This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32010H0191
Commission Recommendation of 22 March 2010 on the scope and effects of legal tender of euro banknotes and coins
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro
Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat- 22 ta’ Marzu 2010 dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro
ĠU L 83, 30.3.2010, p. 70–71
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.3.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 83/70 |
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-22 ta’ Marzu 2010
dwar il-firxa u l-effetti tal-valuta legali tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro
(2010/191/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 292 tiegħu,
Billi:
(1) |
L-istatus ta’ valuta legali tal-karti tal-flus tal-euro stabbiliti bl-Artikolu 128 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-kapitolu dwar il-politika monetarja. Skont l-Artikolu 3(1) (c) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandu jkollha kompetenza esklussiva fir-rigward tal-politika monetarja għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (“l-Istati Membri parteċipanti”). |
(2) |
Skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta’ Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro, (1) il-muniti tal-euro għandhom ikunu l-uniċi muniti li għandhom l-istatus tal-valuta legali fl-Istati Membri parteċipanti. |
(3) |
Attwalment hemm xi inċertezza fil-livell taż-żona tal-euro fir-rigward tal-firxa tal-valuta legali u l-konsegwenzi ta’ dan. |
(4) |
Din ir-rakkomandazzjoni hija bbażata fuq il-konklużjonijiet ewlenin ta’ rapport imħejji minn grupp ta’ ħidma li jikkonsisti minn rappreżentanti mill-Ministeri tal-Finanzi u mill-Banek Ċentrali Nazzjonali taż-żona tal-euro. |
(5) |
Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni tliet snin wara l-adozzjoni tagħha u tevalwa jekk humiex meħtieġa l-miżuri regolatorji. |
ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:
1. Definizzjoni komuni tal-valuta legali
Fejn jeżisti obbligu ta’ ħlas, il-valuta legali ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro għandha timplika:
(a) |
Aċċettazzjoni obbligatorja: Il-kreditur ta’ xi obbligu ta’ ħlas ma jistax jirrifjuta karti tal-flus u muniti tal-euro sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu fuq mezzi oħra ta’ ħlas. |
(b) |
Aċċettazzjoni fuq valur nominali sħiħ: Il-valur monetarju ta’ karti tal-flus u muniti tal-euro huwa ugwali għall-ammont indikat fuq il-karti tal-flus u l-muniti. |
(c) |
Il-poter li jinħelsu l-obbligi għall-ħlas: Debitur jista’ jeħles lilu nnifsu minn obbligu tal-ħlas billi joffri l-karti tal-flus u l-muniti lill-kreditur. |
2. Aċċettazzjoni ta’ ħlasijiet bil-karti tal-flus u l-muniti fit-transazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut
L-aċċettazzjoni tal-karti tal-flus u muniti bħala mezzi ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut għandha tkun ir-regola. Rifjut ta’ dawn jista’ jkun possibbli biss abbazi ta’ raġunijiet marbuta mal-“prinċipju tal-buona fede” (per eżempju, il-bejjieħ bl-imnut ma jkollux bqija disponibbli).
3. Aċċettazzjoni ta’ karti tal-flus b’denominazzjoni għolja fi tranżazzjonijiet bl-imnut
Il-karti tal-flus b’denominazzjoni għolja għandhom ikunu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas fit-tranżazzjonijiet tal-bejgħ bl-imnut. Rifjut ta’ dan għandu jkun possibbli biss abbażi ta’ raġunijiet marbuta mal-“prinċipju tal-buona fede” (per eżempju, il-valur nominali tal-karta tal-flus offruta ma tkunx proporzjonata meta mqabbla mal-ammont dovut lill-kreditur tal-ħlas).
4. L-assenza tal-ħlasijiet żejda imposti fuq l-użu tal-karti tal-flus u l-muniti tal-euro
L-ebda ħlas żejjed m’għandu jiġi impost fuq il-ħlasijiet li jsiru bil-karti tal-flus u bil-muniti.
5. Il-karti tal-flus tal-Euro imċappsa permezz tas-sistemi ta’ newtralizzazzjoni intelliġenti tal-karti tal-flus (Intelligent Banknote Neutralisation Systems – IBNS)
Anke jekk il-karti tal-flus tal-euro mċappsa bil-linka tas-sigurtà tas-Sistemi ta’ Newtralizzazzjoni Intelliġenti tal-Karti tal-Flus (IBNS) huma valuta legali, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw attivament lill-partijiet interessati (banek, bejjiegħa bl-imnut, il-pubbliku ġenerali) li l-karti tal-flus mċappsa għandhom jinġiebu lura fil-Banek Ċentrali Nazzjonali billi x’aktarx illi jkunu insterqu.
6. Il-qerda totali ta’ karti tal-flus u muniti maħruġa minn individwi
L-Istati Membri m’għandhom la jipprojbixxu u lanqas jippenalizzaw il-qerda totali ta’ kwantitajiet żgħar ta’ karti tal-flus jew muniti tal-euro minn individwi. Dawn għandhom madankollu jipprojbixxu l-qerda ta’ kwantitajiet kbar ta’ karti tal-flus jew muniti tal-euro.
7. Mutilazzjoni ta’ karti tal-flus jew muniti għal-għanijiet artistiċi
L-Istati Membri m’għandhomx jinkoraġġixxu l-mutilazzjoni ta’ karti tal-flus jew ta’ muniti għal għanijiet artistiċi iżda għandhom jittollerawha. Karti tal-flus jew muniti bħal dawn għandhom jitqiesu bħala mhux tajbin għaċ-ċirkulazzjoni.
8. Il-kompetenza għad-deċiżjoni dwar il-qerda ta’ muniti li huma tajbin għaċ-ċirkulazzjoni
Id-deċiżjoni biex jinqerdu muniti li huma tajbin għaċ-ċirkulazzjoni m’għandhiex tittieħed minn awtorità nazzjonali waħda biss. Qabel ma ssir il-qerda ta’ muniti tal-euro tajbin għaċ-ċirkulazzjoni, l-awtorità nazzjonali kompententi għandha tikkonsulta lis-Sotto-Kumitat tal-Munita tal-Euro tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u tinforma l-Grupp ta’ Ħidma tad-Diretturi taz-Zekka.
9. Il-valuta legali tal-muniti taċ-ċenteżmu u ż-żewġ ċenteżmi tal-euro u r-regoli ta’ tqarrib
Fi Stati Membri fejn ġew adottati r-reġimi ta’ tqarrib u l-prezzijiet tqarrbu għall-eqreb ħames ċenteżmi, il-muniti tal-euro taċ-ċenteżmu u taż-żewġ ċenteżmi għandhom jibqgħu valuta legali u għandhom ikomplu jiġu aċċettati bħala mezz ta’ ħlas. L-Istati Membri madankollu għandhom jevitaw li jadottaw regoli ġodda ta’ tqarrib billi dawn jaffettwaw b’mod negattiv il-poter li jeħilsu minn obbligu ta’ ħlas billi joffru l-ammont eżatt dovut u billi f’xi ċirkustanzi dan jista’ jwassal għal ħlas żejjed fuq il-ħlasijiet bil-flus kontanti.
10. Il-valuta legali tal-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha biex jipprevjenu li l-muniti tal-euro għall-kollezzjonisti jintużaw bħala mezz ta’ ħlas (per eżempju pakkettjar speċjali, komunikazzjoni ċara, użu ta’ metall prezzjuż, prezzijiet tal-bejgħ ‘il-fuq mill-valur nominali).
Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, lill-Bank Ċentrali Ewropew, u lill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u tal-konsumatur nazzjonali u Ewropej.
Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Marzu 2010.
Għall-Kummissjoni
Olli REHN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.