EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0180

2010/180/: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 25 ta’ Marzu 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2008/911/KE li tistabbilixxi lista ta’ sustanzi erbali, preparazzjonijiet erbali u kombinazzjonijiet tagħhom għal użu fi prodotti mediċinali erbali tradizzjonali (notifikata bid-dokument numru C(2010) 1867) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 80, 26.3.2010, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/180/oj

26.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 80/52


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-25 ta’ Marzu 2010

li temenda d-Deċiżjoni 2008/911/KE li tistabbilixxi lista ta’ sustanzi erbali, preparazzjonijiet erbali u kombinazzjonijiet tagħhom għal użu fi prodotti mediċinali erbali tradizzjonali

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1867)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/180/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 16f tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini, ifformulati fis-6 ta’ Novembru 2008 mill-Kumitat għall-Prodotti Mediċinali Erbali,

Billi:

(1)

Il-Mentha x piperita L. tista’ titqies bħala sustanza erbali, preparazzjoni erbali jew taħlitiet tagħhom fit-tifsira tad-Direttiva 2001/83/KE u tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’dik id-Direttiva.

(2)

Għaldaqstant jixraq li l-Mentha x piperita L tiġi inkluża fil-lista ta’ sustanzi erbali, preparazzjoniet u taħlitiet tagħhom għall-użu fi prodotti mediċinali erbali tradizzjonali stabbiliti permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/911/KE (2).

(3)

Sabiex jiġu evitati d-duplikazzjonijiet u l-kontradizzjonijiet possibbli bejn l-Annessi u l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2008/911/KE, jixraq li jitneħħew r-referenzi għal sustanzi waħdanin f’dawk l-Artikoli.

(4)

Id-Deċiżjoni 2008/911/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(5)

Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Prodotti Mediċinali għall-Użu mill-Bniedem,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2008/911/KE tiġi emendata kif ġej:

(1)

L-Artikoli 1 u 2 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Lista ta’ sustanzi erbali, preparazzjonijiet u taħlitiet tagħhom għall-użu fi prodotti mediċinali erbali tradizzjonali hija stabbilita fl-Anness I.

Artikolu 2

L-indikazzjonijiet, id-dożaġġi speċifikati u l-pożoloġija, kif jittieħdu u kull informazzjoni oħra meħtieġa għall-użu bla periklu tas-sustanzi erbali bħala prodott mediċinali tradizzjonali relevanti għas-sustanzi erbali elenkati fl-Anness I huma stabbiliti fl-Anness II.”.

(2)

L-Annessi I u II huma emendati skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 311, 28.11.2001, p. 67.

(2)  ĠU L 328, 6.12.2008, p. 42.


ANNESS

L-Annessi I u II tad-Deċiżjoni 2008/911/KE huma emendati kif ġej:

(1)

Fl-Anness I, is-sustanza li ġejja tiddaħħal wara Foeniculum vulgare Miller subsp. vulgare var. dulce (Miller) Thellung (Bużbież ħelu, frott):

Mentha x piperita L.”

(2)

Fl-Anness II, dan li ġej jiddaħħal wara r-reġistrazzjoni marbuta ma’ Foeniculum vulgare Miller subsp. vulgare var. dulce (Miller) Thellung, fructus:

REĠISTRAZZJONI FIL-LISTA TAL-KOMUNITÀ DWAR MENTHA x PIPERITA L., AETHEROLEUM

L-isem xjentifiku tal-pjanta

Mentha x piperita L.

Familja botanika

Lamiaceae (Labiatae)

Preparazzjoni(jiet) erbali

Żejt tal-peppermint: żejt essenzjali miksub permezz tad-distillazzjoni bil-fwar mill-partijiet arjali friski tal-pjanta ffjurita

Referenza monografika tal-Farmakopea Ewropea

Żejt tal-peppermint – Menthae piperitae aetheroleum (01/2008:0405)

Indikazzjoni(jiet)

Prodott tal-mediċina erbali użat tradizzjonalment

1.

Għas-serħan mis-sintomi tas-sogħla u l-irjiħat;

2.

Għas-serħan sintomatiku minn uġigħ muskolari lokalizzat;

3.

Għas-serħan sintomatiku ta’ kundizzjonijiet pruritiċi lokalizzati f’ġilda intatta.

Il-prodott huwa prodott mediċinali erbali tradizzjonali għall-użu f’indikazzjonijiet speċifikati msejsa esklużivament fuq użu fit-tul.

Tip ta’ tradizzjoni

Ewropea

Dożaġġ speċifikat

Indikazzjonijiet 1, 2 u 3

Doża waħda

Tfal ta’ età bejn l-4 u l-10 snin

Preparazzjonijiet semi-solidi 2-10 %

Preparazzjonijiet idroetanoliċi 2-4 %

Tfal ta’ età bejn l-10 u t-12-il sena, adoloxxenti bejn it-12 u s-16-il sena

Preparazzjonijiet semi-solidi 5-15 %

Preparazzjonijiet idroetanoliċi 3-6 %

Adoloxxenti ta’ aktar minn 16-il sena, adult

Preparazzjonijiet semi-solidi u żejtnin 5-20 %

Fi preparazzjonijiet akweoetanoli 5-10 %

F’ingwenti nażali 1-5 % żejt essenzjali.

Pożoloġija speċifikata

Sa tliet darbiet kuljum

L-użu fit-tfal taħt is-sentejn huwa kontraindikat (ara “l-Kontraindikazzjonijiet”).

L-użu mhuwiex irrakkomandat għat-tfal li jkollhom bejn sentejn u 4 snin (ara “t-Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu”).

Kif tittieħed

B’mod kutanju u transdermali.

Tul ta’ żmien tal-użu jew restrizzjonijiet oħra fuq it-tul ta’ żmien tal-użu

Indikazzjoni 1

M’għandhiex tintuża għal aktar minn ġimagħtejn.

Indikazzjonijiet 2 u 3

Mhux irrakkomandat li dan il-prodott mediċinali jintuża kontinwament għal aktar minn 3 xhur.

Jekk is-sintomi jibqgħu jippersistu matul l-użu tal-prodott mediċinali, għandu jiġi kkonsultat tabib jew prattikant ikkwalifikat fil-kura tas-saħħa.

Kwalunkwe tagħrif ieħor meħtieġ għal użu bla periklu

Kontraindikazzjonijiet

It-tfal taħt is-sentejn, billi l-mentol jista’ jikkawża l-apnea fir-riflessi u spażmi tal-larinġi.

Tfal bi storja ta’ aċċessjonijiet (febrili jew le).

Ipersensittività għaż-żejt tal-peppermint jew il-mentol.

Twissijiet speċjali u prekawzjonijiet għall-użu

ll-kuntatt mal-għajnejn wara l-applikazzjoni taż-żejt tal-peppermint jekk l-idejn ma jkunux inħaslu jista’ jikkawża irritazzjoni.

Iż-żejt tal-peppermint ma għandux jiġi applikat fuq ġilda maqsuma jew irritata.

L-użu mhuwiex irrakkomandat għat-tfal li jkollhom bejn sentejn u 4 snin, billi m’hemmx biżżejjed esperjenza disponibbli.

Interazzjonijiet ma’ prodotti mediċinali oħra u forom oħra ta’ interazzjoni

Ebda interazzjoni ma ġiet irrappurtata.

Tqala u treddigħ

Fin-nuqqas ta’ dejta suffiċjenti, l-użu matul it-tqala u t-treddigħ mhuwiex irrakkomandat.

Effetti fuq il-kapaċità tas-sewqan u t-tħaddim ta’ magni

Ma sar l-ebda studju dwar l-effett fuq il-kapaċità tas-sewqan u t-tħaddim ta’ magni.

Effetti mhux mixtieqa

Ġew irrapportati reazzjonijiet ipersensittivi bħal raxx tal-ġilda, dermatite tal-kuntatt, u irritazzjoni tal-għajnejn. Dawn ir-reazjonijiet fil-biċċa l-kbira ta’ meta feġġew kienu moderati u tranżjenti. Il-frekwenza mhijiex magħrufa.

Wara applikazzjoni lokali jista’ jkun hemm irritazzjoni tal-ġilda jew tal-mukoża tal-imnieħer. Il-frekwenza mhijiex magħrufa.

Jekk ikun hemm reazzjonijiet negattivi oħra mhux imsemmija hawn fuq, għandu jiġi kkonsultat tabib jew prattikant ikkwalifikat fil-kura tas-saħħa.

Doża eċċessiva

Ma ġie rrappurtat ebda każ ta’ doża eċċessiva. ”


Top