tiġi żgurata aktar trasparenza u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv u d-dewmien fil-pubblikazzjoni.

    (19)

    Il-proċedura ta’ konsultazzjoni stabbilita fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 994/98 tipprevedi li l-Kumitat Konsultattiv dwar Għajnuna mill-Istat għandu jkun ikkonsultat qabel il-pubblikazzjoni ta’ abbozz ta’ regolament. Madankollu, fl-interess ta’ trasparenza akbar, l-abbozz ta’ regolament għandu jiġi ppubblikat fuq is-sit web tal-Kummissjoni fl-istess ħin li fih il-Kummissjoni tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv għall-ewwel darba.

    (20)

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 għandu għalhekk jiġi emendat kif jixraq,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 994/98 jiġi emendat kif ġej:

    (1)

    It-titolu tar-Regolament jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 994/98 tas-7 ta’ Mejju 1998 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċertu kategoriji ta’ għajnuna mill-Istat orizzontali”

    (2)

    L-Artikolu l jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    għajnuna favur:

    (i)

    intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

    (ii)

    riċerka, żvilupp u innovazzjoni;

    (iii)

    ħarsien tal-ambjent;

    (iv)

    impjieg u taħriġ;

    (v)

    konservazzjoni tal-kultura u l-patrimonju;

    (vi)

    tiswija tal-ħsara kkawżata minn diżastri naturali;

    (vii)

    it-tiswija tal-ħsara kkawżata minn ċerti kundizzjonijiet ħżiena ta’ temp fis-sajd;

    (viii)

    forestrija;

    (ix)

    promozzjoni ta’ prodotti tas-settur tal-ikel li mhumiex elenkati fl-Anness I tat-TFUE;

    (x)

    konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi marittimi u tal-ilma ħelu;

    (xi)

    sport;

    (xii)

    residenti ta’ reġjuni mbiegħda, għat-trasport, meta din l-għajnuna jkollha karattru soċjali u tingħata mingħajr diskriminazzjoni relata mal-identità ta’ min iġorr;

    (xiii)

    l-infrastruttura tal-broadband bażika, miżuri ta’ infrastruttura żgħar individwali li jkopru netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss, xogħlijiet tal-inġinerija ċivili relatati mal-broadband u infrastruttura tal-broadband passiva, f’żoni fejn jew ma hemmx tali infrastruttura jew fejn mhux probabbli li tiġi żviluppata tali infrastruttura fil-futur qrib;

    (xiv)

    infrastruttura b’appoġġ tal-objettivi elenkati f’(i) sa (xiii) u fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu u b’appoġġ għal objettivi oħra ta’ interess komuni, b’mod partikolari l-objettivi ta’ Ewropa 2020.”.

    (b)

    il-paragrafu (2)(c) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    limiti espressi f’termini ta’ intensitajiet ta’ għajnuna fir-rigward ta’ sett ta’ spejjeż eliġibbli jew f’termini ta’ ammonti massimi ta’ għajnuna jew, għal ċerti tipi ta’ għajnuna fejn tista’ tkun diffiċli li tiġi identifikata l-intensità tal-għajnuna jew l-ammont preċiż tal-għajnuna, b’mod partikolari strumenti ta’ inġinerija finanzjarja jew investimenti ta’ kapital ta’ riskju jew dawk ta’ natura simili, f’termini ta’ livell massimu ta’ appoġġ mill-Istat f’dik il-miżura jew relatat magħha, mingħajr preġudizzju għall-kwalifikazzjoni tal-miżuri kkonċernati fid-dawl tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE;”

    (3)

    L-Artikolu 3(2) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “2.   Meta jiġu implimentati sistemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali li ngħataw barra mill-qafas ta’ sistema, li jkunu ġew eżentati skont ir-regolamenti msemmijin fl-Artikolu 1(1), l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni, bil-għan li jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni, sommarji tal-informazzjoni dwar tali sistemi ta’ għajnuna jew tali għajnuna individwali li mhumiex koperti mis-sistemi ta’ għajnuna eżentati.”

    (4)

    L-Artikolu 8 jiġi emendat kif ġej:

    (a)

    il-paragrafu 1 (a) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    fl-istess waqt li jiġi ppubblikat kwalunkwe abbozz ta’ Regolament skont l-Artikolu 6;”;

    (b)

    fil-paragrafu 2, it-tieni sentenza tiġi sostitwita b’dan li ġej:

    “L-abbozzi u d-dokumenti li għandhom ikunu eżaminati għandhom jiġu annessi man-notifika u jistgħu jiġu ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni.”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Lulju 2013.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. ASHTON


    (1)  ĠU L 142, 14.5.1998, p. 1.

    (2)  ĠU L 223, 15.8.2006, p. 1.

    (3)  Komunikazzjoni mill-Kummissjoni - Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband (GU C 25, 26.1.2013, p. 1).

    (4)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Lulju 2003 fil-Kawża C-280/00, Altmark Trans GmbH u Regierungspräsidium Magdeburg vs Nahverkehrsgesellschaft Altmark GmbH ([2003] Ġabra I-7747).

    (5)  Ara r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2010/410/UE tat-13 ta’ Lulju 2010 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (ĠU L 191, 23.7.2010, p. 28) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjieg (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).


    Top