Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010D0179

    2010/179/CFSP: Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/179/PESK tal- 11 ta’ Marzu 2010 b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta’ armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom

    ĠU L 80, 26.3.2010, p. 48–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2010/179/oj

    26.3.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 80/48


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2010/179/PESK

    tal-11 ta’ Marzu 2010

    b’appoġġ għall-attivitajiet tas-SEESAC fil-kontroll ta’ armi fil-Balkani tal-Punent, fil-qafas tal-Istrateġija tal-UE għall-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjon tagħhom

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 26(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-akkumulazzjoni eċċessiva u bla kontroll u t-tixrid tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW - small arms and light weapons) żiedu l-insigurtà fil-Ewropa tax-Xlokk, waqt li tħarrxu l-konflitti fir-reġjun u ddgħajfet l-opportunità ta’ paċi wara l-konflitt, b’hekk inħolqot theddida serja għal-paċi u s-sigurtà fir-reġjun.

    (2)

    Fil-15-16 ta’ Diċembru 2005, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE fil-ġlieda kontra l-akkumulazzjoni u t-traffikar illeċiti tas-SALW u tal-munizzjoni tagħhom (Strateġija tal-UE dwar is-SALW) li tistabbilixxi linji gwida għall-azzjoni tal-UE fil-qasam tas-SALW.

    (3)

    L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tidentifika fost l-objettivi tagħha li jitrawwem multilateraliżmu effettiv sabiex jissawru mekkaniżmi, kemm internazzjonali, reġjonali jew fl-UE u l-Istati Membri tagħha, kontra l-forniment u t-tixrid destabbilizzanti tas-SALW u tal-munizzjoni tagħhom. L-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW tidentifika wkoll lill-Balkani tal-Punent bħala wieħed mir-reġjuni l-aktar milquta mill-kummerċ illeċitu u l-akkumulazzjoni eċċessiva tal-armi.

    (4)

    Taħt il-patroċinju tal-Programm tal-Iżvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP) u l-Patt preċedenti ta’ Stabbilità għall-Ewropa tax-Xlokk (mill-2008 ‘l hawn magħruf bħala l-Kunsill Reġjonali għall-Koperazzjoni), ġie stabbilit “Ċentru ta’ skambju ta’ informazzjoni tal-Ewropa tax-Xlokk u tal-Lvant għall-kontrol tal-armi ħfief u ta’ kalibru żgħir” (SEESAC). Is-SEESAC jinsab f’Belgrad u jikkonsisti f’unità teknika ta’ appoġġ, li tappoġġa numru ta’ attivitajiet operattivi fil-livelli reġjonali u nazzjonali.

    (5)

    L-objettivi segwiti mis-SEESAC jinkludu l-prevenzjoni tal-proliferazzjoni u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u tal-munizzjoni tagħhom fl-Ewropa tax-Xlokk kollha. Is-SEESAC jagħmel enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta’ proġetti reġjonali biex tiġi indirizzata r-realtà tal-flussi transkonfinali tal-armi.

    (6)

    L-UE preċedentement appoġġat lis-SEESAC permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/842/PESK tal-21 ta’ Ottubru 2002, li timplimenta l-Azzjoni Konġunta 2002/589/PESK, estiża u emendata bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2003/807/PESK tas-17 ta’ Novembru 2003 u 2004/791/PESK tat-22 ta’ Novembru 2004. L-implimentazzjoni ta’ dawn id-Deċiżjonijiet ġiet ivvalutata pożittivament mill-Kunsill,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-UE għandha taħdem għall-promozzjoni tas-sigurtà u l-paċi fil-Balkani tal-Punent permezz ta’ appoġġ għal multilateraliżmu effettiv u għal inizjattivi reġjonali rilevanti bil-għan li jitnaqqas ir-riskju għall-paċi u s-sigurtà bil-proliferazzjoni u l-akkumulazzjoni eċċessiva tas-SALW u tal-munizzjoni tagħhom.

    2.   Sabiex jinkiseb l-objettiv imsemmi fil-paragrafu 1, l-UE ser tappoġġa proġett tas-SEESAC bil-għan li titnaqqas it-theddida li s-SALW tippreżenta għas-sigurtà fil-Balkani tal-Punent. L-attivitajiet li għandhom ikunu appoġġati mill-UE għandhom ikollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

    it-titjib tal-ġestjoni u s-sigurtà tal-kumulu ta’ ħażniet insikuri u instabbli ta’ armi u munizzjoni;

    it-tnaqqis tal-kumulu ta’ ħażniet disponibbli ta’ armi u munizzjoni permezz ta’ attivitajiet ta’ distruzzjoni;

    it-tisħiħ tal-kontrolli fuq is-SALW, ukoll permezz tal-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali u nazzjonali dwar l-immarkar u t-traċċar fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u t-titjib tal-proċess ta’ reġistrazzjoni tal-armi.

    Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.

    Artikolu 2

    1.   Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    2.   L-implimentazzjoni teknika tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mis-SEESAC. Huwa għandu jwettaq il-kompitu tiegħu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan l-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-SEESAC.

    Artikolu 3

    1.   L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta’ EUR 1 600 000.

    2.   In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tan-nefqa msemmija fil-paragrafu 1. Għal dan il-għan, hi għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-UNDP, f’isem is-SEESAC. Il-ftehim għandu jistipula li s-SEESAC għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-UE, adegwatament skont id-daqs tagħha.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

    Artikolu 4

    Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mis-SEESAC. Dawn ir-rapporti għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett.

    Artikolu 5

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    2.   Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi 24 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3), jew sitt xhur wara l-adozzjoni tagħha jekk ma jkunx ġie konkluż ftehim ta’ finanzjament f’dak il-perijodu.

    Artikolu 6

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Marzu 2010.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BLANCO


    ANNESS

    KONTRIBUZZJONI TAL-UE GĦAL PROĠETT TAS-SEESAC DWAR IS-SALW FIL-BALKANI TAL-PUNENT

    1.   Introduzzjoni

    L-akkumulazzjoni fuq skala kbira ta’ armi ħfief u ta’ kalibru żgħir (SALW) fl-Ewropa tax-Xlokk ġiet rikonoxxuta bħala sfida importanti għall-paċi u s-sigurtà mill-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW. Il-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent kienu ta’ tħassib partikolari minħabba l-akkumulazzjoni storika ta’ armi u l-kumulu ta’ ħażniet ta’ munizzjonijiet. Dan ir-reġjun mhux biss jibqa direttament milqut mill-proliferazzjoni tas-SALW u tal-munizzjoni tagħhom, iżda jkompli wkoll jippreżenta risjki ta’ traffikar tal-armi għal żoni ta’ konflitt band oħra.

    Attwalment l-isfida prinċipali għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija l-implimentazzjoni prattika tal-impenji legali u politiċi tagħhom fil-qasam tal-kontroll tas-SALW, inkluż il-Programm tan-NU ta’ Azzjoni fuq s-SALW u l-Istrument Internazzjonali ta’ Markar u Traċċar (ITI).

    Konsegwentement, biex jiġi mminimizzat ir-riskju tal-proliferazzjoni tas-SALW, hu kruċjali li tiżdied is-sikurezza tal-kumulu tal-ħażniet eżistenti tas-SALW u l-munizzonijiet, li jinqered l-ammont żejjed u jiġu stabbiliti kontrolli aktar stretti fuq is-SALW, anke permezz tal-implimentazzjoni fil-livell reġjonali tal-ITI u t-titjib tal-proċess ta’ reġistrazzjoni. Dawn l-objettivi u l-attivitajiet huma konformi ma’ dawk stabbiliti fl-Istrateġija tal-UE dwar is-SALW. Is-SEESAC jipproponi li tmexxi proġġetti relatati ma’ dawn it-tliet oqsma ta’ attivitajiet.

    2.   Deskrizzjoni tal-proġett

    2.1.   Ġestjoni Mtejba tal-Kumulu ta’ Ħażniet

    2.1.1.   Moduli ta’ Taħriġ Reġjonali dwar il-Ġestjoni tal-Kumulu ta’ Ħażniet tas-SALW

    Sabiex tiġi assistita ż-żieda tas-sikurezza u s-sigurtà tal-kumulu ta’ ħażniet tal-armi u l-munizzjoni, il-proġett jipprevedi l-iżvilupp ta’ tliet moduli ta’ taħriġ għall-uffiċjali responsabbli għar-riżorsi materjali fil-Ministeri tad-Difiża u l-Ministeri tal-Intern tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Il-kors ser jiġi offrut lill-iskwadri ta’ spezzjoni u l-uffiċjali biex jgħinuhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-aħjar prattika fil-metodi tekniċi tal-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet.

    L-implimentazzjoni tal-proġett ser tirriżulta f’aktar sensibilizzazzjoni dwar l-istandards internazzjonali u l-aħjar prattika fil-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet. Il-livell u l-kwalità tal-implimentazzjoni tal-proċeduri ta’ ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet ser tissaħħaħ u b’hekk jiżdiedu s-sikurezza u s-sigurtà tal-kumulu ta’ ħażniet.

    2.1.2.   Sikurezza u sigurtà mtejba fis-siti ta’ ħażniet tas-SALW u tal-munizzjoni

    Il-proġett ser itejjeb is-sikurezza u s-sigurtà tas-siti tal-ħażniet tal-armi u l-munizzjoni fil-Balkani tal-Punent billi tingħata assistenza teknika u infrastrutturali sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ ħażniet sikur. L-attivitajiet tal-proġett ser jassistu lill-Ministeri tad-Difiża fil-Bosnja u Ħerzegovina u l-Montenegro kif ukoll lill-Ministerju tal-Intern tar-Repubblika tal-Kroazja fl-akkwist u l-istallazzjoni tat-tagħmir meħtieġ biex jiġu żgurati l-kumulu ta’ ħażniet tal-armi u l-munizzjoni. Ser jingħata taħriġ lill-persunal responsabbli għall-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet

    Il-proġett ser jirriżulta f’aktar dispożizzjonijiet ta’ sigurtà u kontroll ta’ aċċess fis-siti magħżula u b’hekk titjieb is-sikurezza għall-kumulu ta’ ħażniet tal-munizzjoni. Bħala konsegwenza r-riskju ta’ serq; u ta’ splużjonijiet mhux ikkontrollati ser jitnaqqsu b’mod sinifikanti permezz ta’ kontroll aħjar tal-istat tal-munizzjoni u l-armi.

    2.2.   Distruzzjoni tas-SALW

    L-objettiv tal-proġett hu li tiżdied is-sigurtà u jitnaqqas ir-riskju tal-proliferazzjoni billi jitnaqqsu b’mod sinifikanti n-numru tal-armi żejda maħżuna. Sabiex jitnaqqsu s-SALW żejda miżmuma mill-Ministeri tal-Intern fil-Kroazja u s-Serbja, il-proġett ser iwettaq diversi attivitajiet ta’ distruzzjoni tas-SALW. Fil-Kroazja, il-proġett jipprevedi d-distruzzjoni ta’ madwar 30 000 armi. Fis-Serbja, in-numru ta’ armi li għandhom jinqerdu hu stmat għal 40 000.

    Il-proġett ser jirriżulta f’numru mnaqqas b’mod sinifikanti ta’ SALW żejda u kkonfiskati fil-ħażniet tal-Ministerju tal-Intern fil-Kroazja u s-Serbja. Id-distruzzjoni ta’ armi rkuprati ser tikkontribwixxi b’mod sinifikanti għall-prevenzjoni ta’ aktar proliferazzjoni tas-SALW. Barra minn hekk, dan ser iwassal għal sigurtà mtejba kif ukoll għal aktar sensibilizzazzjoni dwar kwistjonijiet tas-SALW f’dawn iż-żewġ pajjiżi.

    2.3.   Aktar kontrolli fuq is-SALW

    2.3.1.   Żvilupp ta’ sistemi nazzjonali ta’ reġistrazzjoni u taż-żamma ta’ rekords tal-armi

    Il-proġett ser jipprovdi żvilupp jew aġġornament tas-sistemi għar-reġistrazzjoni, il-liċenzjar u ż-żamma ta’ rekords tal-armi. Is-sistemi ta’ reġistrazzjoni ser jinkludu operazzjonijiet relatati mar-rintraċċar ta’ armi tan-nar proprjetà ta’ individwu u/jew entità ġuridika u l-ammont ta’ munizzjoni awtorizzata tista’ tkun fil-pussess tiegħu. L-appoġġ għaż-żamma ta’ rekords ser jinkludi l-iżvilupp ta’ prodott/i software li jidentifikaw mhux biss l-armi fil-pussess taċ-ċivili iżda wkoll operazzjonijiet relatati mal-ġestjoni ta’ armi, munizzjoni u/jew splussivi f’imħażen ta’ armi, f’imħażen jew armeriji approvati, bħal stazzjon tal-pulizija lokali jew sit ċentrali ta’ ħażniet. Ser ikun possibbli li jiġu identifikati l-armi, l-utenti u l-postijiet tal-ħażniet tat-tagħmir, meta ma jkunx qed jiġu użati. L-attivitajiet tal-proġett ser jipprovdu wkoll għal infrastruttura teknika adegwata għall-implimentazzjoni tas-software ta’ reġistrazzjoni tal-armi.

    L-iżvilupp u l-istabbiliment ta’ sistema jew sistemi elettroniċi għar-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ rekords tal-armi ser jirriżultaw fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u ż-żamma ta’ rekords stabbiliti taħt il-Protokoll tan-NU ta’ Armi tan-Nar u l-ITI.

    2.3.2.   Ġbir u reġistrazzjoni tal-armi

    Il-proġett jimmira li jappoġġa l-ġbir ta’ kwalunkwe arma, tagħmir splussiv, artillerija u munizzjoni assoċjata, inkluż permezz tal-leġislazzjoni ta’ armi fil-pusses taċ-ċivili permezz tar-reġistrazzjoni tagħhom.

    L-azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni pubblika ser ikunu kkoordinati mill-kumitati li jikkonsistu minn speċjalisti tal-Ministeri tal-Intern u l-UNDP/SEESAC, flimkien ma’ esperti tar-Relazzjonijiet Pubbliċi rilevanti oħra fejn meħtieġ, sabiex jixxerdu b’mod korrett id-dettalji tal-leġislazzjoni u r-rilaxx volontarju ta’ armi tan-nar illegali. Il-kampanji ser jiffokaw fuq il-mezzi lokali ta’ tixrid li jistgħu jilħqu l-livell nazzjoali b’mod effettiv ħafna. It-tixrid ta’ informazzjoni lokali ser jissaħħaħ fil-livell nazzjonali permezz ta’ rappurtar, intervisti, u dokumentarji. L-informazzjoni dwar il-kampanji ser titwettaq permezz tal-media elettronika u miktuba. Il-messaġġi tal-kampanja ser ikunu pożittivi u juru l-implimentazzjoni tal-liġi fil-prattika.

    Il-proġett ser isaħħaħ is-sigurtà fil-Balkani tal-Punent kollha billi jneħħi l-armi perikolużi mit-toroq permezz ta’ komunikazzjoni reċiproka bejn il-pubbliku u l-pulizija. B’mod partikolari, il-proġett ser jilħaq il-gruppi ta’ kull età li għandhom l-armi illegali fil-pussess tagħhom u dawk kollha li għandhom il-ħsieb li jakkwistaw l-armi.

    2.3.3.   Seminar reġjonali dwar immarkar u traċċar

    Il-proġett jipprovdi għall-organizzazzjoni ta’ seminar reġjonali ta’ jumejn provviżorjament previst li jinżamm f’Belgrad, is-Serbja. Is-seminar ser jipprovdi aġġornament dwar l-adeżjoni ma’ strumenti internazzjonali u l-adozzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali dwar immarkar u traċċar fil-Balkani tal-Punent. Is-seminar ser jipprovdi għal reviżjoni tal-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni nazzjonali. L-objettiv speċifiku ser ikun l-implimentazzjoni tar-rekwiżit għall-immarkar ta’ armi importati taħt il-Protokoll tan-NU ta’ Armi tan-Nar.

    Il-parteċipanti f’dan is-seminar reġjonali ser jinkludu, fost l-oħrajn, rappreżentanti mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, organizzazzjonijiet internazzjonali, inklużi NGOs, industriji nazzjonali; u esperti tekniċi mill-Istati Membri tal-UE. Hu mistenni li sa 50 parteċipant ser jattendi dan is-seminar.

    Is-seminar ser jipproduċi rapport tal-preżentazzjonijiet u d-diskussjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet. Id-dokumenti tas-seminar ser ikunu disponibbli fuq l-Internet.

    3.   Tul ta’ żmien

    It-tul ta’ żmien totali tal-proġett hu stmat li jkun ta’ 24 xahar.

    4.   Benefiċjarji

    Il-benefiċjarji tal-proġett huma l-istituzzjonijiet nazzjonali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent responsabbli għall-kontroll tal-armi u tal-ġestjoni tal-kumulu ta’ ħażniet.

    Il-popolazzjoni ġenerali tal-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent ser tibbenefika mill-proġett billi jitnaqqas ir-riskju tal-insigurtà u l-instabbiltà li jirriżultaw mill-proliferzzjoni mxerrda tas-SALW.


    Top