Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32023R1033

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1033 tal-25 ta’ Mejju 2023 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1081 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    C/2023/3365

    ĠU L 139, 26.5.2023, p. 44–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/1033/oj

    26.5.2023   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 139/44


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/1033

    tal-25 ta’ Mejju 2023

    li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1081 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tiegħu, u r-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 24(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1080 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3)

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1081 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4),

    Billi:

    1.   MIŻURI FIS-SEĦĦ

    1.1.   Dazju anti-dumping

    (1)

    Permezz tar-Regolament (UE) Nru 470/2014 (5) (ir-regolament anti-dumping oriġinali), il-Kummissjoni imponiet dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    (2)

    Permezz tar-Regolament (UE) 2015/1394 (6), wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (7), il-Kummissjoni emendat il-livell tad-dazju anti-dumping impost mir-regolament anti-dumping oriġinali.

    (3)

    Permezz tar-Regolament (UE) 2020/1080 (8), il-Kummissjoni pprorogat, wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036, id-dazju anti-dumping definittiv għal ħames snin oħra (“il-miżuri fis-seħħ”). Il-miżuri fis-seħħ ivarjaw bejn is-17,5 % u l-75,4 %.

    1.2.   Dazji kumpensatorji

    (4)

    Permezz tar-Regolament (UE) Nru 471/2014 (9) (“ir-regolament antisussidju oriġinali”), il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

    (5)

    Permezz tar-Regolament (UE) 2020/1081 (10), il-Kummissjoni pprorogat, wara riezami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037, id-dazji kumpensatorji definittivi għal ħames snin oħra (“il-miżuri fis-seħħ”). Il-miżuri fis-seħħ ivarjaw bejn it-3,2 % u l-17,1 %.

    1.3.   Prodott soġġett għall-miżuri

    (6)

    Il-prodott soġġett għall-miżuri anti-dumping u kumpensatorji huwa ddefinit bħala ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b ’ kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (komunement imsejjaħ “ħġieġ solari”).

    (7)

    Dan il-prodott soġġett għall-miżuri huwa użat l-aktar bħala wieħed mill-komponenti biex isiru l-moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u l-moduli fotovoltajċi b’rita rqiqa għall-produzzjoni tal-elettriku (“moduli fotovoltajċi”), kif ukoll kolletturi tal-enerġija fototermika ċatti użati, pereżempju, biex jiġi ġġenerat il-misħun (“moduli fototermiċi”).

    (8)

    Madankollu, il-prodott soġġett għall-miżuri huwa ddefinit bir-referenza għall-karatteristiċi fiiċi u tekniċi tiegħu, u mhux b’xi użu speċifiku. Kull esklużjoni minħabba l-użu finali tista’ twassal għal ċirkomvenzjoni tal-miżrui. Għalhekk, il-ħġieġ kollu li għandu karatteristiċi fiżiċi u tekniċi msemmijin fil-Premessa (6) huwa kopert mill-miżuri, irrispettivament mill-użu tiegħu. Il-fatt li hu kopert il-ħġieġ li jintuża għal skopijiet oħra, bħall-bini tas-serer u għall-għamara, ġie ċċarat fir-regolamenti anti-dumping u kumpensatorji oriġinali (11).

    2.   Kjarifika dwar il-prodott soġġett għall-miżuri

    (9)

    Skont il-prassi leġiżlattiva standard ikkonfermata mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-premessi tad-dritt tal-Unjoni huma mezzi ta’ interpretazzjoni. L-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tfittex iċ-ċarezza fid-dawl tal-għan tiegħu espress oġġettivament. Din trid tagħti effett lill-għan u lill-ispirtu tal-leġiżlazzjoni, u tqis il-kuntest u l-objettivi ġenerali tagħha. Peress li l-Kummissjoni ġiet infurmata li l-awtoritajiet tal-Istati Membri sabu diffikultajiet biex jinterpretaw il-iskop tal-prodott tar-regolament anti-dumping u antisussidju oriġinali, b’dan qed tfittex ċarezza ulterjuri fil-kwistjoni.

    (10)

    Għaldaqstant, sabiex tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni uniformi tal-miżuri fis-seħħ, il-Kummissjoni dehrilha xieraq li temenda l-parti operattiva tar-Regolament (UE) 2020/1080 u r-Regolament 2020/1081 biex tinkludi espliċitament kjarifikazzjoni tal-prodott soġġett għall-miżuri sa mill-adozzjoni oriġinali tagħhom.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1080 huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-ħġieġ solari soġġett għad-dazju anti-dumping jinkludi l-ħġieġ kollu li jissodisfa l-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi msemmijin hawn fuq, sew jekk jintuża għall-moduli fotovoltajċi, għall-kolletturi tal-enerġija fototermika ċatti, għall-għamara, biex jinbnew is-serer, sew għal użi oħra”.

    Artikolu 2

    L-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1081 huwa sostitwit bit-test li ġej:

    “Qed jiġi impost dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari magħmul minn ħġieġ ċatt ittemprat bil-ġir tas-soda, b’kontenut tal-ħadid ta’ anqas minn 300 ppm, trażmittanza solari ta’ aktar minn 88 % (imkejla skont l-AM1,5 300-2 500 nm), reżistenza għas-sħana sa 250 °C (imkejla skont l-EN 12150), reżistenza għal xokkijiet termali ta’ Δ 150 K (imkejla skont l-EN 12150) u li jkollu saħħa mekkanika ta’ 90 N/mm2 jew aktar (imkejla skont l-EN 1288-3), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7007 19 80 (kodiċijiet TARIC 7007198012, 7007198018, 7007198080 u 7007198085) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-ħġieġ solari soġġett għad-dazju kumpensatorju jinkludi l-ħġieġ kollu li jissodisfa l-karatteristiċi tekniċi u fiżiċi msemmijin hawn fuq, sew jekk jintuża għall-moduli fotovoltajċi, għall-kolletturi tal-enerġija fototermika ċatti, għall-għamara, biex jinbnew is-serer, sew għal użi oħra”.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2023.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55.

    (3)  ĠU L 238, 23.7.2020, p. 1.

    (4)  ĠU L 238, 23.7.2020, p. 43.

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 470/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazju antidumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1394 tat-13 ta’ Awwissu 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 470/2014, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/588, li jimponi dazju anti-dumping u ġbir definittiv tad-dazju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara investigazzjoni mill-ġdid ta’ assorbiment skont l-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 215, 14.8.2015, p. 42).

    (7)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

    (8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1080 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 238, 23.7.2020, p. 1).

    (9)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 471/2014 tat-13 ta’ Mejju 2014 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ħġieġ solari li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 142, 14.5.2014, p. 23).

    (10)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1081 tat-22 ta’ Lulju 2020 li jimponi dazji kumpensatorji definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-ħġieġ solari li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 238, 23.7.2020, p. 43).

    (11)  It-Taqsima B.2 tar-regolament anti-dumping oriġinali u t-Taqsima B.3 tar-regolament antisussidju oriġinali.


    Top