EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0412

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/412 tas-17 ta' Marzu 2016 li tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk (notifikata bid-dokument C(2016) 1635)

C/2016/1535

ĠU L 74, 19.3.2016, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2020: This act has been changed. Current consolidated version: 13/12/2018

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/412/oj

19.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 74/41


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/412

tas-17 ta' Marzu 2016

li tawtorizza lill-Istati Membri jipprevedu deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE f'dak li għandu x'jaqsam mal-injam tal-fraxxnu li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk

(notifikata bid-dokument C(2016) 1635)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta' Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta' organiżmi ta' ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b'mod partikolari l-ewwel inċiż tal-Artikolu 15(1) tagħha,

Billi:

(1)

L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt 2.3 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV ta' dik id-Direttiva, jipprevedi rekwiżiti speċjali fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' injam tal-fraxxnu (Fraxinus L.) li joriġina fil-Kanada.

(2)

Il-Kanada talbet li tiġi rikonoxxuta taħlita ta' proċeduri li flimkien jilħqu ċertezza fitosanitarja ekwivalenti għal dik żgurata mill-punt 2.3 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE.

(3)

Skont l-informazzjoni uffiċjali ppreżentata mill-Kanada jidher li, permezz ta' approċċ ta' sistemi integrati applikat matul l-ipproċessar tal-injam ir-riskju ta' infestazzjoni mill-organiżmu Agrilus planipennis Fairmaire huwa eliminat.

(4)

Dak l-approċċ għandu jkun ikkumplimentat minn ċerti rekwiżiti għall-faċilitajiet, għall-ispezzjonijiet ta' qabel l-esportazzjoni u għat-tikkettar biex ikun żgurat li t-tali riskju jiġi eliminat.

(5)

Għalhekk dawk il-proċeduri għandhom jiġu rikonoxxuti bħala għażla alternattiva għall-punt 2.3 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV tad-Direttiva 2000/29/KE għall-importazzjonijiet mill-Kanada.

(6)

Sabiex il-kontrolli żgur ikunu effettivi, u biex ikun hemm ukoll ħarsa ġenerali lejn l-importazzjonijiet tal-injam tal-fraxxnu u lejn il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità relatati ma' dawk l-importazzjonijiet, għandhom jiġu stabbiliti rekwiżiti dwar iċ-ċertifikati fitosanitarji, ir-rappurtar dwar l-importazzjoni u n-notifikar ta' każijiet ta' nuqqas ta' konformità.

(7)

Filwaqt li titqies il-firxa tal-organiżmu ta' ħsara Agrilus planipennis Fairmaire fl-Amerka ta' Fuq, huwa xieraq li jiġi limitat it-tul ta' żmien tad-deroga sal-31 ta' Diċembru 2017.

(8)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-awtorizzazzjoni biex tingħata d-deroga

B'deroga mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2000/29/KE flimkien mal-punt 2.3 tat-Taqsima I tal-Parti A tal-Anness IV ta' dik id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni fit-territorju tagħhom ta' injam tal-fraxxnu (Fraxinus L.) li joriġina fil-Kanada jew li huwa pproċessat hemmhekk (minn issa 'l quddiem imsejjaħ “l-injam speċifikat”) li, qabel ma jitlaq 'il barra mill-Kanada, jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Iċ-ċertifikat fitosanitarju

1.   L-injam speċifikat għandu jkollu miegħu ċertifikat fitosanitarju maħruġ fil-Kanada, skont l-Artikolu 13a(3) u (4) tad-Direttiva 2000/29/KE, li jiċċertifika li, wara spezzjoni, l-injam instab li huwa ħieles għal kollox minn organiżmi ta' ħsara.

2.   Taħt l-intestatura “Dikjarazzjoni addizzjonali”, iċ-ċertifikat fitosanitarju għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)

id-dikjarazzjoni “Skont ir-rekwiżiti tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fid-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/412”;

(b)

in-numru tal-lott/ijiet;

(c)

l-isem tal-faċilità/ajiet approvata/i fil-Kanada.

Artikolu 3

Ir-rappurtar dwar l-importazzjoni

Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru ta' kull sena, l-Istat Membru tal-importazzjoni għandu jagħti lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, l-informazzjoni dwar l-ammonti tal-konsenji tal-injam speċifikat importati matul it-12-il xahar ta' qabel skont din id-Deċiżjoni.

Artikolu 4

In-notifika ta' nuqqas ta' konformità

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull konsenja li ma tikkonformax ma' din id-Deċiżjoni. Dik in-notifika għandha tintbagħat mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara d-data li fiha tkun ġiet interċettata konsenja ta' dan it-tip.

Artikolu 5

Id-data ta' skadenza

Din id-Deċiżjoni tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2017.

Artikolu 6

Id-destinatarji

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Marzu 2016.

Għall-Kummissjoni

Vytenis ANDRIUKAITIS

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.


ANNESS

1.   Ir-rekwiżiti tal-ipproċessar

L-ipproċessar tal-injam speċifikat, kif imsemmi fl-Artikolu 1, għandu jissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)   It-tqaxxir

L-injam speċifikat jitqaxxar, bl-eċċezzjoni ta' għadd ta' biċċiet tal-qoxra żgħar li jidhru b'mod separat, li huma distinti b'mod ċar u li jikkonformaw ma' wieħed mir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

għandhom wisa' ta' anqas minn 3 cm (irrispettivament mit-tul tagħhom) jew

(b)

jekk huma wesgħin aktar minn 3 cm, l-erja totali tas-superfiċje ta' kull biċċa qoxra individwali hija ta' anqas minn 50 cm2.

(b)   L-issegar

L-injam issegat speċifikat huwa prodott minn injam tond bla qoxra.

(c)   It-trattament bis-sħana

L-injam speċifikat irid jissaħħan skont it-tip tal-injam għal mill-anqas 71 °C għal 1 200 minuta f'kamra tat-tisħin approvata mill-Aġenzija ta' Spezzjoni Alimentari Kanadiża (CFIA) jew minn aġenzija approvata minnha.

(d)   It-tnixxif

L-injam speċifikat jitnixxef skont skedi ta' tnixxif industrijali li jieħdu mill-inqas ġimagħtejn u li huma rikonoxxuti mis-CFIA.

Il-kontenut ta' umdità finali fl-injam ma għandux jaqbeż l-10 %, espress bħala perċentwal tal-materja niexfa.

2.   Ir-rekwiżiti għall-faċilitajiet

L-injam speċifikat irid jiġi prodott, imqandel jew maħżun f'faċilità li tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

(a)

il-faċilità hija uffiċjalment approvata mis-CFIA skont il-programm taċ-ċertifikazzjoni tagħha dwar l-organiżmu ta' ħsara Agrilus planipennis Fairmaire;

(b)

il-faċilità hija rreġistrata f'bażi tad-dejta ppubblikata fuq is-sit web tas-CFIA;

(c)

il-faċilità jsirilha awditjar mis-CFIA, jew minn aġenzija approvata minnha, mill-inqas darba fix-xahar u ġie konkluż li hija konformi mar-rekwiżiti ta' dan l-Anness;

(d)

il-faċilità tuża tagħmir għat-trattament tal-injam li ġie kkalibrat b'mod li huwa konsistenti mal-manwal tat-tħaddim tat-tagħmir;

(e)

il-faċilità żżomm reġistru tal-proċeduri tagħha għal verifika mis-CFIA jew minn aġenzija approvata minnha, inkluż it-tul tat-trattament, it-temperaturi waqt it-trattament u l-kontenut ta' umdità finali għal kull lott speċifiku li jrid jiġi esportat.

3.   It-tikkettar

Fuq kull lott tal-injam speċifikat għandhom jidhru b'mod ċar kemm in-numru tal-lott kif ukoll tikketta bil-kliem “HT-KD” jew “Trattament bis-sħana-Imnixxef fil-Kalkara”. Din it-tikketta trid tinħareġ minn uffiċjal magħżul tal-faċilità approvata jew taħt is-superviżjoni tiegħu, wara li jiġi vverifikat li r-rekwiżiti tal-ipproċessar stabbiliti fil-punt 1 u r-rekwiżiti għall-faċilitajiet stabbiliti fil-punt 2 jkunu ġew issodisfati.

4.   L-ispezzjonijiet ta' qabel l-esportazzjoni

L-injam speċifikat maħsub għall-Unjoni jrid jiġi spezzjonat mis-CFIA, jew minn aġenzija uffiċjalment approvata minnha, biex jiġi vverifikat li qabel l-esportazzjoni jkun għadda mill-proċeduri u mill-miżuri fitosanitarji kollha biex ikun jista' jiġi konkluż li huwa ħieles mill-organiżmu ta' ħsara Agrilus planipennis Fairmaire.


Top