Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023D1811

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1811 tal-20 ta’ Settembru 2023 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 billi tistabbilixxi l-programm tal-kontrolli tal-Kummissjoni għall-2024 fl-Istati Membri biex jivverifika l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari

    C/2023/6259

    ĠU L 234, 22.9.2023, p. 196–199 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/1811/oj

    22.9.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 234/196


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1811

    tal-20 ta’ Settembru 2023

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 billi tistabbilixxi l-programm tal-kontrolli tal-Kummissjoni għall-2024 fl-Istati Membri biex jivverifika l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 118(1), il-punt (b), tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-responsabbiltà għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari hi f’idejn l-Istati Membri, u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jimmonitorjaw u jivverifikaw, permezz tal-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali, li r-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni qed jiġu osservati u infurzati b’mod effettiv. B’mod paralleli ma’ dak il-monitoraġġ u dik il-verifika, l-Artikolu 116 tar-Regolament (UE) 2017/625 jeżiġi li l-esperti tal-Kummissjoni jagħmlu kontrolli fl-Istati Membri, inkluż awditi, biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawk il-kontrolli tal-Kummissjoni jenħtieġ li jsiru fl-oqsma tas-sikurezza tal-ikel u tal-għalf, tas-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, tas-saħħa tal-pjanti, tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u tal-funzjonament tas-sistemi tal-kontroll nazzjonali u tal-awtoritajiet kompetenti, li jħaddmuhom, filwaqt li jitqiesu s-sinerġiji mal-arranġamenti tal-kontroll skont il-politika agrikola komuni.

    (2)

    Fil-Kapitoli 1 sa 10 tal-Anness tagħha, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1550 (2) stabbiliet programm pluriennali tal-kontrolli li jridu jwettqu l-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari għall-perjodu 2021-2025, b’mod allinjat mal-mandat tal-Kummissjoni u li jirrifletti l-prijoritajiet tagħha.

    (3)

    F’konformità mal-Artikolu 118(1), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2017/625, il-Kapitolu 11 tal-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 li jistabbilixxi l-programm tal-kontrolli tal-Kummissjoni għas-sena ta’ wara jenħtieġ li jintbagħat lill-Istati Membri sal-aħħar ta’ kull sena. Il-Kapitolu 11 jenħtieġ li jiġi aġġornat biex ikun jirrifletti l-programm tal-kontrolli tal-Kummissjoni ppjanati għall-2024.

    (4)

    Għalhekk, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 jenħtieġ litiġi emendata skont dan.

    (5)

    Peress li din l-emenda tikkonċerna l-programm annwali tal-kontrolli għall-2024, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2024, id-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tiġi differita biex tikkoinċidi ma’ dik id-data,”

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 hu emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2024.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Settembru 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1550 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi l-programm pluriennali ta’ kontrolli għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2025 li għandhom jitwettqu mill-esperti tal-Kummissjoni fl-Istati Membri biex jivverifikaw l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-katina agroalimentari (ĠU L 354, 26.10.2020, p. 9).


    ANNESS

    L-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1550 hu emendat kif ġej:

    (1)

    Fis-sitt paragrafu, it-tieni sentenza hi sostitwita b’dan li ġej:

    “Il-Kapitolu 11 jistabbilixxi l-programm tal-kontrolli għall-2024.”.

    (2)

    Il-Kapitolu 11 hu sostitwit b’dan li ġej:

    “11.   Programm tal-kontrolli għall-2024

    Qasam

    Qasam ta’ prijorità

    Fokus fl-2024

    Ikel u sikurezza tal-ikel

    Ikel li joriġina mill-annimali

    Sikurezza tal-laħam tal-mammiferi u tal-għasafar u tal-prodotti tagħhom

    Sikurezza tal-ħalib u tal-prodotti tiegħu

    Sikurezza tal-prodotti tas-sajd

    Ikel li ma joriġinax mill-annimali

    Sikurezza mikrobijoloġika

    Residwi f’annimali ħajjin u f’ikel li joriġina mill-annimali

    Sikurezza kimika – residwi

    Għalf u sikurezza tal-għalf

    Sikurezza tal-għalf

    Iġjene ġenerali tal-għalf (inkluż l-għalf medikat)

    Prodotti sekondarji mill-annimali u prodotti derivati

    Saħħa tal-annimali

    Mard tal-Kategorija A skont ir-Regolament (UE) 2016/429

    Deni Afrikan tal-ħnieżer

    Influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja

    Ġidri tan-nagħaġ u tal-mogħoż

    Mard tal-Kategoriji B u C skont ir-Regolament (UE) 2016/429

    Mard tal-ħut

    Sistema tal-monitoraġġ għall-mard tal-kategoriji B u C

    Tħejjija u prevenzjoni

    Ippjanar ta’ kontinġenza kopert bl-awditjar tad-deni Afrikan tal-ħnieżer u tal-influwenza avjarja b’patoġeniċità għolja

    Trattament xieraq tal-annimali

    Fl-azjenda agrikola

    Dundjani

    Ħut (inkluż il-qatla u t-trasport)

    Saħħa tal-pjanti

    Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti

    Tifqigħat ta’ pesti tal-pjanti li jippreżentaw theddida sinifikanti

    Moviment ta’ pjanti, prodotti tal-pjanti u oġġetti oħra fl-Unjoni

    Passaporti tal-pjanti

    Tħejjija u prevenzjoni

    Programmi ta’ stħarriġ dwar is-saħħa tal-pjanti

    PPP u SUD

    Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPP)

    Sikurezza kimika (awtorizzazzjoni, kummerċjalizzazzjoni u użu tal-pestiċidi, pestiċidi illegali, residwi tal-pestiċidi)

    Kwalità tal-ikel

    Biedja organika

    Biedja organika

    Dħul fl-Unjoni ta’ annimali u oġġetti minn pajjiżi terzi

    Kontrolli uffiċjali fuq l-annimali u l-oġġetti

    Annimali u merkanzija

    AMR

    Monitoraġġ tar-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) fil-batterji żoonotiċi u kommensali

    AMR fil-batterji żoonotiċi u kommensali

    Aspetti ġenerali fil-katina agroalimentari

    Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar

    Segwitu ġenerali u settorjali tar-rakkomandazzjonijiet tal-awditi

    Organiżmi modifikati ġenetikament (GMOs)

    GMOs

    Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, problemi emerġenti u żviluppi ġodda

    Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, problemi emerġenti u żviluppi ġodda”


    Top