EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22022A1111(01)

TRADUZZJONI FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-PERÙ LI JISTABBILIXXI QAFAS GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TAR-REPUBBLIKA TAL-PERÙ F'OPERAZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

ST/14385/2021/INIT

ĠU L 292, 11.11.2022, p. 14–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

Related Council decision

11.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 292/14


TRADUZZJONI

FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-PERÙ LI JISTABBILIXXI QAFAS GĦALL-PARTEĊIPAZZJONI TAR-REPUBBLIKA TAL-PERÙ F'OPERAZZJONIJIET TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

L-UNJONI EWROPEA (l-"Unjoni" jew l-"UE")

minn naħa waħda, u

IR-REPUBBLIKA TAL-PERÙ (il-Perù)

min-naħa l-oħra,

minn hawn 'il quddiem imsejħa b'mod konġunt il-"Partijiet",

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU li fil-qafas tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha, l-Unjoni tista' tiddeċiedi li twettaq operazzjonijiet għall-immaniġġar ta' kriżijiet li jistgħu jinkludu l-kompiti stipulati fl-Artikoli 42(1) u 43(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (1), kif deċiż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (il-"Kunsill");

FILWAQT LI JIRRIKONOXXU l-importanza tal-paċi dinjija għall-iżvilupp tal-Istati kollha, u filwaqt li għadhom impenjati li jikkontribwixxu għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà fil-viċinat rispettiv tagħhom u fid-dinja b'mod aktar wiesa', abbażi tal-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

FILWAQT LI JQISU l-impenn bejn il-Partijiet biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet li jikkonċernaw is-sigurtà u d-difiża, u filwaqt li jirrikonoxxu li l-kapaċitajiet u l-abbiltajiet tal-forzi tas-sigurtà tal-Perù jistgħu jintużaw f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;

FILWAQT LI JIXTIEQU jistabbilixxu kondizzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Perù f'operazzjonijiet tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fi ftehim li jistabbilixxi qafas għal tali parteċipazzjoni futura possibbli, pjuttost milli jiddefinixxu dawk il-kondizzjonijiet każ b'każ għal kull operazzjoni kkonċernata;

FILWAQT LI JQISU li jenħtieġ li tali ftehim ikun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni, u jenħtieġ li ma jippreġudikax in-natura każ b'każ tad-deċiżjoni tal-Perù li jieħu sehem f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;

BILLI l-Unjoni ser tiddeċiedi jekk Stati terzi jiġux mistiedna jieħdu sehem f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Il-Perù jista' taċċetta l-istedina tal-Unjoni u joffri l-kontribut tiegħu. F'dak il-każ, l-Unjoni tiddeċiedi dwar jekk taċċettax il-kontribut propost;

FTIEHMU KIF ĠEJ:

TAQSIMA I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Deċiżjonijiet relatati mal-parteċipazzjoni

1.   Wara d-deċiżjoni tal-Unjoni li tistieden lill-Perù biex jieħu sehem f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, il-Perù għandu, fl-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, jikkomunika d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu rigward il-parteċipazzjoni tiegħu, inkluż il-kontribuzzjoni proposta tiegħu, lill-Unjoni.

2.   L-Unjoni għandha tipprovdi lill-Perù b'indikazzjoni bikrija tal-kontribuzzjoni probabbli għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni mill-aktar fis possibbli bil-ħsieb li tgħin lill-Perù fil-formulazzjoni tal-offerta tiegħu.

3.   Il-valutazzjoni mill-Unjoni tal-kontribuzzjoni proposta tal-Perù għandha ssir b'konsultazzjoni ma' dan tal-aħħar.

4.   L-Unjoni għandha tikkomunika bil-miktub lill-Perù l-eżitu tal-valutazzjoni u d-deċiżjoni tagħha dwar il-kontribuzzjoni proposta mill-Perù, bil-għan li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-Perù, f'konformità ma' dan il-Ftehim.

5.   Il-kontribuzzjoni proposta mill-Perù skont il-paragrafu 1, u l-aċċettazzjoni tiegħu mill-Unjoni skont il-paragrafu 4, għandhom jikkostitwixxu l-bażi għall-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għal kull operazzjoni speċifika għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

6.   Il-Perù jista', fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba tal-Unjoni, u wara konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet, jirtira kompletament jew parzjalment, fi kwalunkwe ħin, mill-parteċipazzjoni f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 2

Qafas

1.   Il-Perù għandu jassoċja ruħu mad-deċiżjoni rilevanti li biha l-Kunsill jiddeċiedi li l-Unjoni ser twettaq operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ma' kwalunkwe deċiżjonijiet oħra li biha l-Kunsill jiddeċiedi li jestendi operazzjoni għall-immaniġġar ta' kriżijiet, f'konformità ma' dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni meħtieġ.

2.   Il-kontribut tal-Perù għal operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.

Artikolu 3

L-istatus tal-persunal u tal-forzi tal-Perù

1.   L-istatus tal-persunal issekondat għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet u dak tal-persunal u tal-forzi kkontribwiti lil operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet mill-Perù għandu jkun irregolat mill-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-forzi jew il-ftehim rilevanti dwar l-istatus tal-missjoni, jekk dan il-ftehim jiġi konkluż, jew minn kwalunkwe arranġament ieħor bejn l-Unjoni u l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni. Il-Perù għandu jiġi infurmat b'dan.

2.   L-istatus tal-persunal mogħti lill-kwartieri ġenerali jew elementi ta' kmand li jinsabu barra l-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, għandu jiġi rregolat minn arranġamenti bejn il-kwartieri ġenerali u l-elementi ta' kmand ikkonċernati u l-awtoritajiet kompetenti tal-Perù.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-ftehim dwar l-istatus tal-forzi jew il-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fil-paragrafu 1, il-Perù għandu jeżerċita l-ġuriżdizzjoni fuq il-persunal tiegħu li jipparteċipa fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Fejn il-forzi tal-Perù joperaw abbord bastiment jew inġenju tal-ajru ta' Stat Membru tal-Unjoni, dak l-Istat Membru jista' jeżerċita ġuriżdizzjoni soġġett għal kwalunkwe ftehim eżistenti jew futur u f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu u d-dritt internazzjonali.

4.   Il-Perù għandu jkun responsabbli milli jirrispondi għal kwalunkwe pretensjoni marbuta mal-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li tiġi minn jew li tikkonċerna xi membru tal-persunal tiegħu u għandu jkun responsabbli biex iressaq kwalunkwe azzjoni, b'mod partikolari azzjoni legali jew dixxiplinarja, kontra kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu f'konformità mal-liġijiet u r-regolamenti tiegħu.

5.   Il-Partijiet jaqblu li jirrinunzjaw għal kwalunkwe pretensjoni, ħlief għal dawk kuntrattwali, kontra xulxin għal dannu fi, telf ta' jew distruzzjoni ta' assi ta' proprjetà ta', jew operati minn Parti jew oħra, jew għal korriment jew mewt ta' persunal ta' Parti jew oħra, li jirriżultaw mit-twettiq tad-doveri uffiċjali tagħhom konnessi mal-attivitajiet taħt dan il-Ftehim, ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja.

6.   Il-Perù jintrabat li jagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja għal pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li fiha jipparteċipa l-Perù, u li jagħmel dan meta jiffirma dan il-Ftehim.

7.   L-Unjoni tintrabat li tiżgura li l-Istati Membri tagħha jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja ta' kwalunkwe parteċipazzjoni futura tal-Perù f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u jagħmlu dan meta jiffirmaw dan il-Ftehim.

Artikolu 4

Informazzjoni klassifikata

1.   Il-Perù għandu jieħu miżuri adatti sabiex jiżgura li l-informazzjoni klassifikata tal-UE tkun protetta f'konformità mar-regoli ta' sigurtà tal-Kunsill għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE kif jinsabu fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2), u f'konformità ma' linji gwida oħrajn maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kmandant ta' Operazzjoni tal-UE fil-każ ta' operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, jew il-Kap tal-Missjoni fil-każ ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

2.   Fejn il-Partijiet jikkonkludu ftehim dwar proċeduri ta' sigurtà għall-iskambju ta' informazzjoni klassifikata, dak il-ftehim għandu japplika fil-kuntest ta' operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

TAQSIMA II

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR IL-PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET ĊIVILI GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 5

Persunal issekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet

1.   Il-Perù għandu:

(a)

jiżgura li l-persunal tiegħu ssekondat lil operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet iwettaq il-missjoni tiegħu f'konformità ma':

(i)

id-deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti u l-emendi sussegwenti tagħha kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(iii)

kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni applikabbli;

(iv)

kwalunkwe politika applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;

(b)

jinforma lill-Kmandant ta' Operazzjoni Ċivili tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tiegħu għall-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

2.   Il-persunal issekondat mill-Perù għal operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jagħmel eżami mediku, ikun imlaqqam u jkun iċċertifikat medikament b'saħħtu biex iwettaq dmirijietu mill-awtorità kompetenti tal-Perù, u jipproduċi kopja ta' dik iċ-ċertifikazzjoni.

3.   Il-persunal issekondat mill-Perù għandu jwettaq dmirijietu u jġib ruħu bil-ħsieb biss tal-interessi tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta' mġiba stipulati fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 6

Katina ta' kmand

1.   Il-persunal kollu parteċipanti f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jibqa' taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali lill-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE.

3.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni Ċivili tal-UE għandu jerfa' r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fil-livell strateġiku.

4.   Il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jerfa' r-responsabbiltà u jeżerċita l-kmand u l-kontroll tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet fuq il-post u jwettaq l-immaniġġar ta' kuljum tagħha.

5.   Il-Perù għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f'termini tal-immaniġġar ta' kuljum tal-operazzjoni bħall-Istati Membri tal-Unjoni li jkunu qed jieħdu sehem fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 2(1).

6.   Il-Kap tal-Missjoni tal-UE għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju tal-persunal tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet. Fejn meħtieġ, għandha tittieħed azzjoni dixxiplinarja mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

7.   Għandu jinħatar Punt ta' Kuntatt tal-Kontinġent Nazzjonali ("PKN") mill-Perù biex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni. Il-PKN għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni tal-UE dwar kwistjonijiet li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli mid-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tal-Perù.

8.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandha tittieħed mill-Unjoni, wara konsultazzjoni mal-Perù jekk il-Perù jkun għadu qiegħed jikkontribwixxi għal dik l-operazzjoni fid-data tat-terminazzjoni tagħha.

Artikolu 7

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8, il-Perù għandu jġarrab l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu f'operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet minbarra l-ispejjeż kurrenti, kif stipulat fil-baġit operazzjonali tal-operazzjoni.

2.   F'każ tal-mewt ta’, il-korriment ta’, it-telf ta’ jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà u kumpens possibbli mill-Perù għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet stabbiliti fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni applikabbli alternattiva.

Artikolu 8

Kontribuzzjoni għall-baġit operazzjonali

1.   Soġġett għall-paragrafu 4 ta' dan l-Artikolu, fejn il-Perù jkun iddeċieda li jipparteċipa f’ operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet f’konformità mal-Artikolu 1(5), il-Perù għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-baġit operazzjonali tal-operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet ikkonċernata.

2.   Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:

(a)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operazzjonali li jkun fi proporzjon għall-koeffiċjent tad-dħul nazzjonali gross (DNG) tal-Perù għat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-baġit operazzjonali tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ammont ta' referenza għall-baġit operazzjonali li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Perù parteċipanti fl-operazzjoni mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, il-Perù ma għandu jagħmel l-ebda kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' għotjiet per diem imħallsa lill-persunal tal-Istati Membri tal-Unjoni.

4.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Perù minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni ċivili partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tqis li l-Perù jipprovdi kontribuzzjoni sostanzjali li tkun essenzjali għal dik l-operazzjoni; jew

(b)

il-Perù jkollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' xi Stat Membru tal-Unjoni.

5.   Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġament dwar il-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Perù għall-baġit operazzjonali ta' operazzjoni ċivili tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandu jsir bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandu, fost l-oħrajn, jinkludi dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

il-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA III

DISPOŻIZZJONIJIET DWAR PARTEĊIPAZZJONI F'OPERAZZJONIJIET MILITARI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

Artikolu 9

Parteċipazzjoni f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet

1.   Il-Perù għandu:

(a)

jiżgura li l-forzi u l-persunal tiegħu parteċipanti f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet iwettqu l-missjoni tagħhom f'konformità ma':

(i)

id-deċiżjoni tal-Kunsill rilevanti u l-emendi sussegwenti tagħha kif imsemmija fl-Artikolu 2(1);

(ii)

il-Pjan tal-Operazzjoni;

(iii)

kwalunkwe arranġament ta' implimentazzjoni applikabbli; u

(iv)

kwalunkwe politika applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet;

(b)

jinforma lill-Kmandant ta' Operazzjoni tal-UE fi żmien xieraq bi kwalunkwe bidla fil-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

2.   Il-persunal issekondat mill-Perù għandu jwettaq dmirijietu u jġib ruħu bil-ħsieb biss tal-interessi tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, filwaqt li josserva l-ogħla standards ta' mġiba stipulati fil-politiki applikabbli għal operazzjonijiet militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet.

Artikolu 10

Katina ta' kmand

1.   Il-forzi u l-persunal kollha li jipparteċipaw f'operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet għandhom jibqgħu taħt il-kmand sħiħ tal-awtoritajiet nazzjonali tagħhom. Il-kmand operazzjonali għandu jiġi eżerċitat mill-uffiċjal tal-Forzi Armati Peruvjani maħtur għal dak il-għan.

2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu l-kontroll operazzjonali u l-kmand tattiku u/jew il-kontroll tattiku tal-forzi, l-assi u l-persunal tagħhom lill-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE, li huwa intitolat jiddelega l-awtorità tiegħu.

3.   Il-Perù għandu jkollu l-istess drittijiet u obbligi f'termini ta' maniġġar ta' kuljum tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet bħall-Istati Membri tal-Unjoni li jieħdu sehem fl-operazzjoni, f'konformità mal-istrumenti legali msemmijin fl-Artikolu 2(1).

4.   Il-Kmandant tal-Operazzjoni tal-UE jista', wara konsultazzjonijiet mal-Perù, fi kwalunkwe ħin jitlob l-irtirar tal-kontribuzzjoni mill-Perù.

5.   Għandu jinħatar rappreżentant militari għoli ("SMR") mill-Perù sabiex jirrappreżenta l-kontinġent nazzjonali tiegħu fl-operazzjoni militari tal-UE ta' għall-immaniġġar ta' kriżijiet. L-SMR għandu jikkonsulta mal-Kmandant tal-Forzi tal-UE dwar il-kwistjonijiet kollha li jaffettwaw l-operazzjoni u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina ta' kuljum tal-kontinġent tal-Perù.

6.   It-termini użati f’din it-Taqsima III għandhom jiġu applikati f'konformità mal-Glossarju ta' Akronimi u Definizzjonijiet tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea EUMC – Reviżjoni 2019.

Artikolu 11

Aspetti finanzjarji

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 12, il-Perù għandu jġarrab l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tiegħu fl-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet sakemm l-ispejjeż ma jkunux soġġetti għal finanzjament komuni kif previst fl-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 2(1), kif ukoll fid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 (3).

2.   F'każ tal-mewt ta’, il-korriment ta’, it-telf ta’ jew dannu lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Istat(i) li fih(om) titwettaq l-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, il-kwistjonijiet ta' responsabbiltà u kumpens possibbli mill-Perù għandhom jiġu rregolati mill-kondizzjonijiet stipulati fil-ftehim applikabbli dwar l-istatus tal-forzi msemmi fl-Artikolu 3(1) jew fi kwalunkwe dispożizzjoni alternattiva applikabbli.

Artikolu 12

Kontribuzzjoni għall-ispejjeż komuni

1.   Soġġett għall-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, fejn il-Perù jkun iddeċieda li jipparteċipa f’ operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet f’konformità mal-Artikolu 1(5), il-Perù għandu jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjoni militari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet ikkonċernata.

2.   Il-kontribuzzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kalkolata abbażi ta' waħda miż-żewġ formoli li ġejjin, skont liema tipproduċi l-ammont aktar baxx:

(a)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tad-DNG tal-Perù imqabbel mat-total tad-DNG tal-Istati kollha li jkunu qegħdin jikkontribwixxu għall-ispejjeż komuni tal-operazzjoni; jew

(b)

is-sehem tal-ispejjeż komuni li jkun ugwali għall-proporzjon tan-numru tal-persunal mill-Perù parteċipanti fl-operazzjoni meta mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-Istati kollha parteċipanti fl-operazzjoni.

Fejn tintuża l-formula taħt il-punt (b), u l-Perù jikkontribwixxi persunal għall-Kwartieri Ġenerali tal-Operazzjoni jew tal-Forza biss, il-proporzjon li jintuża għandu jkun dak tal-persunal tiegħu meta mqabbel man-numru totali tal-persunal tal-kwartieri ġenerali rispettivi. F'każijiet oħra, il-proporzjon għandu jkun dak tal-persunal kollu kkontribwit mill-Perù meta mqabbel mat-total tal-persunal tal-operazzjoni.

3.   Minkejja l-paragrafu 1, l-Unjoni għandha, fil-prinċipju, teżenta lill-Perù minn kontribuzzjonijiet finanzjarji għal operazzjoni militari partikolari tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet meta:

(a)

l-Unjoni tqis li l-Perù jipprovdi kontribuzzjoni sostanzjali li tkun essenzjali għal din l-operazzjoni; jew

(b)

il-Perù ikollu DNG per capita li ma jaqbiżx dak ta' xi Stat Membru tal-Unjoni.

4.   Soġġett għall-paragrafu 1, kwalunkwe arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjonijiet tal-Perù għall-ispejjeż komuni għandhom isiru bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u għandhom, fost l-oħrajn, jinkludu dispożizzjonijiet dwar:

(a)

l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja kkonċernata;

(b)

l-arranġamenti għall-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja; u

(c)

l-proċedura tal-awditjar.

TAQSIMA IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Arranġamenti biex jiġi implimentat il-Ftehim

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 8(5) u 12(4), kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ biex issir l-implementazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet.

Artikolu 14

Awtoritajiet kompetenti

Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim, u sakemm ma jiġix innotifikat mod ieħor lill-Unjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Perù għandhom ikunu l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.

Artikolu 15

Nonkonformità

Jekk kwalunkwe waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma mal-obbligi tagħha skont dan il-Ftehim, il-Parti l-oħra għandu jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim permezz ta' avviż bil-miktub ta' xahar.

Artikolu 16

Riżoluzzjoni ta' tilwim

Tilwim li jikkonċerna l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b'mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ, tul ta' żmien u terminazzjoni

1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tal-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri legali interni meħtieġa għad-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim.

2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi rivedut fuq it-talba ta' kwalunkwe Parti.

3.   Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat abbażi ta' ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-Partijiet. L-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ f'konformità mal-proċedura stipulata fil-paragrafu 1.

4.   Dan il-Ftehim jista' jiġi terminat minn kwalunkwe Parti b'notifika bil-miktub ta' terminazzjoni mogħtija lill-Parti l-oħra. Tali terminazzjoni għandha ssir effettiva sitt xhur wara li l-Parti l-oħra tirċievi n-notifika.

B'XHIEDA TA' DAN, is-sottoskritti, awtorizzati debitament għal dan il-għan, iffirmaw dan il-Ftehim.

Magħmul fi Brussell, fl-14 ta’ Ottubru 2022, duplikament bl-Ingliż u l-Ispanjol, biż-żewġ testi ugwalment awtentiċi.

Għall-Unjoni Ewropea

 

Għar-Repubblika tal-Perù

 


(1)  Ippubblikat fit-30 ta' Marzu 2010 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, C 83, Volum 53.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/509 tat-22 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 (ĠU L 102, 24.3.2021, p. 14).


DIKJARAZZJONI MILL-ISTATI MEMBRI TAL-UNJONI LI TAPPLIKA DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL DWAR OPERAZZJONI TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET LI FIHA TIPPARTEĊIPA R-REPUBBLIKA TAL-PERÙ, RIGWARD IR-RINUNZJA TA' PRETENSJONIJIET

"L-Istati Membri tal-Unjoni li japplikaw deċiżjoni tal-Kunsill dwar operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li fiha jipparteċipa l-Perù ser jagħmlu ħilithom, sa fejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, biex jirrinunzjaw sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra l-Perù rigward il-korriment jew mewt tal-persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta' kwalunkwe assi ta' proprjetà tagħhom u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kien ikkawżat minn persunal, ikkontribwit mill-Perù lil operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' dik l-operazzjoni, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà tal-Perù, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni mal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal ikkontribwit mill-Perù lill-operazzjoni, li kien qed juża dawk l-assi.".


DIKJARAZZJONI MIR-REPUBBLIKA TAL-PERÙ RIGWARD IR-RINUNZJA GĦAL PRETENSJONIJIET KONTRA KWALUNKWE STAT PARTEĊIPANTI F'OPERAZZJONIJIET TAL-UE GĦALL-IMMANIĠĠAR TA' KRIŻIJIET

"Il-Perù, wara li qabel li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, ser jagħmel ħiltu, sa fejn is-sistema legali interna tiegħu tippermetti, biex jirrinunzja sa fejn ikun possibbli għal kwalunkwe pretensjoni kontra kwalunkwe Stat li jipparteċipa f'operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet rigward il-korriment jew mewt tal-persunal tiegħu jew ħsara lil, jew telf ta' kwalunkwe assi proprjetà tiegħu u użati mill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

kien ikkawżat minn persunal ikkontribwiet minn kwalunkwe Stat parteċipanti lill-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, fit-twettiq tad-doveri tagħhom b'konnessjoni ma' dik l-operazzjoni, ħlief f'każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja; jew

irriżulta mill-użu ta' kwalunkwe assi li jkunu l-proprjetà ta' Stati parteċipanti fl-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet, dment li l-assi jkunu ntużaw b'konnessjoni ma' dik l-operazzjoni u ħlief fil-każ ta' negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja minn persunal tal-operazzjoni tal-UE għall-immaniġġar ta' kriżijiet li kien qed juża dawk l-assi.".


Top