Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1400

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1400 tal-10 ta' Mejju 2016 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-elementi minimi ta' pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju u l-kontenut minimu tar-rapporti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2016/2665

    ĠU L 228, 23.8.2016, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2016/1400/oj

    23.8.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 228/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1400

    tal-10 ta' Mejju 2016

    li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw l-elementi minimi ta' pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju u l-kontenut minimu tar-rapporti dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjan

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-punti (a) u (b) tal-Artikolu 52(12) tagħhom,

    Billi:

    (1)

    Huwa essenzjali li jiġu stabbiliti regoli dwar l-elementi minimi li għandhom jiġu inklużi fi pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għall-approvazzjoni tiegħu u dwar il-kontenut minimu tar-rapporti mfassla fil-każ ta' riorganizzazzjoni tal-istituzzjonijiet u l-entitajiet soġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/59/UE.

    (2)

    Il-linji gwida u l-komunikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità mal-qafas ta' għajnuna mill-Istat tal-Unjoni li jirrigwarda r-ristrutturar tad-ditti f'diffikultajiet fis-settur finanzjarju, skont l-Artikolu 107(3) tat-Trattat, jista' jipprovdi referenza utli għall-elaborazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju anki meta ma tkun ingħatat ebda għajnuna mill-Istat, peress li huma jaqsmu mal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju l-objettiv li jirrestawraw il-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità.

    (3)

    Il-pjanijiet ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandhom ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni li tinsab fil-pjan ta' rkupru u fil-pjan ta' riżoluzzjoni, sal-punt li tali informazzjoni tkun rilevanti għar-restawr tal-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u filwaqt li tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna.

    (4)

    Ir-ristrutturar tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmi fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u tal-attivitajiet tagħha wara l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna għandu jindirizza r-raġunijiet għall-falliment tagħha. Il-bażi tal-istrateġija ta' riorganizzazzjoni għandha, għalhekk, tkun il-fatturi li wasslu biex kwalunkwe istituzzjoni jew entità tidħol fi proċedura ta' riżoluzzjoni. Din l-istrateġija tista' wkoll tikkunsidra l-prevenzjoni tal-kriżijiet u l-miżuri ta' maniġment li ttieħdu u li ġew implimentati mill-awtorità kompetenti jew mill-awtorità ta' riżoluzzjoni rispettivament. Is-sors u l-kobor tad-diffikultajiet li ltaqgħet magħhom tali istituzzjoni jew entità jistgħu jintwerew billi tiġi inkluża informazzjoni dwar l-issodisfar tar-rekwiżiti regolatorji u prudenzjali rilevanti qabel ir-riżoluzzjoni.

    (5)

    Għalkemm il-falliment tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE seta' ġie kkawżat minn sett partikolari ta' raġunijiet, tali istituzzjoni jew entità setgħu sofrew minn nuqqasijiet oħra li ma kkawżawx il-falliment, iżda li jistgħu jdgħajfu l-vijabbiltà fit-tul tagħhom. Ir-riorganizzazzjoni għandha tindirizza kull nuqqas. Strateġija ta' riorganizzazzjoni b'suċċess għandha ssegwi analiżi komprensiva kemm tal-istituzzjoni jew l-entità sottoposti għal riorganizzazzjoni u tal-punti b'saħħithom u n-nuqqasijiet tagħhom, kif ukoll tas-swieq rilevanti fejn topera dik l-istituzzjoni jew entità u tar-riskji u tal-opportunitajiet ippreżentati minn tali swieq. Sabiex pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju jiġi kkunsidrat kredibbli mill-awtorità ta' riżoluzzjoni u mill-awtorità kompetenti, dan għandu jirrestawra l-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni abbażi ta' assunzjonijiet prudenti.

    (6)

    Ir-restawr tal-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE wara r-riżoluzzjoni jfisser li, mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta' riorganizzazzjoni, l-istituzzjoni jew l-entità tkun tista' tissodisfa l-proċess intern ta' valutazzjoni tal-adegwatezza kapitali tagħha, u r-rekwiżiti rilevanti kollha kemm prudenzjali kif ukoll rekwiżiti regolatorji oħra fuq bażi progressiva, u li jkollha mudell ta' negozju vijabbli li huwa wkoll sostenibbli fit-tul.

    (7)

    L-awtorità ta' riżoluzzjoni u l-awtorità kompetenti għandhom jiġu pprovduti b'informazzjoni dettaljata biżżejjed biex jivvalutaw il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju u jimmoniterjaw l-implimentazzjoni tiegħu. Ir-rekwiżit li jipprovdi tali informazzjoni għandu jikkunsidra r-rilevanza tagħha għall-istruttura korporattiva tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, u r-rilevanza tagħha għar-riorganizzazzjoni u l-affidabbiltà tagħhom, speċjalment fil-każ ta' kriżi sistemika.

    (8)

    Il-fluttwazzjonijiet huma parti inerenti miċ-ċiklu ekonomiku. Kwalunkwe pjan ta' negozju għandu għalhekk ikun soġġett għal analiżijiet ta' xenarji alternattivi, b'tibdiliet adegwati fl-assunzjonijiet sottostanti prinċipali. Għalkemm il-vijabbiltà fit-tul għandha tiġi restawrata taħt kull xenarju, l-iżvilupp ta' strateġiji ta' riorganizzazzjoni jista' jwassal għal spejjeż sproporzjonati għall-istituzzjoni jew għall-entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li x-xenarji alternattivi għandhom bi prinċipju jkunu anqas probabbli milli dak tax-xenarju bażi.

    (9)

    Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jippermetti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni u lill-awtorità kompetenti jivvalutaw l-impatt tiegħu fuq il-kisba tal-objettivi ta' riżoluzzjoni, u b'mod partikolari jiżguraw il-kontinwità ta' funzjonijiet kritiċi u jevitaw effett negattiv sinifikanti fuq is-sistema finanzjarja.

    (10)

    Il-frekwenza u d-dettall tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandhom jippermettu identifikazzjoni bikrija ta' kull devjazzjoni jew ta' diffikultajiet oħra. Ir-rapportar trimestrali tad-dejta u tal-prestazzjoni huwa metodoloġija komuni fis-settur finanzjarju u jippermetti tali osservazzjoni fi żmien debitu. Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jippermetti wkoll aġġustamenti fl-istadji importanti jew fil-miżuri ppjanati fih oriġinarjament, meta dan ikun iġġustifikat miċ-ċirkostanzi.

    (11)

    Dan ir-Regolament huwa msejjes fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji ppreżentat mill-Awtorità Bankarja Ewropea (“EBA”) lill-Kummissjoni.

    (12)

    L-EBA wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji li fuqu huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2),

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “perjodu ta' riorganizzazzjoni” jfisser il-perjodu, li għandu jkun ta' durata raġonevoli, bejn l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna u l-mument meta l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE soġġetti għal riżoluzzjoni huma mistennija li jkunu rrestawraw il-vijabbiltà fit-tul tagħhom, u li matulu jiġu implimentati l-miżuri previsti fil-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (2)

    “xenarju bażi” jfisser ix-xenarju ta' negozju li l-korp maniġjerali jew il-persuna jew persuni maħtura biex joperaw l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jikkunsidraw bħala l-aktar probabbli li jimmaterjalizza fil-proċess ta' restawr tal-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità.

    Artikolu 2

    Strateġiji u miżuri

    1.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi dan kollu li ġej:

    (a)

    rendikont storiku u finanzjarju tal-fatturi li kkontribwew għad-diffikultajiet tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, li jinkludi l-indikaturi tal-prestazzjoni rilevanti li ddeterjoraw fil-perjodu qabel ir-riżoluzzjoni u r-raġuni għad-deterjorament tagħhom;

    (b)

    deskrizzjoni qasira tal-miżuri ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni ta' kriżijiet, fejn tali miżuri ġew applikati mill-awtorità kompetenti, l-awtorità ta' riżoluzzjoni jew l-istituzzjoni jew l-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE qabel il-preżentazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (c)

    deskrizzjoni tal-istrateġija ta' riorganizzazzjoni tan-negozju u l-miżuri intiżi biex jirrestawraw il-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità tul il-perjodu ta' riorganizzazzjoni, inkluża deskrizzjoni ta' kull wieħed minn dawn li ġejjin:

    (i)

    il-mudell ta' negozju riorganizzat;

    (ii)

    il-miżuri li jimplimentaw l-istrateġija ta' riorganizzazzjoni tan-negozju fil-livell tal-grupp, tal-entità u tal-linja operatorja;

    (iii)

    id-durata prestabbilita tal-perjodu ta' riorganizzazzjoni u stadji importanti;

    (iv)

    l-interazzjoni mal-awtorità ta' riżoluzzjoni u mal-awtorità kompetenti;

    (v)

    l-istrateġija rigward l-involviment ta' azzjonisti esterni rilevanti bħal trejdjunjins jew organizzazzjonijiet;

    (vi)

    l-istrateġija ta' komunikazzjoni interna u esterna għall-miżuri ta' riorganizzazzjoni tan-negozju.

    2.   Meta partijiet tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jkunu se jiġu stralċati jew jinbiegħu, l-istrateġija ta' riorganizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(c) ta' dan l-Artikolu għandha tidentifika dan kollu li ġej:

    (a)

    l-entità jew il-linja operatorja rilevanti, il-metodu ta' stralċ jew tal-bejgħ, inkluż l-assunzjonijiet sottostanti u kwalunkwe telf possibbli mistenni;

    (b)

    id-durata mistennija;

    (c)

    kull finanzjament jew servizz ipprovduti minn jew lill-istituzzjoni jew entità li tibqa'.

    3.   Kull rikavat minn ċessjoni ta' assi, ta' entitajiet jew ta' linji operatorji ppjanati mill-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jiġu kkalkolat b'mod prudenti u b'referenza għal punt ta riferiment jew valutazzjoni affidabbli, bħal valutazzjoni esperta, eżerċizzju ta' sondaġġ tas-suq, jew il-valur ta' linji operatorji jew entitajiet simili. Il-kalkolu għandu jikkunsidra l-probabbiltà tar-realizzazzjoni tat-telf.

    4.   Għall-partijiet tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li mhux se jiġu stralċati jew jinbiegħu, il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jindika modi biex jiġi rimedjat kull nuqqas fl-operat jew fil-prestazzjoni tagħhom li jista' jkollu impatt fuq il-vijabbiltà fit-tul tagħhom, anki jekk dawn in-nuqqasijiet ma jkunux relatati direttament man-nuqqas ta' dik l-istituzzjoni jew entità.

    5.   Il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandhom jikkunsidraw il-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u l-mudell ta' negozju riorganizzat permezz ta' referenza għall-ambjent ekonomiku u tas-suq li jopera fih.

    6.   L-istrateġija ta' riorganizzazzjoni tista' tinkludi miżuri identifikati preċedentement fil-pjan ta' rkupru jew fil-pjan ta' riżoluzzjoni, sakemm il-pjan ta' riżoluzzjoni jkun aċċessibbli għall-istituzzjoni jew għall-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u meta tali miżuri jibqgħu validi wara r-riżoluzzjoni. Din l-għażla ma timplika ebda obbligu fuq l-awtorità ta' riżoluzzjoni biex taqsam il-pjan ta' riżoluzzjoni mal-korp ta' ġestjoni jew mal-persuna jew persuni maħtura skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 3

    Prestazzjoni finanzjarja — Rekwiżiti regolatorji

    1.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni għandu jinkludi l-prestazzjoni finanzjarja prevista tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE tul il-perjodu ta' riorganizzazzjoni u juri kif tista' tiġi restawrata l-vijabbiltà fit-tul. B'mod partikolari, għandha tistabbilixxi:

    (a)

    l-ispejjeż u l-impatt tar-riorganizzazzjoni fuq il-profitt u d-dikjarazzjoni ta' telf u l-karta bilanċjali tal-istituzzjoni jew tal-entità;

    (b)

    deskrizzjoni tar-rekwiżiti ta' finanzjament tul il-perjodu ta' riorganizzazzjoni u s-sorsi potenzjali ta' finanzjament;

    (c)

    il-mod li l-istituzzjoni jew l-entità jkunu jistgħu joperaw li jkopri l-ispejjeż kollha tagħha, inkluż id-deprezzament u l-ispejjeż finanzjarji u jipprovdi rendiment finanzjarju aċċettabbli sa tmiem il-perjodu ta' riorganizzazzjoni;

    (d)

    karta bilanċjali ta' wara r-riżoluzzjoni li tirrifletti l-istruttura ta' dejn u kapitali l-ġdida u t-tniżżil fil-valur tal-assi abbażi tal-valutazzjoni mwettqa skont l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/59/UE jew il-valutazzjoni definittiva ex-post msemmija fl-Artikolu 36(10) tagħha;

    (e)

    projezzjoni tal-metrika finanzjarja ewlenija fil-livell tal-gruppi, tal-entità u tal-linja operatorja, li tirrelata b'mod partikolari, mal-likwidità, il-prestazzjoni tas-self, il-profil ta' finanzjament, il-profittabbiltà u l-effiċjenza.

    2.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet li se tieħu l-istituzzjoni jew l-entità biex tiżgura li tkun tista' tissodisfa r-rekwiżiti prudenzjali applikabbli u rekwiżiti regolatorji oħra fuq bażi progressiva mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tmiem il-perjodu ta' riorganizzazzjoni, inklużi r-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u responsabbiltajiet eliġibbli fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 45 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 4

    Valutazzjoni tal-vijabbiltà

    1.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi informazzjoni biżżejjed biex tippermetti lill-awtorità ta' riżoluzzjoni u lill-awtorità kompetenti jivvalutaw il-fattibbiltà tal-miżuri proposti. Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jistabbilixxi tal-anqas:

    (a)

    l-assunzjonijiet rigward l-iżviluppi makroekonomiċi u tas-suq mistennija fix-xenarju bażi, meta mqabbla ma' punti ta' riferiment adegwati fis-setturi kollha;

    (b)

    preżentazzjoni konċiża ta' strateġiji ta' riorganizzazzjoni alternattivi jew sett ta' miżuri u ġustifikazzjoni dwar ir-raġuni għaliex intgħażlu l-miżuri fil-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju biex jirrestawraw vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE, filwaqt li jirrispettaw l-objettivi u l-prinċipji tar-riżoluzzjoni.

    2.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex jiffaċilita li l-awtorità ta' riżoluzzjoni jew l-awtorità kompetenti twettaq analiżi dettaljata tal-impatt ta' riorganizzazzjoni tan-negozju fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE u dwar l-istabbiltà finanzjarja.

    3.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi analiżi ta' sett alternattiv ta' assunzjonijiet sottostanti prinċipali, li fih jiġu kkunsidrati l-aħjar xenarji possibbli u l-agħar xenarji possibbli. Ir-restawr tal-vijabbiltà fit-tul għandu jkun possibbli fix-xenarji kollha, għalkemm il-perjodu, il-miżuri u l-prestazzjoni finanzjarja jistgħu jvarjaw.

    4.   Fir-rigward tal-aħjar u tal-agħar xenarji possibbli msemmija fil-paragrafu 3, il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi sommarju tal-informazzjoni ewlenija użata biex jiżviluppa kull xenarju u l-prestazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) jew (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE taħt kull xenarju. Tali sommarju għandu jinkludi b'mod partikolari:

    (a)

    l-assunzjonijiet sottostanti, bħall-elementi varjabbli makroekonomiċi ewlenin;

    (b)

    il-projezzjoni tad-dikjarazzjoni tal-profitt u tat-telf u l-karti bilanċjali;

    (c)

    il-metrika finanzjarja ewlenija fil-livell tal-grupp, tal-entità u tal-linja operatorja.

    Artikolu 5

    Implimentazzjoni u aġġustamenti

    1.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jinkludi stadji importanti ta' implimentazzjoni u indikaturi tal-prestazzjoni speċifiċi, adegwati u tal-anqas kull trimestru. Dawn l-istadji importanti u l-indikaturi jistgħu jiġu aġġustati, konformi mal-proċess stabbilit fil-paragrafu 2.

    2.   Il-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju għandu jipprevedi l-possibbiltà għall-korp maniġerjali jew għal kull persuna jew persuni maħtura skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/59/UE biex jaġġustaw l-istrateġija ta' riorganizzazzjoni jew miżuri individwali li l-implimentazzjoni tagħhom m'għadhiex mistennija tikkontribwixxi għar-restawr tal-vijabbiltà fit-tul fi ħdan id-durata maħsuba. Tali aġġustamenti għandhom jiġu kkomunikati lill-awtorità ta' riżoluzzjoni u lill-awtorità kompetenti fir-rapport ta' progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju msemmi fl-Artikolu 6. Fejn ikun meħtieġ għal raġunijiet ta' urġenza, tali aġġustamenti jistgħu jiġu kkomunikati wkoll permezz ta' rapporti straordinarji.

    3.   Il-korp maniġerjali jew il-persuna jew persuni maħtura skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/59/UE m'għandhomx jiddevjaw mill-implimentazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju qabel jakkwistaw l-approvazzjoni għall-aġġustament skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafi (7), (8) u (9) tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2014/59/UE.

    Artikolu 6

    Rapport ta' progress

    1.   Ir-rapport ta' progress li għandu jiġi ppreżentat lill-awtorità ta' riżoluzzjoni skont l-Artikolu 52(10) tad-Direttiva 2014/59/UE għandu jinkludi rieżami u valutazzjoni tal-progress tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju, li jkopri tal-anqas dan li ġej:

    (a)

    l-istadji importanti li huma ssodisfati, il-miżuri li jiġu realizzati u kif l-impatt tagħhom jitqabbel ma' dak previst fil-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju;

    (b)

    il-prestazzjoni tal-istituzzjoni jew tal-entità u tqabbil mal-previżjonijiet tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju u rapporti ta' progress preċedenti;

    (c)

    ir-raġunijiet għaliex kull stadju importanti jew indikaturi tal-prestazzjoni ma ġewx miksuba u proposti biex jirrimedjaw id-dewmien jew in-nuqqasijiet;

    (d)

    kull kwistjoni oħra li tirriżulta mill-eżekuzzjoni tal-pjan ta' riorganizzazzjoni tan-negozju li tista' tipprevjeni r-restawr tal-vijabbiltà fit-tul tal-istituzzjoni jew tal-entità msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2014/59/UE;

    (e)

    il-miżuri u l-istadji importanti futuri u valutazzjoni tal-probabbiltà li jiġu ssodisfati;

    (f)

    projezzjonijiet ta' prestazzjoni finanzjarja aġġornati;

    (g)

    fejn hu meħtieġ u ġġustifikat, proposta għal aġġustamenti ta' miżuri individwali, stadji importanti jew indikaturi tal-prestazzjoni, skont l-Artikolu 5(2).

    2.   L-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni jistgħu jirrikjedu f'kull ħin lill-korp maniġerjali jew lill-persuna jew persuni maħtura skont l-Artikolu 72(1) tad-Direttiva 2014/59/UE li jipprovdu informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-pjan ta' organizzazzjoni tan-negozju.

    Artikolu 7

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta' Mejju 2016.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173,12.6.2014, p. 190.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).


    Top