EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0991

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/991 tat-13 ta’ Mejju 2020 li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

C/2020/3005

ĠU L 221, 10.7.2020, p. 64–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Imħassar b' 32021R0760

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/991/oj

10.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 221/64


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/991

tat-13 ta’ Mejju 2020

li jiftaħ u jipprevedi l-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-punti (a) sa (d) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 187 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (“il-Ftehim”) ġie approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/753 (2). L-Artikolu 2.7 tal-Ftehim jipprevedi, b’mod partikolari, it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq oġġetti li joriġinaw fil-Parti l-oħra f’konformità mal-Iskedi stipulati fl-Anness 2-A tiegħu.

(2)

F’konformità mal-punti 5 sa 10 tas-Subtaqsima 1 tat-Taqsima B tal-Anness 2-A tal-Ftehim, l-Unjoni għandha tiftaħ kwoti tar-rati tariffarji għall-importazzjoni ta’ 80 000 tunnellata ross li joriġina fil-Vjetnam.

(3)

Konsegwentement, jenħtieġ li jinfetħu kwoti tariffarji għall-importazzjoni ta’ ross li joriġina fil-Vjetnam. Sabiex tiġi żgurata ġestjoni tajba ta’ dawn il-kwoti tariffarji, l-importazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-ħruġ ta’ liċenzji tal-importazzjoni, li għalihom jenħtieġ li tiġi ppreżentata garanzija. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tamministra dawn il-kwoti tariffarji skont il-metodu msemmi fl-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Barra minn hekk, jenħtieġ li japplikaw ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 (3), (KE) Nru 1342/2003 (4) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 (5), sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament.

(4)

Biex l-importazzjonijiet taħt dawk il-kwoti tariffarji jitwaqqfu milli jfixklu l-kummerċjalizzazzjoni normali ta’ ross imkabbar fl-Unjoni, il-perjodu ta’ kwota jenħtieġ li jinqasam f’subperjodi għal kull kwota separata u l-importazzjonijiet jenħtieġ li jinqasmu bejn dawn is-subperjodi sabiex ikunu jistgħu jiġu assorbiti b’mod aktar faċli mis-suq tal-Unjoni.

(5)

Sabiex tiġi żgurata l-amministrazzjoni korretta ta’ dawn il-kwoti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti d-dati ta’ skadenza għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u li tiġi speċifikata l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-applikazzjonijiet u fil-liċenzji. Jenħtieġ li l-piż tal-prodott jiġi indikat separatament għar-ross bla ħliefa u mitħun sabiex ikun konformi mar-rekwiżit stabbilit fil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika relatat mal-metodu għall-kalkolu tad-dazji applikati għar-ross bla ħliefa (6), konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE (7) u fil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u t-Tajlandja skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 relatat mal-modifika tal-konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL tal-KE annessa mal-GATT 1994 (8), konkluża permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/953/KE (9).

(6)

L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni u għan-notifiki mill-Istati Membri dwar il-kwantitajiet koperti b’dawn l-applikazzjonijiet jenħtieġ li jirreferu għall-piż reali tal-prodott f’kilogrammi. Għalhekk, il-Kummissjoni se tittrasforma l-kwantitajiet notifikati fit-tip ta’ ekwivalenti speċifikat għal kull kwota, li jew huwa ekwivalenti għal ross bla ħliefa jew ekwivalenti għal ross mitħun, sabiex jiġi vverifikat jekk jaqbiżx il-kwota u, jekk ikun il-każ, tikkalkula l-koeffiċjent tal-allokazzjoni.

(7)

Il-Protokoll 1 tal-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva jistabbilixxi r-regoli li għandhom jiġu applikati fir-rigward tal-prova tal-oriġini. Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-preżentazzjoni ta’ prova tal-oriġini skont dak il-Protokoll.

(8)

Fl-interess ta’ amministrazzjoni effiċjenti, meta jinnotifikaw lill-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jużaw is-sistemi ta’ informazzjoni previsti fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 (10).

(9)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-ftuħ u l-immaniġġjar tal-kwoti tariffarji

1.   Il-kwoti tariffarji tal-importazzjoni li ġejjin għar-ross li joriġina fil-Vjetnam għandhom ikunu miftuħa kull sena mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru:

(a)

20 000 tunnellata metrika espressi f’ross bla ħliefa ekwivalenti għal ross kopert mis-subintestaturi tas-SA ex1006 10 jew 1006 20. Din il-kwota ġġib in-numru tas-serje 09.4729;

(b)

30 000 tunnellata metrika ross kopert mis-subintestatura tas-SA 1006 30 espressi f’ekwivalenti ta’ ross mitħun. Din il-kwota ġġib in-numru tas-serje 09.4730;

(c)

30 000 tunnellata metrika espressi f’ekwivalenti ta’ ross mitħun kopert mis-subintestaturi tas-SA ex1006 10 jew 1006 20 jew 1006 30 u li jappartjenu għal waħda mill-varjetajiet ta’ ross fragranti elenkati fl-Anness I. Din il-kwota ġġib in-numru tas-serje 09.4731.

Il-volumi kollha tal-kwota msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinqasmu f’subperjodi kif stabbilit fl-Anness I.

2.   Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, għas-sena tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-perjodu tal-kwota jinbeda mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru tal-istess sena.

3.   Għas-sena 1 ta’ kull kwota tariffarja tal-importazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-volum ta’ dik il-kwota tariffarja għandu jiġi kkalkulat billi jiġi skontat il-volum li jikkorrispondi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim.

4.   Ir-rata tad-dazju fuq l-importazzjoni fil-limiti tal-kwoti tariffarji msemmija fil-paragrafu 1 hija ta’ EUR 0 għal kull tunnellata.

5.   Għandhom japplikaw ir-rati ta’ konverżjoni bejn ross bil-ħliefa, ross bla ħliefa, ross nofsu mitħun u ross mitħun imsemmi fl-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1312/2008 (11).

6.   Il-kwoti tariffarji msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu amministrati skont il-metodu msemmi fl-Artikolu 184(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

7.   Għandhom japplikaw ir-Regolamenti (KE) Nru 1301/2006, (KE) Nru 1342/2003 u r-Regolament Delegat (UE) 2016/1237, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 2(4) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Applikazzjonijiet għal-liċenzji ta’ importazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għandhom jitressqu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fi żmien l-ewwel sebat ijiem kalendarji ta’ kull xahar matul il-perjodu tal-kwota tariffarja, ħlief f’Diċembru fejn ma tiġi ppreżentata l-ebda applikazzjoni. L-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni li huma validi mill-1 ta’ Jannar għandhom jitressqu bejn it-23 u t-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ qabel. Kull applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni għandha tirreferi għal numru tal-ordni wieħed biss u għal kodiċi tan-NM wieħed biss. Id-deskrizzjoni tal-prodotti u l-kodiċi tan-NM tagħhom huma msemmija fit-Taqsimiet 15 u 16 tal-applikazzjoni tal-liċenzja rispettivament.

2.   Kull applikazzjoni għal liċenzja tal-importazzjoni għandha tindika kwantità l-piż tal-prodott speċifikat għan-numru tal-ordni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1). Dan għandu jiġi espress f’kilogrammi aġġustati ’l isfel għall-eqreb unità għal kull kodiċi tan-NM.

3.   It-Taqsima 8 tal-applikazzjoni għal-liċenzja ta’ importazzjoni għandu jkun hemm l-isem “Viet-nam” jew “Vietnam” u salib fil-kaxxa “Iva”. Il-liċenzji huma validi biss għall-prodotti li joriġinaw fil-Vjetnam. Għandha tiġi ppreżentata prova tal-oriġini kif definit fl-Artikolu 15(2) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera.

4.   Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006, l-applikanti jistgħu jissottomettu sa applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni waħda fix-xahar għall-istess numru tal-ordni tal-kwota.

5.   Mat-tressiq tal-applikazzjoni għal-liċenzja tal-importazzjoni għandha tiġi ddepożitata garanzija ta’ EUR 30 għal kull tunnellata.

Artikolu 3

Il-koeffiċjent tal-allokazzjoni u l-ħruġ tal-liċenzja tal-importazzjoni

1.   Kull liċenzja tal-importazzjoni għandha tinħareġ f’piż tal-prodott għal kull numru tal-ordni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1), suġġett għall-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Fejn l-informazzjoni notifikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 tindika li l-kwantitajiet koperti bl-applikazzjonijiet għal-liċenzja jaqbżu l-kwantitajiet disponibbli għas-subperjodu tal-kwota tariffarja tal-importazzjoni, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi koeffiċjent tal-allokazzjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1301/2006. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tittrasforma l-kwantitajiet f’piż tal-prodott notifikati mill-Istati Membri fi kwantitajiet fit-tip ta’ ekwivalenti speċifikat għal kull numru tal-ordni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-Regolament.

Il-koeffiċjent ta’ allokazzjoni għandu jiġi ppubblikat, permezz ta’ pubblikazzjoni fuq il-web xierqa, sa mhux aktar tard mit-22 ta’ kull xahar. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-kwantitajiet disponibbli fir-rigward tas-subperjodu sussegwenti. Meta l-applikazzjoni tkun tressqet bejn it-23 u t-30 ta’ Novembru, il-koeffiċjent tal-allokazzjoni għandu jiġi ppubblikat sa mhux aktar tard mill-14 ta’ Diċembru.

3.   Kull liċenzja tal-importazzjoni għandha tinħareġ għall-kwantitajiet f’piż tal-prodott għal kull numru tal-ordni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1), ikkalkulat billi l-kwantitajiet fl-applikazzjonijiet tal-liċenzji ta’ importazzjoni jiġu mmultiplikati bil-koeffiċjent tal-allokazzjoni. Il-kwantità li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-koeffiċjent tal-allokazzjoni għandha tiġi aġġustata ’l isfel għall-eqreb unità.

4.   Il-liċenzji għandhom jinħarġu wara li l-Kummissjoni tippubblika l-koeffiċjent tal-allokazzjoni u qabel l-aħħar tax-xahar.

5.   Il-liċenzji li huma validi mill-1 ta’ Jannar għandhom jinħarġu fil-perjodu bejn il-15 u l-31 ta’ Diċembru tas-sena ta’ qabel.

Artikolu 4

Validità tal-liċenzji tal-importazzjoni

1.   Il-liċenzji tal-importazzjoni għandhom ikunu validi:

(a)

mill-ewwel jum kalendarju tax-xahar wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jitressqu matul il-perjodu tal-kwota tariffarja sa tmiem il-perjodu tal-kwota tariffarja;

(b)

mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara fil-każ ta’ applikazzjonijiet li jitressqu bejn it-23 u t-30 ta’ Novembru tas-sena ta’ qabel.

2.   Il-volumi tal-kwoti tariffarji jinqasmu f’subperjodi, u l-liċenzji maħruġa kull xahar jibqgħu validi għal erba’ xhur, iżda għandhom jiskadu mhux aktar tard minn meta jintemm il-perjodu tal-kwota tariffarja.

3.   Jekk il-perjodu ta’ validità ta’ liċenzja tal-importazzjoni għall-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1(1) jiġi estiż minħabba force majeure kif previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 (12), l-estensjoni m’għandhiex taqbeż il-perjodu tal-kwota tariffarja.

Artikolu 5

Awtentiċità taċ-ċertifikat

1.   Iċ-ċertifikat ta’ awtentiċità maħruġ minn korp kompetenti tal-Vjetnam elenkat fl-Anness II, li jiddikjara li r-ross jappartjeni għal waħda mill-varjetajiet speċifiċi ta’ ross fragranti stabbilit fl-Anness I, għandu jitfassal fuq formola skont il-kampjun stabbilit fl-Anness III.

Il-formoli għandhom ikunu stampati u kkompletati bl-Ingliż.

2.   Kull ċertifikat ta’ awtentiċità għandu jkollu numru tas-serje fil-kaxxa ta’ fuq nett fuq in-naħa tal-lemin. Il-kopji għandu jkollhom l-istess numru tal-oriġinal.

3.   Iċ-ċertifikat ta’ awtentiċità għandu jkun validu għal 120 jum mid-data tal-ħruġ.

Għandu jkun validu biss jekk il-kaxxi jkunu mimlija kif suppost u jkun iffirmat.

Iċ-ċertifikati tal-awtentiċità għandhom jitqiesu li ġew ffirmati sewwa jekk ikunu jinkludu d-data u l-post tal-ħruġ kif ukoll it-timbru tal-awtorità emittenti u l-firma tal-persuna jew tal-persuni awtorizzati li jiffirmawhom.

4.   Iċ-ċertifikat ta’ awtentiċità għandu jiġi ppreżentat lill-awtoritajiet doganali sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mill-kwota tariffarja għan-numru tas-serje 09.4731.

Il-korp kompetenti tal-Vjetnam elenkat fl-Anness II, għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b’kull informazzjoni rilevanti, li tista’ tassisti fil-verifika tal-informazzjoni li tinsab fiċ-ċertifikati tal-awtentiċità, b’mod partikolari kampjuni tat-timbri li tkun użat.

Artikolu 6

Prova tal-oriġini

Ir-rilaxx tal-prodotti f’ċirkolazzjoni libera fl-Unjoni għandu jkun soġġett għall-preżentazzjoni ta’ prova tal-oriġini lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 15(2) tal-Protokoll 1 tal-Ftehim. Il-prova tal-oriġini għandha tkun ċertifikat tal-oriġini jew dikjarazzjoni fuq fattura, nota ta’ konsenja jew dokument kummerċjali ieħor, li jiddeskrivi l-prodotti kkonċernati f’biżżejjed dettall sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati.

Artikolu 7

Notifiki tal-kwantitajiet lill-Kummissjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali għal kull kodiċi tan-NM koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għal kull kwota tariffarja msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

qabel l-14-il jum ta’ xahar, meta l-applikazzjonijiet għal liċenzja jitressqu fl-ewwel sebat ijiem kalendarji ta’ xahar;

(b)

qabel is-6 ta’ Diċembru, meta l-applikazzjonijiet għal liċenzja jitressqu mit-23 sat-30 ta’ Novembru.

2.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet totali koperti mill-applikazzjonijiet għal-liċenzji tal-importazzjoni għal kull kwota tariffarja msemmija fl-Artikolu 1(1):

(a)

qabel l-aħħar jum tax-xahar, fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għal kwota tariffarja jitressqu fl-ewwel sebat ijiem kalendarji tax-xahar;

(b)

qabel il-31 ta’ Diċembru, fejn l-applikazzjonijiet għal-liċenzji għal kwota tariffarja jitressqu mit-23 sat-30 ta’ Novembru.

3.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet mhux użati koperti mil-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa fi żmien erba’ xhur wara l-iskadenza tal-perjodu ta’ validità tal-liċenzji kkonċernati. Il-kwantitajiet mhux użati għandhom jikkorrispondu għad-differenza bejn il-kwantitajiet imniżżla fuq wara tal-liċenzji tal-importazzjoni jew tal-esportazzjoni u l-kwantitajiet li għalihom ikunu nħarġu dawk il-liċenzji.

4.   Waqt l-aħħar subperjodu, il-kwantitajiet mhux użati għandhom jiġu nnotifikati flimkien man-notifika msemmija fil-paragrafu 1(a).

5.   Il-kwantitajiet għandhom jiġu espressi f’kilogrammi tal-piż tal-prodott u għandhom jinqasmu skont in-numru tal-ordni u l-oriġini, fejn applikabbli.

6.   Il-kwantitajiet mhux użati għandhom jiżdiedu mal-kwantitajiet disponibbli għas-subperjodu li jmiss. L-ebda bilanċ mhux użat fl-aħħar tal-perjodu tal-kwota annwali ma għandu jiġi ttrasferit għall-perjodu tal-kwota annwali li jmiss.

7.   L-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1239 għandu japplika għall-perjodi u l-limiti ta’ żmien stipulati f’dan l-Artikolu.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Awwissu 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Mejju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/753 tat-30 ta’ Marzu 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam (ĠU L 186, 12.6.2020, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1301/2006 tal-31 ta’ Awwissu 2006 li jistabbilixxi regoli komuni għall-amministrazzjoni ta’ kwoti ta’ tariffi fuq l-importazzjoni għal prodotti agrikoli ġestiti b’sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni (ĠU L 238, 1.9.2006, p. 13).

(4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1342/2003 tat-28 ta’ Lulju 2003 li jistabbilixxi regoli speċjali u dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ ċereali u ross (ĠU L 189, 29.7.2003, p. 12).

(5)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1237 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ liċenzji tal-importazzjoni u tal-esportazzjoni u li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dwar ir-rilaxx u t-telf ta’ garanziji ppreżentati għal tali liċenzji, li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2535/2001, (KE) Nru 1342/2003, (KE) Nru 2336/2003, (KE) Nru 951/2006, (KE) Nru 341/2007 u (KE) Nru 382/2008 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/98, (KE) Nru 1345/2005, (KE) Nru 376/2008 u (KE) Nru 507/2008 (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 1).

(6)  ĠU L 170, 1.7.2005, p. 67.

(7)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/476/KE tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-metodu ta’ kalkolu tad-dazji applikati għal ross meħluf u li temenda d-Deċiżjonijiet 2004/617/KE, 2004/618/KE u 2004/619/KE (ĠU L 170, 1.7.2005, p. 67).

(8)  ĠU L 346, 29.12.2005, p. 26.

(9)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/953/KE tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn il-Komunità Ewropea u t-Tajlandja skont l-Artikolu XXVIII tal-GATT 1994 dwar il-modifika ta’ konċessjonijiet fir-rigward tar-ross previsti fl-Iskeda CXL tal-KE annessa mal-GATT 1994 (ĠU L 346, 29.12.2005, p. 24).

(10)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1183 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolamenti (UE) Nru 1307/2013 u (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tan-notifiki lill-Kummissjoni ta’ informazzjoni u dokumenti (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 100).

(11)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1312/2008 tad-19 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi r-rati ta’ konverżjoni, l-ispejjeż tal-ipproċessar u l-valur tal-prodotti derivati għall-istadji varji tal-ipproċessar tar-ross (ĠU L 344, 20.12.2008, p. 56).

(12)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1239 tat-18 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema ta’ liċenzji ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni (ĠU L 206, 30.7.2016, p. 44).


ANNESS I

(a)

Kwota tariffarja ta’ importazzjoni ta’ 20 000 tunnellata metrika espressa f’ekwivalenti ta’ ross imfesdaq ikklassifikat fil-linji tariffarji tan-NM li ġejjin kif previst fl-Artikolu 1(1)(a):

1006.10.30

1006.10.50

1006.10.71

1006.10.79

1006.20.11

1006.20.13

1006.20.15

1006.20.17

1006.20.92

1006.20.94

1006.20.96

1006.20.98

Din il-kwota għandha tkun diviża fis-subperjodi li ġejjin:

Kwantità

(tunnellati)

Numru tal-ordni

Subperjodi (kwantitajiet f’tunnellati)

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu

Mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru

Mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru

20 000

09.4729

10 000

5 000

5 000

-

(b)

kwota tariffarja ta’ importazzjoni ta’ 30 000 tunnellata metrika espressa f’ekwivalenti ta’ ross immaċinat ikklassifikat fil-linji tariffarji tan-NM li ġejjin kif previst fl-Artikolu 1(1)(b):

1006.30.21

1006.30.23

1006.30.25

1006.30.27

1006.30.42

1006.30.44

1006.30.46

1006.30.48

1006.30.61

1006.30.63

1006.30.65

1006.30.67

1006.30.92

1006.30.94

1006.30.96

1006.30.98

Din il-kwota għandha tkun diviża fis-subperjodi li ġejjin:

Kwantità

(tunnellati)

Numru tal-ordni

Subperjodi (kwantitajiet f’tunnellati)

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu

Mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru

Mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru

30 000

09.4730

15 000

7 500

7 500

-

(c)

Kwota tariffarja ta’ importazzjoni ta’ 30 000 tunnellata metrika espressa f’ekwivalenti ta’ ross immaċinat ikklassifikat fil-linji tariffarji tan-NM li ġejjin kif previst fl-Artikolu 1(1)(c):

1006.10.30

1006.10.50

1006.10.71

1006.10.79

1006.20.11

1006.20.13

1006.20.15

1006.20.17

1006.20.92

1006.20.94

1006.20.96

1006.20.98

1006.30.21

1006.30.23

1006.30.25

1006.30.27

1006.30.42

1006.30.44

1006.30.46

1006.30.48

1006.30.61

1006.30.63

1006.30.65

1006.30.67

1006.30.92

1006.30.94

1006.30.96

1006.30.98

Varjetajiet ta’ ross fragranti li joriġina fil-Vjetnam koperti mill-kwota tariffarja ta’ importazzjoni msemmija fl-Artikolu 1(1)(c):

Jasmine 85

ST 5

ST 20

Nang Hoa 9 (NàngHoa 9)

VD 20

RVT

OM 4900

OM 5451

Tai nguyen Cho Dao (Tàinguyên Cho Dào)

Din il-kwota għandha tkun diviża fis-subperjodi li ġejjin:

Kwantità

(tunnellati)

Numru tal-ordni

Subperjodi (kwantitajiet f’tunnellati)

Mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Marzu

Mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Ġunju

Mill-1 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru

Mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Diċembru

30 000

09.4731

15 000

7 500

7 500

-


ANNESS II

Korpi awtorizzati biex joħorġu ċ-ċertifikati ta’ awtentiċità msemmija fl-Artikolu 5

Il-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali


ANNESS III

Il-kampjun ta’ ċertifikat ta’ awtentiċità msemmi fl-Artikolu 5

1

Exporter (Name and full address)

CERTIFICATE OF AUTHENTICITY

for export to the European Union

2

Consignee (Name and full address)

No

ORIGINAL

issued by (Name and full address of issuing body)

 

3

country and place of cultivation

4

country of destination in EU

5

Packing 5 kg or less (number of packings)

6

Description of goods

7

Packing between 5 and 20 kg (number of packings

8

Net weight (kg)

Gross weight (kg)

9

DECLARATION BY EXPORTER

The undersigned declares that the information shown above is correct.

Place and date:

Signature:

10

CERTIFICATION BY THE ISSUING BODY

It is hereby certified that the rice described above is one of the varieties of fragrant rice listed in Annex I of Commission Implementing Regulation (EU) No 2020/991 and that the information shown in this certificate is correct.

Place and date:

Signature:

Stamp:

11

FOR COMPETENT AUTHORITIES IN THE EUROPEAN UNION


Top