EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012H0798

2012/798/UE: Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 349, 19.12.2012, p. 72–76 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2012/798/oj

19.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 349/72


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Diċembru 2012

dwar il-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2012/798/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (id-Direttiva Servizz Universali) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) tagħha,

Billi:

(1)

Suq kompetittiv għandu jgħin biex l-utenti finali jingħataw għażla wiesgħa ta’ kontenut, applikazzjonijiet u servizzi, bil-kwalità ta’ servizz li jeħtieġu. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippromwovu l-kapaċità tal-utenti li jkollhom aċċess għall-informazzjoni u li jqassmuha, kif ukoll li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, li jiġu fdati bl-implimentazzjoni tal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE, jistgħu jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz li għandhom jiġu imposti fuq l-impriża jew l-impriżi li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi, biex is-servizz ma jiddegradax u biex it-traffiku tan-netwerk ma jiġix imxekkel jew titnaqqaslu l-veloċità. Il-miżuri proposti għandhom ikunu ġġustifikati kif xieraq u proporzjonati fir-rigward tal-għanijiet u l-prinċipji regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (id-Direttiva Kwadru) (2). Meta jipproponu miżuri ta’ dan it-tip, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw il-linji gwida maħruġa mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) (3).

(2)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kwalunkwe miżura proposta, sabiex tiżgura li l-funzjonament tas-suq intern ma jiġix affettwat ħażin mir-rekwiżiti previsti. Għal din ir-raġuni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni b’abbozzi ta’ miżuri li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz jew li jemendaw rekwiżiti imposti qabel skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE. Il-mekkaniżmu ta’ notifika ma għandu jinvolvi l-ebda piż amministrattiv żejjed fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Abbozzi ta’ miżuri li jabrogaw xi rekwiżit li kien impost qabel, f’dan l-istadju ma għandhomx jiġu nnotifikati għajr għal fini ta’ trasparenza.

(3)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-valutazzjoni tagħha, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jippreżentawlha l-abbozzi ta’ miżuri tagħhom fi żmien xieraq qabel ma jiġu stabbiliti t-tali rekwiżiti. Dan għandu jsir permezz ta’ notifika li tispjega fil-qosor ir-raġunijiet għall-azzjoni, ir-rekwiżiti previsti u l-linja ta’ azzjoni proposta. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jiddiskutu, b’mod informali, l-abbozzi ta’ miżuri tagħhom mal-Kummissjoni qabel ma jinnotifikawhom lill-Kummissjoni.

(4)

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq valutazzjoni, għandu jingħata ammont minimu stabbilit ta’ informazzjoni dwar l-abbozzi ta’ miżuri. Minn naħa, għandha titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata valutazzjoni effettiva, u min-naħa l-oħra, li l-amministrazzjoni tiġi ssimplifikata kemm jista’ jkun. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jużaw formati standard għan-notifiki sabiex jgħinu fis-simplifikazzjoni tal-abbozzi ta’ miżuri nnotifikati u biex iħaffu l-proċess.

(5)

Meta l-Kummissjoni tagħmel kummenti jew rakkomandazzjonijiet dwar miżuri proposti li jistabbilixxu jew jemendaw rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkunsidraw dawn il-kummenti jew rakkomandazzjonijiet bis-sħiħ fid-deċiżjonijiet tagħhom dwar ir-rekwiżiti. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkontribwixxu wkoll biex tiġi żgurata t-trasparenza billi jikkomunikaw il-miżuri adottati, inkluż dawk li jabrogaw rekwiżiti imposti qabel.

(6)

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku, kemm in-notifika u l-informazzjoni ta’ appoġġ kollha, kif ukoll il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet li tkun għamlet jew in-notifika tagħha dwar il-fatt li ma tkun ħarġet ebda kumment jew rakkomandazzjoni. Meta awtorità regolatorja nazzjonali tqis li l-informazzjoni hija kunfidenzjali skont ir-regoli tal-UE jew nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità kummerċjali, il-Kummissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata għandhom jiżguraw dik il-kunfidenzjalità skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE,

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

GĦAN U AMBITU

1.

L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li jiġu żgurati approċċ koerenti, trasparenza sħiħa u proċedura simplifikata meta l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jkollhom l-intenzjoni li jieħdu miżuri li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE.

2.

Għal dan il-għan, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni, fi żmien xieraq:

(a)

b’abbozzi ta’ miżuri li jistabbilixxu rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE;

(b)

b’abbozzi ta’ miżuri li jemendaw rekwiżiti ta’ dan it-tip imposti qabel;

(c)

b’abbozzi ta’ miżuri li jabrogaw kwalunkwe rekwiżit ta’ dan it-tip impost qabel.

DEFINIZZJONIJIET

3.

It-termini definiti fid-Direttiva 2002/21/KE, fid-Direttiva 2002/22/KE u f’direttivi speċifiċi oħra għandhom l-istess tifsira meta użati f’din ir-Rakkomandazzjoni. Barra minn hekk:

 

“notifika” tfisser in-notifika ta’ abbozz ta’ miżura lill-Kummissjoni minn awtorità regolatorja nazzjonali skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE, akkumpanjata minn formola ta’ notifika kif previst f’din ir-Rakkomandazzjoni.

 

“abbozzi ta’ miżuri” huma dawk il-miżuri li jikkonċernaw ir-rekwiżiti ta’ kwalità tas-servizz li huma maħsuba biex is-servizz ma jiddegradax u biex it-traffiku tan-netwerk ma jiġix imxekkel jew titnaqqaslu l-veloċità, u li awtorità regolatorja nazzjonali tipproponi li jiġu imposti fuq l-impriża jew l-impriżi li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi.

PROĊEDURA TA’ NOTIFIKA

4.

L-abbozzi ta’ miżuri previsti fil-punt 2 għandhom isiru disponibbli mill-Kummissjoni permezz tal-formola ta’ notifika stabbilita fl-Anness. Fejn applikabbli, l-abbozzi ta’ miżuri li jiġu nnotifikati b’dan il-mod għandhom jinkludu din l-informazzjoni:

(a)

notifika fil-qosor li tinkludi:

(i)

l-identità tal-impriża jew l-impriżi li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi li l-abbozz ta’ miżura japplika għalihom;

(ii)

sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni;

(iii)

ir-rekwiżiti previsti li għandhom jiġu imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali;

(iv)

il-linja ta’ azzjoni proposta;

(b)

l-abbozz ta’ miżura tal-awtorità regolatorja nazzjonali u d-dokumenti ta’ appoġġ kollha, inkluż:

(i)

il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ inkwistjoni li jwasslu għall-impożizzjoni prevista ta’ rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz fuq l-impriża jew l-impriżi li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi;

(ii)

valutazzjoni tal-miżura proposta, b’mod partikolari fid-dawl tal-għanijiet tal-proposta u l-prinċipji regolatorji skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE;

(iii)

l-iskeda ta’ żmien provviżorja għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz;

(iv)

il-metodi speċifiċi li se jintużaw għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tat-tali rekwiżiti;

(v)

ir-riżultati ta’ kwalunkwe konsultazzjoni pubblika mwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali dwar il-miżura proposta; u

(vi)

l-opinjoni, meta din tkun ipprovduta, tal-awtorità nazzjonali tal-kompetittività.

5.

In-notifiki għandhom isiru permezz ta’ korrispondenza elettronika u għandha tintalab irċevuta bħala prova li n-notifika tkun waslet. Id-dokumenti mibgħuta permezz ta’ korrispondenza elettronika jitqiesu li jkunu waslu għand id-destinatarju dakinhar stess li jkunu ntbagħtu. In-notifiki jiġu rreġistrati fl-ordni li jaslu fih.

6.

In-notifiki jsiru effettivi fid-data li fiha l-Kummissjoni tirreġistrahom (id-data tar-reġistrazzjoni). L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha u l-BEREC jiġu innotifikati permezz tal-websajt tal-Kummissjoni u permezz ta’ korrispondenza elettronika dwar id-data tar-reġistrazzjoni tan-notifika, dwar is-suġġett tan-notifika u dwar kwalunkwe dokumentazzjoni ta’ appoġġ li tasal man-notifika, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE.

7.

In-notifiki għandhom ikunu b’lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-formola ta’ notifika tista’ timtela b’lingwa uffiċjali differenti minn dik tal-abbozz ta’ miżura. Kwalunkwe kummenti jew rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE għandhom ikunu bil-lingwa li fiha jkun miktub l-abbozz ta’ miżura nnotifikat, u fejn possibbli tradotti għal-lingwa użata fil-formola ta’ notifika.

8.

Meta mitluba minn awtorità regolatorja nazzjonali, il-Kummissjoni tidħol f’diskussjoni informali dwar l-abbozz ta’ miżura qabel ma tinnotifikaha.

9.

Fi kwalunkwe ħin, awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tiddeċiedi li tirtira n-notifika tagħha, f’liema każ, il-miżura nnotifikata titneħħa mir-reġistru u l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-oħra kollha u l-BEREC jiġu informati. Il-Kummissjoni tippubblika avviż dwar dan fuq il-websajt tagħha.

SKEDA U SEGWITU

10.

Skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni tivvaluta abbozz ta’ miżura kif previst fil-punt 2(a) jew il-punt 2(b), il-Kummissjoni tista’, wara li tkun analizzat l-informazzjoni rilevanti kollha, tagħmel kummenti jew rakkomandazzjonijiet dwar l-abbozz ta’ miżura, b’mod partikolari meta tqis li r-rekwiżiti proposti jistgħu jaffettwaw ħażin il-funzjonament tas-suq intern.

Il-perjodu ta’ analiżi ma għandux jieħu aktar minn xahrejn wara n-notifika tal-abbozz ta’ miżura, sakemm ma jkunx ġie miftiehem mod ieħor bejn il-Kummissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali.

11.

B’deroga mill-punt 10, fi żmien 15-il jum min-notifika tal-abbozz ta’ miżura:

(i)

l-awtorità regolatorja nazzjonali jew il-Kummissjoni jistgħu jitolbu li l-perjodu ta’ analiżi jiġi estiż għal perjodu ta’ żmien raġonevoli, b’mod partikolari minħabba l-komplessità tal-valutazzjoni, jew

(ii)

l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ titlob li l-perjodu ta’ analiżi jitqassar meta, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, tqis li jkun meħtieġ li tittieħed azzjoni urġenti, sabiex jiġu protetti l-kompetittività u l-interessi tal-utent aħħari.

Meta l-awtorità regolatorja nazzjonali jew il-Kummissjoni jitolbu li l-fażi ta’ analiżi ta’ xahrejn tiġi estiża jew titqassar, skont il-punt (i) jew (ii) ta’ hawn fuq, huma għandhom jiddikjaraw ir-raġuni għal din it-talba.

12.

It-tul taż-żmien ta’ derogi potenzjali mill-perjodu ta’ valutazzjoni ta’ xahrejn previst fil-punti 11(i) u 11(ii) għandu jkun suġġett għal ftehim minn qabel bejn il-Kummissjoni u l-awtorità regolatorja nazzjonali li jkun hemm fis-seħħ regoli ċari u prevedibbli dwar il-kwalità tas-servizz, fejn jitqiesu, b’mod partikolari, il-komplessità tal-valutazzjoni u l-interessi tal-utent aħħari u l-partijiet interessati l-oħra. Meta tintalab estensjoni skont il-punt 11(i), il-perjodu ta’ analiżi miftiehem kollu ma għandux ikun itwal minn tliet xhur wara d-data tan-notifika tal-abbozz ta’ miżura.

B’deroga mill-punt 11, il-Kummissjoni, wara analiżi inizjali tal-abbozz ta’ miżura nnotifikat, tista’ tgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali li l-perjodu ta’ analiżi tnaqqas b’xahar.

13.

Hekk kif isir qbil dwar deroga mill-perjodu ta’ analiżi ta’ xahrejn kif previst fil-punti 11 u 12, il-Kummissjoni tgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-oħra kollha u l-BEREC, u tippubblika avviż f’dak is-sens fuq il-websajt tagħha li jispeċifika t-tul tal-perjodu ta’ analiżi miftiehem.

14.

Bla ħsara għall-punti 11 u 12 ta’ hawn fuq, wara li tiġi rreġistrata n-notifika, il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi f’konformità mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2002/21/KE, tista’ titlob aktar tagħrif jew kjarifika ulterjuri mingħand l-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, fejn tispeċifika data ta’ skadenza għar-risposta. L-iskeda ta’ żmien tal-proċedura ta’ notifika tiġi estiża bl-għadd ta’ jiem li jgħaddu sakemm tasal ir-risposta għat-talba għal aktar tagħrif. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jagħmlu ħilithom biex jagħtu t-tagħrif fi żmien xieraq, meta dan ikun disponibbli.

15.

Meta tifformula l-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar miżuri proposti li jistabbilixxu jew jemendaw ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz f’konformità mal-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE, il-Kummissjoni tinnotifika lill-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata permezz ta’ korrispondenza elettronika u tippubblika dawn il-kummenti jew ir-rakkomandazzjonijiet fuq il-websajt tagħha.

16.

Meta l-Kummissjoni ma tkun ħarġet ebda kumment jew rakkomandazzjoni, hija għandha tgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali kkonċernata, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali l-oħra kollha u l-BEREC, u tippubblika avviż dwar dan fuq il-websajt tagħha.

17.

Awtorità regolatorja nazzjonali ma għandha tadotta ebda abbozz ta’ miżura skont il-punt 2(a) jew il-punt 2(b) qabel ma jintemm il-perjodu ta’ analiżi, stabbilit skont il-punti 10 sa 12. F’każ li l-Kummissjoni ma tkun ħarġet ebda kumment jew rakkomandazzjoni fl-iskeda ta’ żmien tan-notifika indikata, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista’ tadotta l-abbozz ta’ miżura nnotifikat. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jistgħu jadottaw abbozzi ta’ miżuri skont il-punt 2(c) fi kwalunkwe ħin wara n-notifika.

18.

Meta awtorità regolatorja nazzjonali tadotta miżura skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE, hija għandha tgħarraf lill-Kummissjoni b’din il-miżura adottata. Fuq il-websajt tagħha, il-Kummissjoni se tippubblika kull miżura li tiġi adottata, suġġett għar-regoli ta’ kunfidenzjalità f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/21/KE.

DISPOŻIZZJONIJIET ADDIZZJONALI

19.

F’konformità mar-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill (4), kwalunkwe perjodu ta’ żmien imsemmi fir-Rakkomandazzjoni jiġi kkalkulat kif ġej:

(a)

fejn perjodu espress f’jiem, ġimgħat jew xhur irid jiġi kkalkulat mill-mument li fih iseħħ avveniment, il-jum li matulu dak l-avveniment iseħħ ma għandux jingħadd bħala li jaqa’ fil-perjodu inkwistjoni;

(b)

perjodu espress f’ġimgħat jew xhur jintemm bl-iskadenza tal-jum, ikun liema jkun, fl-aħħar ġimgħa jew fl-aħħar xahar, li jkun l-istess jum tal-ġimgħa jew jaqa’ fl-istess data bħal tal-jum li fih ikun seħħ l-avveniment li minnu l-perjodu għandu jiġi kkalkulat. Jekk, f’perjodu espress f’xhur, il-jum li fih għandu jiskadi ma jkunx jokkorri fl-aħħar xahar, il-perjodu għandu jintemm bl-iskadenza tal-aħħar jum ta’ dak ix-xahar;

(c)

il-perjodi ta’ żmien għandhom jinkludu l-btajjel uffiċjali, is-Sibtijiet u l-Ħdud;

(d)

il-ġranet tax-xogħol ifissru l-jiem kollha barra l-btajjel uffiċjali u/jew pubbliċi, is-Sibtijiet u l-Ħdud. Jekk perjodu ta’ żmien ikun jispiċċa s-Sibt, il-Ħadd jew nhar btala uffiċjali, għandu jiġi estiż sa tmiem l-ewwel ġurnata tax-xogħol li jkun imiss. Il-lista ta’ btajjel uffiċjali kif determinata mill-Kummissjoni tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel il-bidu ta’ kull sena.

20.

Il-Kummissjoni, flimkien mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u l-BEREC, se tagħmel il-monitoraġġ tal-applikazzjoni tal-proċedura ta’ notifika. Il-Kummissjoni se tevalwa jekk ikunx meħtieġ li ssir analiżi ta’ din ir-Rakkomandazzjoni sentejn wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

21.

Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Neelie KROES

Viċi President


(1)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 51.

(2)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33.

(3)  Ara BEREC, Guidelines for Quality of Service in the scope of Net Neutrality, BoR (12) 32.

(4)  ĠU L 124, 8.6.1971, p. 1.


ANNESS

Formola ta’ notifika fir-rigward ta’ abbozzi ta’ miżuri skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE

DAĦLA

Il-formola ta’ notifika tispeċifika l-informazzjoni fil-qosor li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jridu jipprovdu lill-Kummissjoni meta jibagħtu notifika ta’ abbozzi ta’ miżuri skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE.

Il-Kummissjoni biħsiebha tiddiskuti mal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kwistjonijiet marbuta mal-implimentazzjoni tal-Artikolu 22(3), speċjalment waqt il-laqgħat ta’ qabel in-notifika. Konsegwentement, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali huma mħeġġa jikkonsultaw mal-Kummissjoni dwar kwalunkwe aspett tal-formola ta’ notifika u, b’mod partikolari, dwar it-tip ta’ informazzjoni li huma mitluba jipprovdu jew, kuntrarjament, dwar il-possibbiltà li jeliminaw il-ħtieġa li jipprovdu ċerta informazzjoni fir-rigward ta’ miżuri li jimponu rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz skont l-Artikolu 22(3) tad-Direttiva 2002/22/KE.

Huwa importanti li l-Kummissjoni tingħata informazzjoni fil-qosor li tinkludi: (i) l-identità tal-impriża jew l-impriżi li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi li huma suġġetti għall-abbozz ta’ miżura; (ii) sommarju tar-raġunijiet għall-azzjoni; (iii) ir-rekwiżiti previsti li għandhom jiġu imposti mill-awtorità regolatorja nazzjonali; u (iv) il-linja ta’ azzjoni proposta.

L-abbozz ta’ miżura tal-awtorità regolatorja nazzjonali, li jkun jinkludi r-raġunament xieraq, għall-ġustifikazzjoni li l-miżuri proposti jiġu adottati u għall-proporzjonalità tagħhom, skont il-punt 1 u l-punt 2 ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, għandu jiġi mehmuż mal-formola ta’ notifika. L-abbozz ta’ miżura għandu jinkludi: (i) il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ partikolari li jwasslu għall-impożizzjoni prevista ta’ rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz fuq l-impriża jew l-impriżi li jipprovdu netwerks ta’ komunikazzjoni pubbliċi; (ii) valutazzjoni tal-miżura proposta, speċjalment fid-dawl tal-għanijiet tal-proposta u l-prinċipji regolatorji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE; (iii) l-iskeda ta’ żmien provviżorja għall-implimentazzjoni tar-rekwiżiti minimi ta’ kwalità tas-servizz u l-metodi speċifiċi li se jintużaw għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tat-tali rekwiżiti; (iv) ir-riżultati ta’ kwalunkwe konsultazzjoni pubblika preċedenti mwettqa mill-awtorità regolatorja nazzjonali; u (v) l-opinjoni, meta din tkun ipprovduta, tal-awtorità nazzjonali tal-kompetittività.

INFORMAZZJONI FIL-QOSOR

Iddeskrivi fil-qosor il-kontenut tal-abbozz ta’ miżura nnotifikat:

 

Indika r-referenza tan-notifika skont l-Artikolu 22(3) ta’ miżuri li ġew innotifikati qabel (jekk dan ikun il-każ):

 

Identifika l-impriża jew l-impriżi li l-abbozz ta’ miżura jimponi obbligi fuqhom:

 

Iddeskrivi fil-qosor ir-raġunijiet għall-azzjoni:

 

Iddeskrivi fil-qosor ir-rekwiżiti previsti:

 

Iddeskrivi fil-qosor il-linja ta’ azzjoni proposta:

 

Ir-referenza tal-abbozz ta’ miżura nnotifikat (flimkien mal-link tal-Internet, jekk disponibbli):

 


Top