EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0634

2010/634/UE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Ottubru 2010 li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7180)

ĠU L 279, 23.10.2010, p. 34–35 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 07/09/2013

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/634/oj

23.10.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 279/34


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-22 ta’ Ottubru 2010

li taġġusta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Iskema tal-Unjoni għall-2013 u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2010/384/UE

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7180)

(2010/634/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 9a(3) tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 9a tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha għandha tiġi aġġustata sabiex tirrefletti l-kwoti li nħarġu fir-rigward ta’ installazzjonijiet li kienu inklużi fl-Iskema ta’ Skambju ta’ Emissjonijiet tal-UE matul il-perjodu ta’ bejn l-2008 u l-2012 skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2003/87/KE. Il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha għandha tiġi aġġustata fir-rigward ta’ installazzjonijiet li jwettqu attivitajiet imniżżla fl-Anness I għad-Direttiva u li huma inklużi biss fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ’il quddiem.

(2)

Skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/384/UE tad-9 ta’ Lulju 2010 dwar il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Komunità kollha skont l-Iskema tal-UE għall-Iskambju tal-Emissjonijiet għall-2013 (2) ibbażat il-kwantità assoluta ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha għall-2013 fuq il-kwantità globali ta’ kwoti maħruġa jew li se jinħarġu mill-Istati Membri skont id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom għall-perjodu bejn l-2008 u l-2012. Peress li saret disponibbli informazzjoni addizzjonali mill-adozzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni, din għandha tiġi revokata u mibdula.

(3)

B’segwitu għall-applikazzjonijiet tal-Istati Membri għall-inklużjoni unilaterali ta’ attivitajiet u gassijiet addizzjonali fl-iskema tal-Unjoni skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, l-attivitajiet li ma kinux inklużi qabel fl-iskema tal-Unjoni ġew inklużi fl-iskema permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2008) 7867, C(2009) 3032 u C(2009) 9849. Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, l-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2003/87/KE għandhom jitqiesu f’każ li l-Kummissjoni kienet approvat l-inklużjoni tagħhom qabel il-31 ta’ Awwissu 2010. Se jkun possibbli li, fl-aġġustamenti futuri fil-kwantità ta’ kwoti li jinħarġu għall-Unjoni kollha għall-2013, jiġu riflessi dawk l-inklużjonijiet approvati mill-Kummissjoni wara din id-data. Skont l-Artikolu 9a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha għandha tiġi aġġustata permezz tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva, mill-2010 ’il quddiem.

(4)

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li temenda d-Direttiva 2003/87/KE, sabiex tiġi mtejba u estiża l-iskema ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra tal-Komunità (3), l-Istati Membri daħħlu fis-seħħ leġiżlazzjoni nazzjonali, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jiżguraw li l-operaturi tal-installazzjonijiet li qegħdin iwettqu l-attivitajiet imniżżla fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE li huma inklużi biss fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ’il quddiem, ikunu jistgħu jipprovdu lill-awtorità kompetenti rilevanti dejta dwar l-emissjonijiet li hija ssostanzjata b’mod xieraq u vverifikata b’mod indipendenti. Din id-dejta hija neċessarja jekk għandha titqies fl-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha. L-Istati Membri kienu meħtieġa li jinnotifikaw id-dejta ssonstanzjata b’mod xieraq dwar l-emissjonijiet lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Ġunju 2010.

(5)

Sabiex jiġu pprovduti kundizzjonijiet indaqs għall-installazzjonijiet kollha, id-dejta dwar l-emissjonijiet innotifikata mill-Istati Membri lill-Kummissjoni għandha tiġi aġġustata sabiex jitqies l-isforz fit-tnaqqis tal-emissjonijiet li kien ikun mistenni mill-installazzjonijiet li ġew inklużi fl-iskema tal-Unjoni biss mill-2013, li kieku dawn kienu ġew inklużi fl-iskema tal-Unjoni mill-2005. Mill-2010 ’il quddiem il-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha trid tiġi aġġustata wkoll skont l-Artikolu 9a(2) tad-Direttiva permezz tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva. Fl-eventwalità li jissieħeb Stat Membru ġdid fl-Unjoni, se jkun possibli li tiġi riflessa informazzjoni addizzjonali f’aġġustamenti futuri fil-kwantità ta’ kwoti li jinħarġu għall-Unjoni kollha.

(6)

Fejn l-Istati Membri nnotifikaw emissjonijiet minn installazzjonijiet li jipproduċu ammonja jew karbonat tas-sodju, li se jkunu biss inklużi fl-iskema tal-Unjoni mill-2013, l-emissjonijiet li jintużaw bħala bażi għall-kalkulazzjoni tal-aġġustament tal-kwantità tal-kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha stabbilit f’din id-Deċiżjoni, tqiesu fuq is-suppożizzjoni li dawn l-emissjonijiet jirrappreżentaw emissjonijiet fis-sens tal-Artikolu 3(b) tad-Direttiva 2003/87/KE. Sabiex tiġi ggarantita l-konsistenza bejn il-kwantità globali ta’ kwoti fl-iskema tal-Unjoni, u l-emissjonijiet li għalihom iridu jiġu ċeduti xi kwoti, se jkun possibbli li tiġi riveduta l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha, jekk ir-Regolament li se jkun adottat skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2003/87/KE jiddevja minn dan l-approċċ.

(7)

Sabiex jiġi evitat l-għadd doppju, huma biss l-emissjonijiet li ġew innotifikati fir-rigward tal-attivitajiet imniżżla fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE inklużi fl-ambitu tal-iskema tal-Unjoni mill-2013 li għandhom jitqiesu għall-aġġustament tal-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha.

(8)

Skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE, l-Istati Membri jistgħu jeskludu ċertu installazzjonijiet mill-iskema tal-Unjoni kollha jekk dawn jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kull waħda minn dawk l-installazzjonijiet sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru 2011 u l-Kummissjoni ma toġġezzjonax. Sal-lum, il-Kummissjoni ma rċiviet l-ebda notifkazzjoni mill-Istati Membri f’dan ir-rigward. Se jkun possibbli li jiġu riflessi dawn l-esklużjonijiet f’aġġustamenti futuri fil-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha għall-2013.

(9)

Jista’ jkun meħtieġ li titqies informazzjoni addizzjonali li tikkonċerna l-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE kif stabbilit bid-Deċiżjoni 2010/384/UE, meta din l-informazzjoni ssir disponibbli. Se jkun possibbli li tiġi riflessa din l-informazzjoni addizzjonali f’aġġustamenti futuri fil-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha għall-2013.

(10)

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli mill-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/384/UE, il-kwantità globali medja ta’ kwoti maħruġa fis-sena mill-Istati Membri skont id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni fuq il-pjanijiet nazzjonali ta’ allokazzjoni tagħhom għall-perjodu bejn l-2008 u l-2012, li titqies fil-kalkulazzjoni tal-kwantità ta’ kwoti li se jinħarġu għall-Unjoni kollha skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 2 037 227 209.

(11)

Għall-2013, il-kwantità assoluta ta’ kwoti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 1 930 883 949.

(12)

Għall-2013, il-kwantità ta’ kwoti li nħarġu fir-rigward tal-installazzjonijiet li ġew inklużi fl-iskema tal-Unjoni matul il-perjodu bejn l-2008 u l-2012 skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2003/87/KE u li ġiet aġġustata permezz tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva tammonta għal 1 328 218.

(13)

Għall-2013, il-kwantità ta’ kwoti maħruġa fir-rigward tal-installazzjonijiet li huma inklużi fl-iskema tal-Unjoni mill-2013 ’il quddiem u aġġustata permezz tal-fattur lineari msemmi fl-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva tammonta għal 106 940 715.

(14)

Abbażi tal-Artikolu 9 u l-Artikolu 9a, il-kwantità globali ta’ kwoti li se jinħargu mill-2013 ’il quddiem se tonqos kull sena b’fattur lineari ta’ 1,74 %, li tammonta għal 37 435 387 kwota.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-2013, il-kwantità assoluta ta’ kwoti għall-Unjoni kollha msemmija fl-Artikolu 9 u l-Artikolu 9a(1) u (2) tad-Direttiva 2003/87/KE tammonta għal 2 039 152 882.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni 2010/384/UE hija revokata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Kummissjoni

Connie HEDEGAARD

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.

(2)  ĠU L 175, 10.7.2010, p. 36.

(3)  ĠU L 140, 5.6.2009, p. 63.


Top