Επιλέξτε τις πειραματικές λειτουργίες που θέλετε να δοκιμάσετε

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Έγγραφο 32014D0416

2014/416/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 9 ta' April 2014 dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat SA.23257 (12/C) [ex NN 8/10, ex CP 157/07] implimentata minn Franza (ftehim interprofessjonali konkluż taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni Franċiża għall-valorizzazzjoni tal-prodotti u tas-setturi professjonali fil-qasam tal-ortikultura u tal-pajsaġġ — “Val'Hor” ) (notifikata bid-dokument C(2014) 2223)

ĠU L 192, 1.7.2014, σ. 59 έως 65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Νομικό καθεστώς του εγγράφου Ισχύει

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2014/416/oj

1.7.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 192/59


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta' April 2014

dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat SA.23257 (12/C) [ex NN 8/10, ex CP 157/07] implimentata minn Franza (ftehim interprofessjonali konkluż taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni Franċiża għall-valorizzazzjoni tal-prodotti u tas-setturi professjonali fil-qasam tal-ortikultura u tal-pajsaġġ — “Val'Hor”)

(notifikata bid-dokument C(2014) 2223)

(It-test bil-lingwa Franċiża biss huwa awtentiku)

(2014/416/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-miżura kkonċernata,

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

B'ittra tad-9 ta' Mejju 2007, il-Kummissjoni rċeviet oġġezzjoni relatata mal-estensjoni tal-ftehim interprofessjonali konkluż taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni Franċiża għall-valorizzazzjoni tal-prodotti u tas-setturi professjonali fil-qasam tal-ortikultura u tal-pajsaġġ (“Val'Hor”). Il-każ ġie rreġistrat bin-numru CP 157/07. Fl-4 ta' Frar 2010, din il-miżura ġiet elenkata bin-numru NN 8/10 bħala għajnuna mill-Istat mhux notifikata.

(2)

Fis-26 ta' Ottubru 2009 u fis-16 ta' Mejju 2011, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet min-naħa tar-rikorrent b'rabta mal-oġġezzjoni CP 157/07.

(3)

Bl-ittri bid-dati tat-13 ta' Lulju 2007, l-10 ta' Diċembru 2007, is-26 ta' Ġunju 2008, it-22 ta' Frar 2010, is-16 ta' Diċembru 2010 u t-13 ta' Ottubru 2011, is-servizzi tal-Kummissjoni talbu lill-awtoritajiet Franċiżi biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali dwar għajnuna mill-Istat possibbli fis-settur tal-ortikultura. Franza bagħtet din l-informazzjoni bl-ittri bid-dati tas-17 ta' Ottubru 2007, is-7 ta' April 2008, l-1 ta' Settembru 2008, it-2 ta' April 2010, it-22 ta' Frar 2011 u l-15 ta' Novembru 2011.

(4)

Bid-Deċiżjoni C(2011) 10053 tal-11 ta' Jannar 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE.

(5)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (1). Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom rigward il-miżura kkonċernata.

(6)

Il-Kummissjoni rċeviet l-osservazzjonijiet min-naħa tal-partijiet interessati. Hi bagħtithom lil-Franza u tatha l-possibbiltà li tikkummenta dwarhom.

(7)

Bil-posta elettronika tal-20 ta' Jannar 2012, ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Franza għall-Unjoni Ewropea kkomunikat lill-Kummissjoni ittra tal-awtoritajiet Franċiżi li fiha talbu għal estensjoni supplementari ta' xahar biex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-ftuħ tal-proċedura. Din l-estensjoni ġiet approvata bil-fax tas-26 ta' Jannar 2012.

(8)

Bil-posta elettronika tal-14 ta' Marzu 2012, ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Franza għall-Unjoni Ewropea kkomunikat ir-reazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati, dwar il-ftuħ tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE..

(9)

Bil-posta elettronika tal-10 ta' Lulju 2012, ir-Rappreżentanza Permanenti ta' Franza għall-Unjoni Ewropea kkomunikat ir-reazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi għall-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet interessati.

II.   DESKRIZZJONI

PRESENTAZZJONI TAL-ORGANIZZAZZJONI INTERPROFESSJONALI “VAL'HOR”

(10)

L-Assoċjazzjoni Franċiża għall-valorizzazzjoni tal-prodotti u tas-setturi professjonali fil-qasam tal-ortikultura u tal-pajsaġġ (Val'Hor) hija organizzazjoni interprofessjonali rikonoxxuta fis-settur tal-ortikultura ta' Franza. L-organizzazzjoni u l-funzjonament tagħha huma rregolati mill-Artikoli L. 631-1 skont il-Kodiċi Rurali.

(11)

L-Assoċjazzjoni “Val'Hor” ġiet imwaqqfa fl-1997, u fit-13 ta' Awwissu 1998 ġiet rikonoxxuta mill-awtoritajiet pubbliċi bħala organizzazzjoni interprofessjonali nazzjonali, fit-tifsira tal-Artikolu L.632-1 tal-Kodiċi Rurali ta' Franza, għas-settur ortikulturali u tal-pajsaġġ. L-Istatut tal-Assoċjazzjoni kien ġie approvat waqt Laqgħa Ġenerali fil-25 ta' Marzu 2004.

(12)

“Val'Hor”, bħal organizzazzjonijiet interprofessjonali rikonoxxuti oħrajn, tista' tikkonkludi Ftehimiet u tista' tiġbor, mill-membri kollha tal-professjonijiet li jikkostitwixxu l-organizzazzjoni, kontribuzzjonijiet volontarji intenzjonati biex jiffinanzjaw dawk il-Ftehimiet. Dawk il-Ftehimiet jistgħu jkunu obbligatorji jew b'Digriet Interministerjali (Ftehimiet “estiżi”) għall-operaturi tas-settur, kemm jekk ikunu membri tal-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor” u kemm jekk le, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fil-Kodiċi Rurali Franċiż. Il-Kodiċi Rurali jawtorizza l-estensjoni tal-Ftehimiet biss meta dawn ikollhom fil-mira tagħhom l-“interess komuni” ibbażat fuq miżuri “skont l-interess ġenerali u li huma kompatibbli mar-regoli tal-Politika Agrikola Komuni” (ara l-Artikolu L. 632-3 tal-Kodiċi Rurali).

(13)

Fit-12 ta' Novembru 2004“Val'Hor” adottat il-ftehim interprofessjonali dwar l-iffinanzjar, li ġie modifikat bl-emenda nru 1 tal-14 ta' Settembru 2006. L-Artikolu II ta' dak il-Ftehim jistipula li kull membru, kemm jekk persuna naturali jew legali, ta' professjoni rrappreżentata fi ħdan l-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor” huwa marbut iħallas kontribuzzjoni annwali.

(14)

Il-Ftehim interprofessjonali dwar l-iffinanzjar konkluż fil-kuntest tal-“Val'Hor” kien estiż għall-ewwel darba għal perjodu ta' sena, b'Digriet tal-Ministeru għall-Agrikoltura, l-Ikel is-Sajd u ż-Żoni Rurali fit-12 ta' April 2005, kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fit-12 ta' Mejju 2005. Ġie estiz għal darb'oħra għal sena bid-Digriet tas-16 ta' Novembru 2006, kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fit-8 ta' Diċembru 2006.

(15)

Bid-Digriet tal-31 ta' Marzu 2008, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fil-11 ta' April 2008, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim interprofessjonali tal-21 ta' Frar 2008 ġew estiżi għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2007 sat-30 ta' Ġunju 2008 għall-membri kollha tal-professjonijiet li jikkostitwixxu l-Assoċjazzjoni. Bid-Digriet tas-16 ta' Settembru 2008, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fil-25 ta' Settembru 2008, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interprofessjonali tat-22 ta' Lulju 2008 ġew estiżi għall-perjdou sat-30 ta' Ġunju 2010. Bid-Digriet tas-27 ta' Mejju 2010, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fil-8 ta' Ġunju 2010, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interprofessjonali tat-22 ta' Lulju 2008 ġew estiżi għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2010 sat-30 ta' Ġunju 2011. Fl-aħħar, bid-Digriet tat-3 ta' Ottubru 2011, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fil-15 ta' Ottubru 2011, id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim Interprofessjonali tat-12 ta' Settembru 2011 ġew estiżi għall-perjodu sat-30 ta' Ġunju 2014.

(16)

Skont l-informazzjoni trażmessa mill-awtoritajiet Franċiżi fis-17 ta' Ottubru 2007, il-kontribuzzjoni volontarja obbligatorja –istitwita għan-negozji fis-settur tal-pjanti ornamentali li ħarġu mill-ortikultura u mill-mixtliet u mis-settur tal-pajsaġġ kienet intenzjonata biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-miżuri u l-mezzi għall-promozzjoni kollettiva tal-ortikultura, tal-bejgħ tal-fjuri u tal-pajsaġġ, tal-prodotti tagħhom u tax-xogħol tagħhom, fis-swieq interni u esterni; l-għarfien dwar il-mekkaniżmi tal-provvista, tad-domanda u tas-suq; it-titjib tat-tħaddim, il-kontroll u t-trasparenza tas-suq; il-kwalità tal-prodott; l-organizzazzjoni u t-titjib tal-prattiki u r-relazzjonijiet interprofessjonali fis-settur; it-twettiq ta' programmi ta' taħriġ, ta' riċerka applikata, ta' esperimentazzjoni u ta' żvilupp u t-tħaddim tal-Assoċjazzjoni.

IR-RWOL TAL-ISTAT

(17)

Bid-Digriet tat-13 ta' Awwissu 1998, l-Istat ta' Franza rrikonoxxa “Val'Hor” bħala organizzazzjoni interprofessjonali fit-tifsira tal-Artikolu L.632-1 tal-Kodiċi Rurali Franċiż.

(18)

Il-funzjonament, il-missjonijiet u l-kompożizzjoni ta' “Val'Hor” huma rregolati mill-Istatut tal-Assoċjazzjoni. Biex din l-organizzazzjoni interprofessjonali tkun tista' tiġi rikonoxxuta, l-awtoritajiet kompetenti kellhom jivverifikaw li bosta kriterji kienu ssodisfati, l-aktar li l-Istatut tal-Assoċjazzjoni huwa konformi mal-liġi (l-Artikolu L.632-1 tal-Kodiċi Rurali), u li l-organizzazzjonijiet ikkonċernati li kienu jikkostitwixxu “Val'Hor” huma rappreżentattivi u jikkonformaw mal-għanijiet tal-politika nazzjonali u Komunitarji. L-eżistenza, il-missjonijiet u l-funzjonament tagħha huma rregolati bl-Artikoli L.631-1 u skont il-Kodiċi Rurali.

(19)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, sal-2007, il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji mħallsa mill-membri tal-professjonijiet miġburin fi “Val'Hor” kienu l-uniċi riżorsi ta' finanzi għall-organizzazzjoni interprofessjonali. Għalkemm “Val'Hor” hija entità legali rregolata mil-liġi privata u ffinanzjata minn kontribuzzjonijiet tas-settur ikkonċernat, il-funzjonament tas-sistema tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji jeħtieġ l-intervent tal-Istat. Għalhekk huwa meħtieġ Digriet jew Digriet Ministerjali sabiex il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji jkunu obbligatorji għall-organizzazzjoni interprofessjonali kollha kemm hi.

(20)

“Val'Hor” tista' tiġi kkonsultata fir-rigward tal-linji gwida u l-miżuri li jaqgħu taħt il-politiki settorjali relatati magħha (l-Artikolu L. 632-2-1 tal-Kodiċi Rurali).

IL-BAŻI ĠURIDIKA NAZZJONALI

(21)

Il-Kodiċi Rurali, is-sitt Volum, Titolu III (l-Artikoli L. 631-1 sa L. 632-13). Digrieti Interministerjali dwar l-estensjoni tal-Ftehimiet Interprofessjonali (ara l-punti 13-14); Ftehimiet Interprofessjonali (ara l-punti 10-12)

IL-MIŻURA

(22)

Id-dħul mill-kontribuzzjoni volontarja obbligatorja jintuża biex jitwettqu miżuri għall-benefiċċju tas-settur ortikulturali, miżuri li jistgħu jitqiegħdu fit-tliet kategoriji li ġejjin: miżuri ta' promozzjoni, miżuri ta' riċerka u żvilupp, u miżuri ta' assistenza teknika.

(23)

L-awtoritajiet Franċiżi jsostnu li l-fondi qatt m'huma intenzjonati biex ikopru n-nefqa min-negozji fi kwalunkwe settur, iżda biss l-operazzjonijiet kollettivi.

III.   IR-RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TAL-INVESTIGAZZJONI

(24)

Il-Kummissjoni fetħet il-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) tat-TFUE minħabba li hija tikkunsidra li l-kontribuzzjonijiet jikkostitwixxu tariffi parafiskali, jiġifieri riżorsi pubbliċi, u li l-miżuri tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali kienu r-responsabbiltà tal-Istat. B'mod partikolari, il-Kummissjoni bbażat fuq l-interpretazzjoni tagħha tas-Sentenza “Pearle” (2), billi qieset li f'dak il-każ, il-miżura ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati mill-Qorti, l-aktar minħabba li l-approvazzjoni tal-Gvern fis-sura tar-rikonoxximent tal-organizzazzjoni interprofessjonali kienet tikkostitwixxi prekundizzjoni għall-introduzzjoni tal-kontribuzzjonijiet u li, sabiex jieħdu effett bis-sħiħ (3), il-kontribuzzjonijiet infushom kienu jeħtieġu strument tal-awtorità pubblika (Digriet Interministerjali).

IV.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-AWTORITAJIET FRANĊIŻI DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TAL-INVESTIGAZZJONI

(25)

Fl-ittra tagħhom mibgħuta bil-posta elettronika fl-14 ta' Marzu 2012, l-awtoritajiet Franċiżi kkontestaw il-pożizzjoni adottata mill-Kummissjoni Ewropea, li qieset li, fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, il-miżuri meħuda minn “Val'Hor” permezz tal-introjtu mill-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji, huma r-responsabbiltà tal-Istat u ffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat.

(26)

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, il-miżuri meħuda mill-organizzazzjoni interprofessjonali jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-Sentenza Pearle u għalhekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat. L-Assoċjazzjoni “Val'Hor” hija entità legali tal-liġi privata rregolata mil-Liġi tal-1 ta' Lulju 1901, dwar il-kuntratti ta' Assoċjazzjoni. L-organizzazzjoni ġiet imwaqqfa b'mod liberu fit-28 ta' Mejju 1997 fuq l-inizjattiva tal-organizzazzjonijiet li l-aktar jirrappreżentaw il-produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-iżvilupp tal-pjanti ornamentali tas-setturi ortikulturali u tal-pajsaġġ. B'applikazzjoni tal-Artikolu L. 632-1 tal-Kodiċi Rurali, hija ġiet rikonoxxuta bid-Digriet tat-13 ta' Awwissu 1998, kif ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta' Franza fit-3 ta' Settembru 1998. Sabiex jingħata dan ir-rikonoxximent, l-awtorità amministrattiva ivverifikat biss li l-organizzazzjonijiet professjonali li ffurmaw il-bażi għall-ħolqien ta' “Val'Hor” huma rappreżentattivi u li l-għan tal-organizzazzjoni interprofessjonali huwa li jitwettqu miżuri kollettivi fl-interess ekonomiku tan-negozji privati tas-settur.

(27)

L-awtoritajiet Franċiżi żdiedu jgħidu li skont l-Artikoli L. 632-3 u L. 632-6 tal-Kodiċi Rurali, il-ftehimiet interprofessjonali konklużi minn “Val'Hor” bl-unanimità tal-organinizzazzjonijiet professjonali li jiffurmaw parti minnha, jistgħu jitqiesu bħala obbligatorji għall-operaturi kollha tas-settur u li huma ffinanzjati mill-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji, sakemm jipprevedu miżuri komuni jew sakemm huma mmirati lejn interess komuni. L-awtorità amministrattiva tivverifika biss li l-ftehim huwa konformi mar-regoli nazzjonali u Ewropej, u li d-dħul mill-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji miġbura jiffinanzja b'mod regolari l-miżuri ddefiniti mill-organizzazzjoni interprofessjonali nnifisha, għall-benefiċċju tas-settur kollu kemm hu. Għalhekk, l-awtorità amministrattiva ma għandha l-ebda rwol fil-kompożizzjoni, fl-organizzazzjoni u fil-modalitajiet ta' funzjonament ta' “Val'Hor”. B'dan il-mod l-organizzazzjoni tgawdi minn awtonomija massima biex tiddetermina l-miżuri interprofessjonali li tkun tixtieq twettaq.

(28)

L-awtoritajiet Franċiżi għalhekk ikkonkludew li, billi l-Istat ma għandu qatt is-setgħa li jidderiġi l-użu tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji biex jiffinanzja dawn il-miżuri, il-miżuri interprofessjonali mwettqa minn “Val'Hor” ma jikkostitwixxux strumenti għall-implimentazzjoni ta' politika tal-Istat.

(29)

F'dak li jirrigwarda l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar safejn il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji u l-użu tal-introjtu li dawn jiġġeneraw jimplikaw diskriminazzjoni a skapitu tal-prodotti esportati jew importati, u dwar il-kwistjoni jekk il-mod ta' ffinanzjar jirriskjax li jippreġudika l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, l-awtoritajiet Franċiżi indikaw li, sakemm il-bażi imponibbli tal-kontribuzzjonijiet deċiżi mill-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor” tiddependi biss mill-erja jew min-numru ta' impjegati tal-azjenda, il-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji mhumiex applikati għall-prodotti importati jew esportati. Għalhekk l-iffinanzjar tal-miżuri interprofessjonali bil-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji ma joħloq l-ebda diskriminazzjoni bejn il-prodotti nazzjonali u l-prodotti importati jew esportati, u ma jikkawża l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(30)

Fl-aħħar nett, l-awtoritajiet Franċiżi jfakkru li fi kwalunkwe każ, billi l-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji ma jitteħdux fuq il-prodotti importati, huma jqisu li l-miżuri li dawn jiffinanzjaw jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2008) 7846 tal-10 ta' Diċembru 2008, li tapprova l-kompatibbiltà tal-iskema ta' għajnuna mas-suq intern.

V.   L-OSSERVAZZJONIJIET TAL-PARTIJIET INTERESSATI DWAR IL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA

(31)

Fl-4 ta' April 2012, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar il-ftuħ tal-proċedura minn parti terza interessata.

(32)

F'dawn l-osservazzjonijiet, il-parti interessata qajmet mistoqsiji dwar l-implimentazzjoni ta' sistemi li fihom l-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor” se tkun fl-istess ħin l-inizjatur, il-leġiżlatur u l-kontrollur tal-kontropartijiet finanzjarji. Dawn il-mistoqsijiet joħorġu mill-istatut tal-organizzazzjoni interprofessjonali li jiffoka fuq ir-rappreżentanza tal-junjins, billi jillimita l-aċċess tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali għal dawk biss li jirrappreżentaw minoranza ta' impriżi ta' ċertu daqs.

(33)

Fil-5 ta' April 2012, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar il-ftuħ tal-proċedura mit-tieni parti terza interessata.

(34)

F'dawn l-osservazzjonijiet, il-parti interessata taqbel bis-sħiħ mal-analiżi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji u tqis li dawn imorru kontra l-Artikolu 110 tal-TFUE. Il-parti interessata tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni lejn il-karattru totalment illeġittimu tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji, u lejn ir-rwol tal-ġuriżdizzjonijiet nazzjonali fir-rigward tas-sanzjoni ta' din l-illeġittimità, li għandha tiġi kkonkretizzata bir-rikonoxximent tad-dritt tar-rimbors kollu hemm hu tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji mħallsa.

(35)

Fis-6 ta' April 2012, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet dwar il-ftuħ tal-proċedura mit-tielet parti terza interessata.

(36)

F'dawn l-osservazzjonijiet il-parti interessata tikkontesta l-analiżi tal-Kummissjoni intenzjonata biex il-miżuri meħuda minn “Val'Hor” jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat u li r-riżorsi tagħha għandhom jiġu assimilati mar-riżorsi tal-Istat minħabba li, din tal-aħħar teżerċita biss il-kontroll ta' konformità mal-liġi u mhux tal-politika tal-Assoċjazzjoni.

(37)

B'ittra tal-10 ta' Lulju 2012, l-awtoritajiet Franċiżi kkomunikaw il-kummenti tagħhom dwar l-osservazzjonijiet ippreżentati mill-partijiet terzi interessati, u kkonkludew li l-osservazzjonijiet trażmessi minn dawn tal-aħħar mhumiex tali li jqiegħdu f'diskussjoni l-osservazzjonijiet trażmessi mill-awtoritajiet Franċiżi lill-Kummissjoni.

VI.   EVALWAZZJONI

(38)

Fil-preliminarja tagħha, il-Kummissjoni tosserva li parti mill-miżuri pubbliċitarji jew ta' promozzjoni favur l-ortikultura inkwistjoni kienet iffinanzjata mis-sussidji ta' France-Agrimer ( “FAM” ) fil-qafas tal-iskemi ta' għajnuna notifikati lill-Kummissjoni bin-numri N 671/07 u XA 220/07 (in-numru tal-aħħar jikkorrispondi għal għajnuna eżentata). Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni li diġà saret, dwar in-natura tal-għajnuniet mill-Istat u ta' tali sussidji. Bl-istess mod, din id-Deċiżjoni mhix ibbażata fuq in-natura ta' għajnuna lis-settur f'każ ta' sussidji potenzjali mhux allokati għal miżura partikolari iżda mħallsa lill-baġit ta' organizzazjoni interprofessjonali tal-kategorija “Val'Hor”.

(39)

Għalhekk il-Kummissjoni tillimita ruħha li teżamina jekk l-iffinanzjar tal-miżuri bis-saħħa tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

VI.1.   L-eżistenza ta' għajnuna

(40)

L-Artikolu 107(1) tat-TFUE jistipula li hija inkompatibbli mas-suq intern kull għajnuna “ta' kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta' riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta' distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

(41)

Għalhekk biex jikkwalifikaw bħala għajnuna mill-Istat, il-miżuri eżaminati għandhom ikunu imputabbli lill-Istat u ffinanzjati mir-riżorsi tal-Istat.

(42)

F'dak li jirrigwarda s-sistema tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u n-natura tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk il-kontribuzzjonijiet jistgħux jikkostitwixxu riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni eżaminat il-miżura inkwistjoni, fid-dawl, fost oħrajn, tas-Sentenza tal-Qorti tat-30 ta' Mejju 2013 fil-Kawża C-677/11 “Doux Élevages”.

Is-soluzzjoni milqugħa mill-Qorti fis-Sentenza “Doux Élevages”

(43)

Fil-kawża “Doux Élevages”, il-Qorti wieġbet għal talba ta' pronunzja preġudizzjarja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE u, b'mod partikolari, dwar il-kunċett tar-“riżorsi tal-Istat” fil-każijiet li jimplikaw kontribuzzjonijiet volontarji magħmula obbligatorji.

(44)

Fis-Sentenza tagħha, il-Qorti kkonkludiet li d-deċiżjoni ta' Awtorità Nazzjonali li testendi ftehim lill-operaturi kollha ta' settur agrikolu, ftehim li, bħala ftehim interprofessjonali, jistitwixxi kontribuzzjoni fil-qafas ta' organizzazzjoni interprofessjonali rikonoxxuta mill-awtorità nazzjonali, u b'dan il-mod jagħmel il-kontribuzzjoni obbligatorja bil-għan li tippermetti l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' komunikazzjoni, ta' promozzjoni, ta' relazzjonijiet esterni, tal-assigurazzjoni ta' kwalità, ta' riċerka u ta' protezzjoni tal-interessi komuni tas-settur ikkonċernat, ma tikkostitwixxix element ta' għajnuna mill-Istat.

(45)

Fis-Sentenza tagħha, il-Qorti qieset li l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni ġejjin minn operaturi ekonomiċi privati li jeżerċitaw attività fis-swieq ikkonċernati, u dan jindika li dan il-mekkaniżmu ma jimplika l-ebda trasferiment dirett jew indirett tar-riżorsi tal-Istat. Il-fondi li jinħolqu mit-trasferimenti ma jgħaddux mill-baġit tal-Istat jew minn entità pubblika oħra u l-Istat ma jirrinunzja għall-ebda riżors, ikun ta' liema tip li jkun (bħal imposti, taxxi, kontribuzzjonijiet jew oħrajn), li skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kellu jiġi ttrasferit lill-baġit tal-Istat.

(46)

Fil-fehma tal-Qorti, dawn il-kontribuzzjonijiet iżommu l-karattru privat tagħhom mill-bidu sal-aħħar, u l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jużaw dawn ir-riżorsi li huma s-suġġett tal-proċedura prinċipali bħala appoġġ għal ċerti impriżi. Huma l-organizzazzjonijiet interprofessjonali kkonċernati li jiddeċiedu dwar l-użu ta' dawn ir-riżorsi, li b'konsegwenza ta' dan, jiġu allokati interament għall-għanijiet iddeterminati minnhom stess. Bl-istess mod, dawn ir-riżorsi mhumiex kontinwament taħt il-kontroll pubbliku u mhumiex għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet statali.

(47)

F'dak li jirrigwarda l-impatt finali li l-Istat jista' jeżerċita fuq il-funzjonament tal-organizzazzjoni interprofessjonali bid-deċiżjoni li testendi ftehim interprofessjonali lill-operaturi kollha ta' settur partikolari, il-Qorti hija tal-fehma li din mhix tali li titlob modifika għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq. Fil-fatt, il-Qorti tenfasizza li r-regolamenti inkwistjoni ma jikkonferixxux fuq l-awtorità kompetenti s-setgħa li tiggwida jew tinfluwenza l-amministrazzjoni tal-fondi.

(48)

Barra minn hekk, skont il-ġuriżprudenza tal-ġuriżdizzjonijiet kompetenti nazzjonali, id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Rurali li jirregolaw l-estensjoni ta' ftehim billi jistitwixxu kontribuzzjonijiet fil-qafas ta' organizzazzjoni interprofessjonali, ma jawtorizzawx lill-awtoritajiet pubbliċi li jissottomettu dawn il-kontribuzzjonijiet għal kontroll minbarra l-kontroll tar-regolarità u tal-konformità mal-liġi. L-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu biss bħala “strument” bil-għan li jrendu obbligatorji l-kontribuzzjonijiet istitwiti mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali għas-sodisfar tal-għanijiet li huma stess jiddeterminaw. Il-Qorti żiedet tgħid li l-fondi privati użati mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali ma jsirux riżorsi pubbliċi, sempliċement għaliex huma jiġu użati b'mod konġunt mal-ammonti li potenzjalment ikunu ġejjin mill-baġit tal-Gvern.

(49)

Barra minn hekk, il-Qorti iddikjarat li la s-setgħa tal-Istat li jirrikonoxxi organizzazzjoni interprofessjonali skont l-Artikolu L.632.1 tal-Kodiċi Rurali, u lanqas is-setgħa ta' dan l-Istat li jestendi ftehim interprofessjonali lill-operaturi kollha ta' settur partikolari skont l-Artikoli L.632-3 u L.632-4 ta' dan il-Kodiċi, ma jwasslu għall-konklużjoni li l-miżuri meħuda mill-organizzazzjoni interprofessjonali huma imputabbli lill-Istat.

(50)

Fid-Deċiżjoni tal-ftuħ tal-proċedura, il-Kummissjoni bbażat ruħha espliċitament fuq il-valutazzjoni tagħha tal-eżistenza ta' għajnuna mill-Istat, u b'mod partikolari l-implikazzjoni ta' riżorsi statali u l-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat, fuq l-argumenti li ġew irrifjutati mill-Qorti fis-Sentenza msemmija “Doux Élevages”.

L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tad-“Doux Elevages” għall-każ partikolari

(51)

Dwar l-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor”: Bħall-organizzazzjonijiet interprofessjonali l-oħra fi Franza, l-eżistenza tagħha, flimkien mal-missjonijiet u l-funzjonament tagħha. huma soggetti għar-rikonoxximent minn awtorità tal-Istat. Madankollu hija tibqa' entità ġuridika tal-liġi privata li ma tiffurmax parti mill-amministrazzjoni pubblika, billi kif jirrizulta mill-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Franċiżi, ir-rwol tal-Istat huwa limitat għar-rikonoxximent u għall-estensjoni tal-ftehimiet li hi għandha l-kompetenza li tikkonkludi.

(52)

Dwar il-mekkaniżmu tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji: Skont l-Artikolu L. 632-6 tal-Kodiċi Rurali, minkejja l-karattru obbligatorju tal-kontribuzzjonijiet, dawn jibqgħu krediti tal-liġi privata. Dawn la jgħaddu mill-baġit tal-Istat u lanqas minn entità pubblika, u lanqas minn fond ikkontrollat mill-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, mill-Artikoli tal-Kodiċi Rurali joħroġ li r-rwol tal-Istat huwa limitat għall-estensjoni tal-ftehimiet, filwaqt li l-organizzazzjoni interprofessjonali, f'dan il-każ “Val'Hor”, tibqa' responsabbli għall-istabbiliment tat-tariffi tal-kontribuzzjonijiet kif ukoll għall-użu tagħhom għall-għanijiet iddeterminati minnha stess.

(53)

F'dak li jirrigwarda l-għanijiet imsemmija hawn fuq, li jridu jintlaħqu mill-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-aktar bil-miżuri li jittieħdu, il-Qorti tiddikjara li fil-Kawża “Doux Élevages”, l-Artikolu L. 632-3 tal-Kodiċi Rurali jindika b'mod ġenerali ħafna u mhux eżawrijenti l-għanijiet li ftehim interprofessjonali għandu jiffaċilita sabiex ikun jista' jiġi estiż mill-awtorità pubblika, u għalhekk ma jirrendix l-estensjoni ta' tali ftehim soġġetta għas-segwitu ta' għanijiet konkreti, stabbiliti u ddefiniti mill-Istat.

(54)

Mis-Sentenza “Doux Élevages” effettivament jirriżulta li l-awtoritajiet nazzjonali ma jistgħux jutilizzaw ir-riżorsi ġejjin mill-kontribuzzjonijiet inkwistjoni biex jappoġġaw ċerti impriżi. Hija l-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata li tiddeċiedi dwar l-użu ta' dawn ir-riżorsi, li huma allokati interament għall-għanijiet iddeterminati minnha stess. Bl-istess mod, dawn ir-riżorsi mhumiex kontinwament taħt il-kontroll pubbliku u mhumiex għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet statali. Ir-regolamenti inkwistjoni ma jikkonferixxux fuq l-awtorità kompetenti s-setgħa li tiggwida jew li tinfluwenza l-amministrazzjoni tal-fondi. Kif ippreċiżat ukoll il-Qorti, l-impatt finali li l-Istat jista' jeżerċita fuq il-funzjonament tal-organizzazzjoni interprofessjonali bid-deċiżjoni li testendi ftehim interprofessjonali lill-operaturi kollha ta' settur partikolari, din mhix tali li titlob modifika għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq.

(55)

Il-Qorti enfasizzat li l-fondi privati użati mill-organizzazzjoni interprofessionali ma jsirux “riżorsi pubbliċi” biss għaliex kienu utilizzati flimkien ma' ammonti li potenzjalment jiġu mill-baġit tal-Gvern; il-fatt biss li wħud mill-miżuri kkonċernati huma ffinanzjati wkoll minn sussidji tal-FAM ma jippermettix li l-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji inkwisjtoni jiġu kkwalifikati bħala riżorsi tal-Istat, u dan fl-assenza ta' provi oħra li skonthom dawn is-sussidji għandhom jippermettu lill-Istat li jeżerċita kontroll suffiċjenti fuq il-fondi ġejjin mill-attività tal-ġbir tal-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji.

(56)

Barra minn hekk, il-Qorti ddikjarat li la s-setgħa tal-Istat li jirrikonoxxi organizzazzjoni interprofessjonali skont l-Artikolu L.632.1 tal-Kodiċi Rurali, u lanqas is-setgħa ta' dan l-Istat li jestendi ftehim interprofessjonali lill-operaturi kollha ta' settur partikolari skont l-Artikoli L.632-3 u L.632-4 ta' dan il-Kodiċi, ma jwasslu għall-konklużjoni li l-miżuri meħuda mill-organizzazzjoni interprofessjonali huma imputabbli lill-Istat.

(57)

Għar-raġunijiet indikati hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-iffinanzjar tal-miżuri inkwistjoni, meħuda mill-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor” mill-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji, mhuwiex ġej mir-riżorsi tal-Istat, u għaldaqstant ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.

VII.   KONKLUŻJONI

(58)

Minn dan jirriżulta li l-iffinanzjar tal-miżuri minn kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffinanzjar tal-miżuri ta' promozzjoni, ta' riklamar, ta' assistenza teknika u ta' riċerka u żvilupp imwettqa mill-organizzazzjoni interprofessjonali “Val'Hor” bil-kontribuzzjonijiet volontarji obbligatorji matul il-perjodu 2005-2014 ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE, mingħajr preġudizzju għall-konsiderazzjoni dwar jekk is-sussidji mill-Istat lil organizzazzjoni interprofessjonali jikkostitwixxux għajnuna lis-settur ikkonċernat jew le, jew jekk is-sussidji mogħtija għal dawn il-miżuri jikkostitwixxux għajnuniet mill-Istat.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta' April 2014.

Għall-Kummissjoni

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU C 66, 6.3.2012, p. 32.

(2)  Digriet tal-15 ta' Lulju 2004, Kawża C-345/02.

(3)  Digriet tal-20 ta' Settembru 2007, Kawża T-136/05, Il-Kummissjoni/Salvat.


Επάνω