EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R2317

Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2317 tat-8 ta' Diċembru 2015 dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

ĠU L 328, 12.12.2015, p. 55–56 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/2317/oj

12.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 328/55


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2317

tat-8 ta' Diċembru 2015

dwar il-klassifikazzjoni ta' ċerti prodotti fin-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1)

Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, huwa meħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-prodotti msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(2)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kwalunkwe nomenklatura oħra li hija bbażata, parzjalment jew kollha kemm hi fuqha, jew li żżid kwalunkwe subdiviżjoni magħha u li hija stabbilita b'dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bl-għan tal-applikazzjoni ta' tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-prodotti.

(3)

Skont dawn ir-regoli ġenerali, il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella mniżżla fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta'din it-tabella.

(4)

Huwa xieraq li jiġi previst li l-informazzjoni tariffarja vinkolanti maħruġa fir-rigward tal-prodotti kkonċernati minn dan ir-Regolament li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista', għal ċertu perjodu, tibqa' tiġi invokata mid-detentur skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 (2). Dak il-perjodu għandu jkun ta' tliet xhur.

(5)

Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-prodotti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda skont il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta' dik it-tabella.

Artikolu 2

L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tikkonformax ma' dan ir-Regolament tista' tibqa' tiġi invokata skont l-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 għal perjodu ta' tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta' Diċembru 2015.

Għall-Kummissjoni,

F'isem il-President,

Heinz ZOUREK

Direttur Ġenerali għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali


(1)  ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jistabbilixxi Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1).


ANNESS

Deskrizzjoni tal-prodotti

Klassifikazzjoni

(il-kodiċi NM)

Raġunijiet

(1)

(2)

(3)

Magna tal-ħjata tat-tip hekk imsejjaħ free arm (jiġifieri b'estensjoni tal-parti t'isfel fejn tinsab il-labra) tat-tip għad-dar, b'mutur elettriku integrat ta' qawwa ta' 70 Watts, mgħammra b'mod bażiku bi pjanċa tal-labra, bi presser foot (sieq li żżomm il-materjal f'postu waqt il-ħjata), b'ħawsing għaċ-ċombini, bil-kontrolli għat-tħaddim, b'bozza integrata, b'pedala mgħammra b'kejbil u b'diversi aċċessorji (eż ċombini, vireg ta' gwida, sett labar, labar doppji, eċċ.). Il-magna għandha piż ta' 7 kg (inkluż il-piż tal-mutur), u għandha aktar minn 24 programm għall-ħjata. Il-valur tagħha huwa ta' aktar minn EUR 65.

Il-magna tal-ħjata topera kemm b'ħajta minn fuq kif ukoll b'ħajta minn isfel. Ħajta minnhom tiddaħħal fil-labra, filwaqt li l-oħra tingħadda minn taħt permezz ta' mekkuk (teknika lock-stitch). Jistgħu jsiru diversi tipi ta' ħjata permezz ta' din il-magna tal-ħjata, iżda dawn it-tipi kollha ta' ħjata huma bbażati fuq il-prinċipju deskritt hawn fuq. Il-magna tista' biss timita t-tip ta' ħjata over-lock, u ma tippermettix li l-materjal żejjed jinqata' barra waqt l-istess operazzjoni.

8452 10 11

Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 8452 , 8452 10 u 8452 10 11 .

Minħabba l-funzjoni, il-kostruzzjoni, il-karatteristiki fiżiċi u l-metodu ta' ħidma tagħha, il-magna tal-ħjata għandha titqies bħala magna tal-ħjata tat-tip lock-stitch biss tas-subintestatura 8452 10 , peress li biha tista' ssir biss ħjata bbażata fuq il-prinċipju lock-stitch (ara wkoll in-Noti ta' spjegazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda dwar is-subintestaturi 8452 10 11 u 8452 10 19 , oġġett 1(a)).

B'hekk, il-prodott għandu jiġi klassifikat taħt il-kodiċi NM 8452 10 11 , bħala magni tal-ħjata ta' tip għad-dar, lock-stitch biss, li jiswew aktar minn EUR 65 il-waħda.


Top