Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0866

    2011/866/UE: Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 19 ta’ Diċembru 2011 li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill- 1 ta’ Lulju 2011 , ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom

    ĠU L 341, 22.12.2011, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2011/866/oj

    22.12.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 341/54


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    tad-19 ta’ Diċembru 2011

    li tikkonċerna l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom

    (2011/866/UE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, u b’mod partikolari l-Artikolu 65 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-Annessi VII, XI u XIII tiegħu, u l-Artikolu 20 tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni kif ukoll il-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom,

    Billi:

    (1)

    B’kont meħud ta’ deterjorament serju u ħesrem fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni, il-Kunsill, fis-17 ta’ Diċembru 2010, talab lill-Kummissjoni biex din timplimenta l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal billi tippreżenta proposta adatta għall-aġġustament annwali tal-2011. Fit-13 ta’ Lulju 2011, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill ir-rapport dwar il-klawsola ta’ eċċezzjoni (l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal) (“ir-rapport”) li jkopri l-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2010 sa nofs Mejju 2011. Abbażi tar-rapport, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-klawsola ta’ eċċezzjoni ma kinux sodisfatti.

    (2)

    Il-Kunsill ma qabilx mal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, billi dawn, fil-fehma tal-Kunsill, ma kinux jirriflettu s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni.

    (3)

    Konsegwentement u fid-dawl tal-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali fl-Unjoni u li qed tirriżulta f’aġġustamenti fiskali sostanzjali f’numru kbir ta’ Stati Membri, fl-4 ta’ Novembru 2011 il-Kunsill tenna t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex timplimenta l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal abbażi ta’ data li tirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fil-ħarifa tal-2011 u biex tippreżenta proposta għal aġġustament adatt tar-rimunerazzjoni fi żmien biżżejjed li jippermetti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jeżaminawha qabel tmiem l-2011.

    (4)

    Fil-25 ta’ Novembru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill informazzjoni supplimentari dwar ir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-klawsola ta’ eċċezzjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 (“l-informazzjoni supplimentari”). Il-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni baqgħu jfissru li l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawsola ta’ eċċezzjoni ma kinux sodisfatti.

    (5)

    Effettivament, il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011, ir-rimunerazzjoni u l-pensjoni tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom issegwi l-metodu stabbilit fl-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal. Iċ-ċifra għall-aġġustament annwali għall-2011 proposta mill-Kummissjoni hija ta’ 1,7 %.

    (6)

    Il-Kunsill iqis li ebda wieħed mid-dokumenti ppreżentati mill-Kummissjoni, jiġifieri r-“rapport” u l-“informazzjoni supplimentari”, ma jipprovdi riflessjoni preċiża u komprensiva tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali fl-Unjoni.

    (7)

    Barra minn hekk, fil-fehma tal-Kunsill, il-Kummissjoni għamlet żball meta ddefinixxiet b’mod strett wisq it-tul ta’ żmien li għandu jiġi kopert bl-analiżi tagħha. Dak l-iżball impedixxa lill-Kummissjoni milli tagħmel valutazzjoni korretta tas-sitwazzjoni u għalhekk ikkawża anomaliji sinifikanti fil-konklużjonijiet derivati miż-żewġ dokumenti, jiġifieri li ma kienx hemm deterjorament ħesrem u serju ta’ sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni.

    (8)

    Il-Kunsill ma jikkondividix dawn il-konklużjonijiet. Il-Kunsill huwa konvint li l-kriżi finanzjarja u ekonomika li hemm bħalissa fl-Unjoni u li tirriżulta f’aġġustamenti fiskali sostanzjali, inter alia aġġustamenti fis-salarji ta’ uffiċjali nazzjonali, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tikkostitwixxi deterjorament serju u ħesrem tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-Unjoni.

    (9)

    Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-Kunsill, dan id-deterjorament serju u ħesrem tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali ma setax ġie rifless malajr biżżejjed fir-rimunerazzjonijiet tal-uffiċjali permezz tal-applikazzjoni tal-metodu.

    (10)

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, it-tbassir għat-tkabbir fl-Unjoni tnaqqas sostanzjalment għas-sena 2012 minn + 1,9 % għal + 0,6 %. It-tkabbir trimestrali tal-UE niżel minn + 0,7 % fl-ewwel trimestru tal-2011 għal + 0,2 % fit-tieni u t-tielet trimestri ta’ dik is-sena. Fir-rigward tar-raba’ trimestru tal-2011 u l-ewwel trimestru tal-2012, mhu qed jiġi previst l-ebda tkabbir tal-PDG.

    (11)

    Waqt il-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali attwali, kella tingħata aktar attenzjoni lis-sitwazzjoni dwar is-swieq finanzjarji, b’mod partikolari għad-distorsjonijiet fir-rigward tal-għoti ta’ kreditu u għat-tnaqqis fil-prezzijiet tal-assi, li huma fatturi determinanti ewlenin għall-iżvilupp ekonomiku.

    (12)

    Fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika, il-ħolqien tax-xogħol ma kienx biżżejjed biex jirrimedja riduzzjoni kbira prinċipali fir-rata tal-qgħad. Ir-rata tal-qgħad tal-Unjoni fl-2010 u l-2011 telgħet u niżlet sabiex tilħaq 9,8 % f’Ottubru 2011 u għandha tibqa’ għolja b’mod kostanti.

    (13)

    Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kunsill jikkunsidra li l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ deterjorament serju u ħesrem fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali u r-rifjut tagħha li tressaq proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal hija bbażata fuq raġunijiet manifestament insuffiċjenti u żbaljati.

    (14)

    Ladarba l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-Kawża C-40/10 li, għall-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal, il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 10 tiegħu, tikkostitwixxi l-uniku mezz li bih jittieħed kont ta’ kriżi ekonomika fl-aġġustament tar-rimunerazzjoni, il-Kunsill kien dipendenti fuq proposta mill-Kummissjoni li tapplika dak l-Artikolu fi żmenijiet ta’ kriżi.

    (15)

    Il-Kunsill huwa konvint li fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal u skont id-dmir ta’ kooperazzjoni leali bejn l-istituzzjonijiet kif stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni kienet obbligata tippreżenta proposta adatta lill-Kunsill. Il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni u n-nuqqas tagħha li tippreżenta tali proposta jiksru għalhekk dak l-obbligu.

    (16)

    Ladarba l-Kunsill jista’ jaġixxi biss fuq proposta mill-Kummissjoni, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tasal għall-konklużjonijiet korretti mill-evidenza u li tippreżenta proposta taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal impedixxa lill-Kunsill milli jirreaġixxi korrettement għad-deterjorament serju u ħesrem fis-sitwazzjoni ekonomika u soċjali permezz ta’ att taħt l-Artikolu 10 tal-Anness XI tar-Regolamenti tal-Persunal,

    JIDDEĊIEDI LI JOPPONI L-ADOZZJONI TAL-PROPOSTA TAL-KUMMISSJONI għal Regolament tal-Kunsill li jaġġusta b’effett mill-1 ta’ Lulju 2011 ir-rimunerazzjoni u l-pensjonijiet tal-uffiċjali u ta’ aġenti oħra tal-Unjoni u l-koeffiċjenti korrettivi li japplikaw għalihom.

    Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. KOROLEC


    Top