Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008R0746

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 746/2008 tas- 17 ta’ Ġunju 2008 li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 202, 31.7.2008, p. 11–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2008/746/oj

31.7.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 202/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 746/2008

tas-17 ta’ Ġunju 2008

li jemenda l-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 li jistabblixxi regoli għall-prevenzjoni, kontroll u eradikazzjoni ta’ ċertu enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistipula regoli għall-monitoraġġ ta’ enċefalopatiji sponġiformi trasmissibbli fl-annimali bovini, ovini u kaprini u għall-miżuri ta’ eradikazzjoni li għandhom jitwettqu wara konferma ta’ enċefalopatija sponġiformi trasmissibbli (TSE) fl-annimali ovini u kaprini.

(2)

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 jistabbilixxi miżuri ta’ eradikazzjoni li għandhom jiġu implimentati wara tifqigħa ta’ TSE fl-annimali ovini u kaprini.

(3)

Minkejja li t-TSE magħrufa li hija preżenti fl-annimali ovinu u kaprini 'l fuq minn mitejn sena, ma teżistix evidenza dwar l-ebda relazzjoni bejn tifqigħat tat-TSE f'dawk l-annimali u t-tifqigħat tat-TSE fil-bnedmin. Minkejja dan, fl-2000 il-Kummissjoni introduċiet serje ta’ miżuri għall-monitoraġġ, il-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini, fuq il-bażi ta’ l-għarfien xjentifiku limitat disponibbli dak iż-żmien, u sabiex tiżgura li l-materjali li jinkisbu mill-annimali ovinu u kaprini jkunu kemm jista’ jkun bla periklu.

(4)

Dawk il-miżuri huma mmirati lejn il-ġabra ta’ kemm jista’ jkun data dwar il-prevalenza tat-TSE minbarra l-enċefalopatija sponġiformi tal-bovini (BSE) fl-annimali ovini u kaprini, u dwar konnessjonijiet possibbli mal-BSE u l-kapaċità ta’ tixrid lill-bnedmin. Il-miżuri huma mmirati wkoll lejn it-tnaqqis kemm jista’ jkun ta’ l-okkorrenza tat-TSE. Il-miżuri jinkludu t-tneħħija ta’ materjali speċifiċi ta’ riskju, programm attiv estensiv ta’ monitoraġġ, miżuri applikabbli għall-qatgħat infettati bit-TSE u skemi volontarji ta’ tagħmir sabiex tiżdied ir-reżistenza għat-TSE fil-popolazzjoni ovina. Minn mindu saret l-introduzzjoni ta’ miżuri bħal dawn u permezz ta’ l-informazzjoni li nkisbet minn programmi attivi ta’ sorveljanza mwettqa mill-Istati Membri, qatt ma ġiet stabbilita konnessjoni epidemjoloġika bejn it-TSE, apparti l-BSE, fl-annimali ovinu u kaprini u t-TSE fil-bnedmin.

(5)

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 179/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà ta’ l-ikel (2) jipprevedi li f'ċirkostanzi speċifiċi fejn, wara valutazzjoni ta’ l-informazzjoni disponibbli, tiġi identifikata l-possibilità ta’ effetti dannużi fuq is-saħħa iżda l-inċertezza xjentifika tippersisti, ista' tiġi adottata ġestjoni proviżorja tar-riskju, fl-istennija ta’ informazzjoni xjentifika ulterjuri għal valutazzjoni aktar komprensiva tar-riskju. Jistipula wkoll li miżuri bħal dawn iridu jkunu proporzjonati u ma jkunux aktar restrittivi għan-negozju milli meħtieġ biex jintlaħaq l-ogħla livell ta’ protezzjoni tas-saħħa mistenni, filwaqt li titqies il-fattibilità teknika u ekonomika u fatturi oħra meqjusa bħala legittimi fil-kwistjoni relevanti. Il-miżuri jridu jiġu analizzati fi żmien perjodu reġjonevoli ta’ żmien.

(6)

Fit-8 ta’ Marzu 2007 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA) adottat opinjoni dwar ċerti aspetti relatati mar-riskju tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini (3). F'dik l-opinjoni l-EFSA kkonkludiet li “ma hemm l-ebda evidenza għal konnessjoni epidemjoloġika jew molekolari bejn scarpie klassika u/jew atipika u t-TSEs fil-bnedmin. L-aġent tal-BSE huwa l-unika aġent tat-TSE identifikat bħala żoonotiku. Minkejja dan, fid-dawl tad-diversità tagħhom bħalissa mhuwiex possibbli li tiġi eskluża t-trażmissibilità tagħhom lill-bnedmin ta’ aġenti tat-TSE oħra ta’ l-annimali”. Hija kkonkludiet ukoll li “testijiet attwali diskriminatorji kif deskritti fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità li għandhom jintużaw għad-diskriminazzjoni bejn l-iscarpie u l-BSE jidhru, sa issa, li huma attendibbli għad-differenzjar tal-BSE mill-iscarpie klassika u atipika. Minkejja dan, fl-istadju attwali ta’ għarfien xjentifiku, la s-sensittività dijanjostika tagħhom u l-anqas l-ispeċifiċità tagħhom ma jistgħu jiġu preżunti li huma perfetti”.

(7)

Wara dik l-opinjoni u fil-qafas tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – ir-Roadmap għat-TSE – tal-15 ta’ Lulju 2005 (4), u skond il-programm ta’ ħidma tas-SANCO 2006/2007 dwar it-TSEs tal-21 ta’ Novembru 2006 (5), ġie adottat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 727/2007 tas-26 ta’ Ġunju 2007 li jemenda l-Annessi I, III, VII u X għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula regoli għall-prevenzjoni, il-kontroll u l-eradikazzjoni ta’ enċefalopatija sponġiformi li tinxtered (6). L-emendi li saru għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 permezz tar-Regolament (KE) Nru 727/2007 kienu mmirati sabiex jirregolaw il-miżuri li ttieħdu inizjalment fir-rigward tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini, sabiex jieħdu f'kunsiderazzjoni evidenza xjentifika aġġornata. Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 727/2007, issospenda l-obbligu tal-qatla tal-qatgħa sħiħa u ppreveda ċerti miżuri alternattivi għall-qatla fl-eventwalità ta’ konferma ta’ tifqigħa tat-TSE f'azjenda ta’ annimali ovini jew kaprini u fejn ġiet eskluża l-preżenza ta’ enċefalopatija sponġiformi tal-bovini (BSE). B'mod partikolari, fid-dawl tal-fatt li s-settur għall-annimali ovini u kaprini huwa differenti madwar il-Komunità, ir-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 727/2007, introduċa l-possibilità għall-Istati Membri sabiex japplikaw politiki differenti, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 727/2007, skond il-karatteristiċi speċifiċi tas-settur f'kull Stat Membru.

(8)

Fis-17 ta’ Lulju 2007, fil-Każ T-257/07, Franza ressqet azzjoni kontra l-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti tal-Prim'Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, fejn applikat għall-annullament parzjali tal-punt 2.3 (b)(iii), il-punt 2.3 (d) u l-punt 4 tal-Kapitolu a ta’ l-Anness VII għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 727/2007, b'mod partikolari fir-rigward tal-miżuri li għandhom jiġu applikati għall-qatgħat milquta mit-TSE, jew b'mod alternattiv l-annullament sħiħ ta’ dak ir-Regolament. Fl-Ordni tagħha tat-28 ta’ Settembru 2007 (7), il-Qorti ssospendiet l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet fl-istennija li tinqata' s-sentenza finali.

(9)

Fl-Ordni tat-28 ta’ Settembru 2007, saret riserva dwar il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-data xjentifika disponibbli dwar riskji possibbli. Skond din, il-Kummissjoni sussegewentement talbet lill-EFSA sabiex tgħinha tiċċara ż-żewġ premessi ewlenin li fuqhom kien ibbażat ir-Regolament (KE) Nru 727/2007. L-ewwelnett, mhemm l-ebda evidenza xjentifika li turi li xi aġent tat-TSE, minbarra l-BSE, jista’ jitqies bħala aġent żoonotiku. It-tieni, il-possibilità li ssir distinzjoni permezz ta’ testijiet molekolari u bijoloġiċi bejn il-BSE u t-TSE l-oħra ta’ l-annimali fl-annimali ovini u kaprini. Fl-24 ta’ Jannar 2008, l-EFSA adottat kjarifika xjentifika u teknika (8), fir-rigward ta’ l-interpretazzjoni ta’ wħud mill-aspetti tal-konklużjonijiet ta’ l-Opinjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2007, li ttieħdet f'kunsiderazzjoni għall-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 727/2007.

(10)

F'dak li għandu x'jaqsam mat-trażmittibilità tat-TSE, l-EFSA kkonfermat li:

fl-annimali ovini, ma ġie identifikat l-ebda aġent tat-TSE minbarra dawk li jikkawżaw Scarpie Klassika u Scarpie Atipika;

fl-annimali kaprini, ma ġie identifikat l-ebda aġent tat-TSE minbarra dawk li jikkawżaw il-BSE, Scarpie Klassika u Scarpie Atipika;

it-terminu operattiv “BSE” jkopri TSE ta’ l-annimali kaprini li tista’ tiġi kkawżata mill-inqas minn tliet aġenti distinti tat-TSE bi proprjetajiet bijoloġiċi eteroġeni;

it-terminu operattiv “Scarpie Klassika” jkopri TSE ta’ l-annimali ovini u kaprini kkawżata minn bosta aġenti tat-TSE bi proprjetajiet bijoloġiċi eteroġeni;

it-terminu operattiv “Scarpie Atipika” jkopri TSE ta’ annimali ovini u kaprini li hija differenti minn Scarpie Klassika. Attwalment, għad hemm deliberazzjoni jekk hijiex ikkawżata minn aġenti wieħed tat-TSE jew aktar.

(11)

Minkejja dan, l-EFSA ma tistax teskludi t-trażmissibilità għall-bnedmin ta’ aġenti oħra tat-TSE minbarra l-BSE minħabba li:

trażmissjonijiet esperimentali fil-mudelli tal-primati u tal-ġrieden transġeniċi li jesprimu l-ġene umana PrP (proteini prijoni) bħalissa jintużaw biex jivvalutaw il-kapaċità potenzjali ta’ aġent tat-TSE li jaqbeż l-ostaklu ta’ l-ispeċi umana;

l-aġenti l-oħra tat-TSE ħlief l-aġent tal-BSE Klassika minn tliet każijiet f'kondizzjonijiet naturali tat-TSE (żewġ każijiet ta’ Scarpie Klassika u każ wieħed tat-tip L tal-BSE) intwerew li jaqbżu l-ostaklu ta’ l-ispeċi umana;

iridu jitqiesu ċerti limitazzjonijiet ta’ dawn il-mudelli, inluża l-inċertezza ta’ kemm jirrappreżentaw tajjeb l-ostaklu ta’ l-ispeċi umana u l-inċertezza ta’ kemm ir-rotta esperimentali ta’ tilqim li ntużat tirrappreżenta espożizzjoni f'kondizzjonijiet naturali.

(12)

Jidher mill-kjarifiki ta’ l-EFSA li l-bijodiversità ta’ l-aġenti tal-mard fl-annimali ovini u kaprini hija element importanti li ma jagħmilhiex possibli li tiġi eskluża t-trażmessibilità lill-bnedmin u li dik id-diversità tiżdied il-probabilità li wieħed mill-aġenti tat-TSE jkun trażmissibbli. Minkejja dan, l-EFSA tirrikonoxxi li ma hemm l-ebda evidenza xjentifika ta’ xi konnessjoni diretta bejn it-TSE fl-annimali ovini u kaprini, minbarra l-BSE, u t-TSE fil-bnedmin. Il-perspettiva ta’ l-EFS li t-trażmissibilità lill-bnedmin ta’ l-aġenti tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini ma tistax tiġi eskluża hija bbażata fuq studji esperimentali fuq l-ostaklu ta’ l-ispeċi umana u mudelli ta’ annimali (primati u ġrieden). Minkejja dan, dawn il-mudelli ma jqisux il-karatteristiċi ġenetiċi tal-bnedmin li għandhom influwenza ewlenija fuq is-suxxettibbilità relattiva ta’ mard tal-prijoni. Għandhom ukoll limitazzjonijiet fl-estrapolazzjoni tar-riżultati għal kondizzjonijiet naturali, b'mod partikolari fir-rigward ta’ kemm jirrappreżentaw tajjeb l-ostaklu ta’ l-ispeċi umana u l-inċertezza ta’ kemm ir-rotta esperimentali ta’ tilqim li ntużat tirrappreżenta espożizzjoni f'kondizzjonijiet naturali. Fuq dik il-bażi, jista’ jitqies li minkejja li r-riskju ta’ trażmessibilità lill-bnedmin ta’ l-aġenti tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini ma tistax tiġi eskluża, dak ir-riskju għandu jkun żgħir ħafna, fid-dawl tal-fatt li l-evidenza ta’ trażmessibilità hija bbażata fuq mudelli esperimentali li ma jirrappreżentawx il-kondizzjonijiet naturali relatati ma’ l-ostaklu reali ta’ l-ispeċi umana u r-rotot reali ta’ infezzjoni.

(13)

F'dak li għandu x'jaqsam mat-testijiet diskriminatorji, l-EFSA kkonfermat li:

fuq il-bażi tad-data limitata disponibbli, it-testijiet diskriminatorji kif implimentati fil-livell ta’ l-Unjoni Ewropea huma għodod prattikabbli għat-tagħrbil ta’ każijiet f'kondizzjonijiet naturali tat-TSE, kif imsemmija fil-punt 3.2(c) tal-Kapitolu C ta’ l-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, li jilħqu l-għan ta’ identifikazzjoni rapida u riproduċibbli ta’ każijiet tat-TSE li għandhom karatteristiċi identifikabbli kompatibbli ma’ l-aġent tal-BSE Klassika;

dawk it-testijiet ma jistgħux jitqiesu bħala perfetti minħabba n-nuqqas attwali ta’ l-għarfien kemm tal-bijodiversità vera ta’ l-aġenti tat-TSE fl-annimali ovini u kaprini kif ukoll il-mod kif jinteraġixxu l-aġenti fil-każ ta’ infezzjoni konġunta.

(14)

Wara talba mill-Kummissjoni għall-kjarifika f'dak li għandu x'jaqsam ma’ jekk in-nuqqas ta’ data statistikament suffiċjenti dwar il-prestazzjoni ta’ dawn it-testijiet huwiex ikkumpensat mill-proċedura stabbilita, li tinkludi prova interlaboratorja b'metodi ulterjuri ta’ ttestjar molekolari f'laboratorji differenti u valutazzjoni minn bord ta’ esperti ppresedut mil-Laboratorju ta’ Referenza tal-Komunità għat-TSEs, l-EFSA spjegat li:

minkejja prestazzjoni konsistenti fi provi interlaboratorji li jużaw kampjuni minn każijiet esperimentali tal-BSE ta’ l-ovini, hemm inċertezza dwar il-prestazzjoni tagħhom f'kondizzjonijiet naturali minħabba n-nuqqas ta’ żvelar tal-BSE naturali fl-annimali ovini u kaprini;

il-każijiet pożittivi tat-TSE jgħaddu mill-proċess diskriminatorju sħiħ, inkluż il-bijoassaġġ, fil-każ biss li l-ittestjar bijokimiku diskriminatorju jkun kompatibbli mal-karatteristiċi identifikabbli tal-BSE; għalhekk, id-data li nkisbet permezz ta’ dan il-proċess ma tistax tintuża għall-valutazzjoni tas-sensittività jew l-ispeċifiċità tat-testijiet diskriminatorji;

iż-żieda tan-numru ta’ riżultati negattivi matul l-ittestjar diskriminatorju tat-TSE ta’ l-annimali ovini u kaprini ma tistax tikkumpensa għan-nuqqas ta’ data statistikament suffiċjenti dwar il-prestazzjoni tat-testijiet.

(15)

L-EFSA rrikonoxxiet li t-testijiet diskriminatorji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 999/2001 huma għodda prattikabbli li jilħqu l-għan ta’ identifikazzjoni rapida u riproduċibbli tal-każijiet tat-TSE li għandhom karatteristiċi identifikabbli kompatibbli ma’ l-aġent klassiku tal-BSE. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ evidenza xjentifika ta’ infezzjoni konġunta tal-BSE u aġenti tat-TSE oħra fl-annimali ovini u kaprini f'kondizzjonijiet naturali, u fid-dawl tal-prevalenza tal-BSE fl-annimali ovini, jekk preżenti, jew kaprini hija baxxa ħafna u għalhekk il-possibilità ta’ l-infezzjoni konġunta tkun saħansitra iżgħar, in-numru ta’ każijiet tal-BSE li nqabżu fl-annimali ovini u kaprini għandu jkun estremament baxx. Għalhekk minkejja li t-testijiet diskriminatorji ma jistgħux jitqiesu li huma perfetti, huwa xieraq li jitqiesu bħala għodda adattata għall-finijiet ta’ l-għanijiet ta’ l-eradikazzjoni tat-TSE segwiti mir-Regolament (KE) Nru 999/2001.

(16)

Fl-Opinjoni tagħha tal-25 ta’ Jannar 2007 (9), l-EFSA tat stima tal-prevalenza probabbli tal-BSE fl-annimali ovini. L-Awtorità kkonkludiet li f'pajjiżi b'riskju għoli hemm rata ta’ inqas minn 0,3 sa 0,5 każijiet tal-BSE għal kull 10 000 annimali sani mbiċċra. L-EFSA tiddikjara wkoll li fl-Unjoni Ewropea “hemm fiduċja ta’ 95 % li n-numru ta’ każijiet huwa ta’ 4 każijiet għal kull miljun nagħġa jew inqas; fil-livell ta’ fiduċja ta’ 99 %, in-numru jsir 6 każijiet għal kull miljun jew inqas. Minħabba li sa issa ma kien ikkonfermat l-ebda każ ta’ BSE fin-nagħaġ, l-iktar prevalenza probabbli hija ta’ żero”. Minn mindu daħlet fl-2005 il-proċedura tat-testijiet diskriminatorji, kif stipulati fil-punt 3.2(c) tal-Kapitolu C ta’ l-Anness X għar-Regolament (KE) Nru 999/2001, 2 798 test diskriminatorju twettqu fl-annimali ovini milquta mit-TSE u twettqu 265 test diskriminatorju fl-annimali kaprini milquta mit-TSE u l-ebda annimal minnhom ma ġie kkonfermat bħala simili għall-BSE.

(17)

Livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem huwa żgurat fis-segwiment tal-politiki tal-Komunità. Il-miżuri tal-Komunità li jirregolaw l-ikel u l-għalf għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni xierqa tar-riskji possibbli għas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u jridu, filwaqt li jqisu l-evidenza xjentifika eżistenti, jippreservaw jew, jekk ġustifikat xjentifikament, iżidu l-livell garantit ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali. Minkejja dan, huwa impossibbli li titqies l-eliminazzjoni sħiħa ta’ riskju bħala għan realistiku għal kwalunkwe deċiżjoni ta’ ġestjoni tar-riskju fi kwistjonijiet li jirrigwardaw is-sigurtà ta’ l-ikel, fejn l-ispiża u l-benefiċċji tal-miżuri tat-tnaqqis tar-riskji jridu jintiżnu bir-reqqa sabiex jiżguraw proporzjonalità. Huwa r-rwol u r-responsabbiltà ta’ l-amministratur tar-riskju li jiddeċiedi dwar il-livell aċċettabbli ta’ riskju, filwaqt li jqis l-elementi kollha preżenti fil-valutazzjoni xjentifika tar-riskju.

(18)

Il-Kummissjoni, fir-rwol tagħha ta’ amministratur tar-riskju fil-livell ta’ l-UE, hija responsabbli milli twaqqaf il-livell aċċettabbli ta’ riskju u tadotta l-iktar miżuri xierqa għall-preservazzjoni ta’ protezzjoni ta’ livell għoli tas-saħħa pubblika. Hija rrevediet u vvalutat l-aktar informazzjoni riċenti fir-rigward tat-trażmissibilità tat-TSE lill-bnedmin. Hija vvalutat kwalunkwe riskju preżenti bħala li huwa baxx ħafna bħalissa.

(19)

Il-miżuri stipulati fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandhom għalhekk jiġi vvalutati mill-ġdid sabiex jiżguraw li ma jimponux toqol fuq l-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi li mhuwiex xieraq għal-livell tar-riskju involut u li huwa sproporzjonat ma’ l-għan segwit.

(20)

Il-miżuri stipulati fl-Anness VII għar-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat sabiex jippermetti lill-Istati Membri sabiex jieħdu dispensa mir-rekwiżit ta’ qatla totali jew parzjali jekk jiġi żvelat każ tat-TSE fl-annimali ovini jew kaprini.

(21)

Ir-Regolament (KE) Nru 999/2001 għandu għalhekk jiġi emendat skond dan.

(22)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001 huwa emendat skond l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-sittin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u huwa applikabbli direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 17 ta’ Ġunju 2008.

Għall-Kummissjoni

Androulla VASSILIOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 147, 31.5.2001, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 357/2008 (ĠU L 111, 23.4.2008, p. 3).

(2)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 202/2008 (ĠU L 60, 5.3.2008, p. 17).

(3)  Il-Ġurnal EFSA (2007) 466, 1-10.

(4)  COM(2005) 322 finali.

(5)  SEC(2006) 1527.

(6)  ĠU L 165, 27.6.2007, p. 8.

(7)  ĠU C 283, 24.11.2007, p. 28.

(8)  Ir-Rapport Xjentifiku tal-Bord dwar Il-Perikli Bijoloġiċi fuq talba mill-Kummissjoni Ewopea dwar “Kjarifika xjentifika u teknika fl-interpretazzjoni u l-konsiderazzjoni ta’ wħud mill-aspetti tal-konklużjonijiet ta’ l-Opinjoni tagħha tat-8 ta’ Marzu 2007 dwar ċerti aspetti relatati mar-riskju ta’ l-Enċefalopatija Sponġiformi li Tinxtered (TSEs) fl-annimali ovini u kaprini”. Il-Ġurnal EFSA (2008) 626, 1-11.

(9)  Opinjoni tal-Bord Xjentifiku dwar Perikli Bijoloġiċi fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea relatata ma’ l-istima kwantitattiva ta’ l-impatt fuq ir-riskju residwu tal-BSE fil-laħam tan-nagħaġ u l-prodotti tal-laħam, Il-Ġurnal EFSA (2007) 442, 1-44.


ANNESS

Fl-Anness VII tar-Regolament (KE) Nru 999/2001, il-Kapitolu A jinbidel b'dan li ġej:

“KAPITOLU A

Miżuri li jsegwu konferma tal-preżenza tat-TSE

1.

L-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 13(1)(b) irid jidentifika:

(a)

fil-każ ta’ annimali bovini:

ir-ruminanti l-oħra kollha fl-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

fejn il-marda tiġi kkonfermata f'annimal mara, il-ferħ li jitwieled sentejn qabel jew wara t-tifqigħa klinika tal-marda,

l-annimali kollha tal-koorti ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

l-oriġini possibbli tal-marda,

l-annimali l-oħra ta’ l-azjenda ta’ l-annimal li fih tkun ġiet ikkonfermata l-marda jew f'azjendi oħra li setgħu ġew infettati mill-aġent tat-TSE jew kienu esposti għall-istess tip ta’ għalf jew sors ta’ kontaminazzjoni,

il-moviment ta’ għalf li huwa potenzjalment ikkontaminat, ta’ materjali oħra jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor ta’ trażmissjoni, li seta' ttrażmetta l-aġent tat-TSE mill-azjenda jew għall-azjenda kkonċernata;

(b)

fil-każ ta’ annimali ovini u kaprini:

ir-ruminanti l-oħra kollha ħlief l-annimali ovini u kaprini fl-azjenda ta’ l-annimal li fih ġiet ikkonfermata l-marda,

sa fejn huma identifikabbli, il-ġenituri, u fil-każ tan-nisa, l-embrijuni kollha, l-ova u l-aħħar ferħ ta’ l-annimal mara li fuqha l-marda tkun ġiet ikkonfermata,

l-annimali ovini u kaprini l-oħrajn kollha fl-azjenda ta’ l-annimal li fuqu l-marda kienet ġiet ikkonfermata b'żieda ma’ dawk imsemmija fit-tieni inċiż,

l-oriġini possibbli tal-marda u l-identifikazzjoni ta’ azjendi oħra li fihom hemm annimali, embrijuni jew ova li setgħu ġew infettati mill-aġent ta’ TSE jew ġew esposti għall-istess għalf jew sors ta’ kontaminazzjoni,

il-moviment ta’ għalf potenzjalment ikkontaminat, materjal ieħor, jew kull mezz ieħor ta’ trażmissjoni, li seta' ttrażmetta l-aġent tat-TSE mill-azjenda jew għall-azjenda kkonċernata;

2.

Il-miżuri stipulati fl-Artikolu 13(1)(c) għandhom jinkludu mill-inqas:

2.1.

F'każ ta’ konferma tal-BSE f'annimal bovin, il-qatla u l-qerda sħiħa ta’ annimali bovini identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiż tal-punt 1(a); minkejja dan, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li:

ma joqtolx u ma jeqridx annimali tal-koorti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 1(a) jekk ingħatat evidenza li annimali bħal dawn ma kellhomx aċċess għall-istess għalf bħall-annimal milqut,

jipposponi l-qatla u l-qerda ta’ annimali fil-koorti msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 1(a) sa l-aħħar tal-ħajja produttiva tagħhom, sakemm huma barrin li konsisitentement jinżammu f'ċentru tal-kollezzjoni tas-semen u jista' jiġi żgurat li jinqerdu kompletament wara mewthom.

2.2.

Jekk hija suspettata t-TSE f'annimal ovin jew kaprin f'azjenda fi Stat Membru, l-annimali l-oħra ovini u kaprini kollha minn dik l-azjenda għandhom jitqiegħdu taħt kull restrizzjoni uffiċjali ta’ ċaqliq sakemm ikunu disponibbli r-riżultati ta’ l-eżaminar. Jekk hemm evidenza li l-azjenda fejn l-annimal milqut kien preżenti meta ġiet ikkonfermata t-TSE x’aktarx m’hijiex l-azjenda fejn l-annimal seta’ ġie espost għat-TSE, l-awtorità kompetenti tista’ tiddeċiedi li azjendi oħra jew l-azjenda biss fejn ġie espost titqiegħed taħt kontroll uffiċjali skond it-tagħrif epidemjoloġiku disponibbli.

2.3.

Fil-każ ta’ konferma tat-TSE f'annimal ovin jew kaprin:

(a)

jekk ma tistax tiġi eskluża l-BSE wara r-riżultati ta’ prova interlaboratorja mwettqa skond il-proċedura stipulata fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(c), il-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati permezz ta’ l-istħarriġ imsemmi fit-tieni sal-ħames inċiżi tal-punt 1(b).

(b)

jekk il-BSE hija eskluża skond il-proċeduri stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(c), skond id-deċiżjoni ta’ l-awtorità kompetenti,

jew

(i)

il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmija fit-tieni u t-tielet inċiżi ta’ punt 1(b); il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għall-azjenda.

inkella

(ii)

il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b), bl-eċċezzjoni ta':

imtaten għat-tgħammir tal-ġenotip ARR/ARR,

nagħaġ tat-tgħammir li għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ u, fejn nagħaġ bħal dawn tat-tgħammir huma tqal fil-mument ta’ l-istħarriġ, il-ħrief li jitwieldu sussegwentament, jekk il-ġenotip tagħhom jilħaq ir-rekwiżiti ta’ dan is-subparagrafu,

nagħaġ li għandhom mill-anqas allela waħda ARR li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir,

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, nagħaġ u mogħoż li għandhom anqas minn tliet xhur li huma maħsuba unikament għat-tbiċċir;

Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3 għandhom japplikaw għall-azjenda.

inkella

(iii)

Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma joqtolx u ma jeqridx l-annimali, identifikati mill-istħarriġ imsemmi fit-tieni u t-tielet inċiżi tal-punt 1(b) fejn huwa diffiċli li jinkisbu annimali ovini ta’ sostituzzjoni ta’ ġenotip magħruf jew fejn il-frekwenza ta’ l-allela ARR fi ħdan ir-razza jew l-azjenda hija baxxa, jew fejn jitqies meħtieġ sabiex jiġi evitat tgħammir ta’ l-annimali bejn l-istess demm, jew abbażi ta’ konsiderazzjoni rraġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha. Il-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 4 għandhom japplikaw għall-azjenda.

(c)

permezz ta’ deroga mill-miżuri stipulati fil-punt (b), u biss fejn il-każ tat-TSE kkonfermat f'azjenda huwa każ ta’ scarpie atipika, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi li japplika l-miżuri stipulati fil-punt 5.

(d)

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu:

(i)

li jissostitwixxu l-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali kollha msemmija f'b(i) permezz tat-tbiċċir għall-konsum uman.

(ii)

li jissostitwixxu l-qatla u l-qerda kompluta ta’ l-annimali kollha msemmija f'b(ii) permezz tat-tbiċċir għall-konsum uman, sakemm:

l-annimali jitbiċċru fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

l-annimali kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar jew li għandhom aktar minn żewġ sinniet inċiżivi permanenti li nibtu mill-ħanek u li jitbiċċru għall-konsum uman għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skond il-metodi tal-laboratorju stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2. (b);

(e)

il-ġenotip tal-proteina prijonika ta’ annimali ovini, sa massimu ta’ 50 maqtula u meqruda jew imbiċċra għall-konsum uman skond il-punti (b)(i) u (iii) għandu jiġi ddeterminat.

(f)

fejn il-frekwenza ta’ l-ARR allele f'razza jew stabbiliment tkun baxxa, jew fejn jitqies meħtieġ sabiex ma jkunx hemm tgħammir ta’ annimali ta’ l-istess demm, Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jipposponi l-qerda ta’ l-annimali kif imsemmija fil-punt 2.3 (b)(i) u (ii) għal massimu ta’ ħames snin ta’ tgħammir.

2.4.

Jekk l-annimal infettat kien introdott minn azjenda oħra, l-Istat Membru jista' jiddeċiedi, skond l-istorja tal-każ, li japplika miżuri ta’ eradikazzjoni għall-azjenda ta’ l-oriġini flimkien ma’ l-azjenda li fiha tkun ikkonfermata l-marda, jew minflokha; fil-każ ta’ art użata għall-mergħa komuni b’aktar minn merħla waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni ta’ dawk il-miżuri għal merħla waħda, fuq il-bażi ta’ konsiderazzjoni rraġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha; fejn aktar minn merħla waħda tinżamm f’azjenda waħda, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw l-applikazzjoni tal-miżuri għall-merħla li fiha ġiet ikkonfermata t-TSE, sakemm ġie vverifikat li l-merħliet inżammu iżolati minn xulxin u li l-firxa ta’ infezzjoni bejn il-merħliet permezz ta’ jew kuntatt dirett inkella indirett hija improbabbli.

3.

Wara l-applikazzjoni fuq azjenda tal-miżuri msemmija fil-punt 2.3 (a) u (b)(i) u (ii):

3.1.

Dawn l-annimali li ġejjin biss jistgħu jiġu introdotti għall-azjenda/azjendi:

(a)

muntun tal-ġenotip ARR/ARR;

(b)

nagħaġ nisa li jkollhom mill-anqas allela ARR waħda u l-ebda alleli VRQ;

(c)

annimali kaprini, sakemm:

(i)

l-ebda annimal ovin għat-tgħammir minbarra dawk tal-ġenotipi msemmija fil-punti (a) u (b) ma huwa preżenti fl-azjenda,

(ii)

tindif u disinfettazzjoni eżawrjenti ta’ l-inħawi kollha ta’ fejn jinżammu l-annimali twettqu wara li tkun tneħħiet il-merħla.

3.2.

Il-prodotti ġerminali ovini li ġejjin biss jistgħu jintużaw fl-azjenda/azjendi:

(a)

semen minn muntuni tal-ġenotip ARR/ARR;

(b)

embrijuni li jkollhom mill-anqas allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ.

3.3.

Ċaqliq ta’ l-annimali mill-azjenda għandu jkun soġġett għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)

ċaqliq tan-nagħaġ ARR/ARR mill-azjenda ma għandu jkun soġġett għall-ebda restrizzjoni;

(b)

nagħaġ li għandhom allela waħda biss ARR jistgħu jintbagħtu mill-azjenda biss għat-tbiċċir għall-konsum uman jew għar-raġunijiet tal-qerda; madankollu,

nagħaġ li għandhom allela ARR waħda u l-ebda allela VRQ jistgħu jintbagħtu f'azjendi oħra li huma restritti wara l-applikazzjoni tal-miżuri skond il-punt 2.3 (b)(ii) jew 4,

jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, ħrief u gidjien jistgħu jintbagħtu għand azjenda waħda oħra biss għall-għanijiet ta’ tismin qabel it-tbiċċir; l-azjenda destinatarja ma għandu jkollha l-ebda annimal ovin jew kaprin minbarra dawk li qed jissemmnu qabel it-tbiċċir, u ma għandhiex tibgħat annimali ovini jew kaprini ħajjin lil azjendi oħra, minbarra għal tbiċċir dirett, fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat;

(c)

annimali kaprini jistgħu jiċċaqalqu sakemm l-azjenda hija soġġetta għal monitoraġġ intensiv tat-TSE, inkluż l-ittestjar ta’ l-annimali kollha kaprini li għandhom aktar minn 18-il xahar u:

(i)

jitbiċċru għall-konsum uman fl-aħħar tal-ħajja produttiva tagħhom; jew

(ii)

mietu jew inqatlu fl-azjenda, u jilħqu l-kondizzjonijiet stipulati fl-Anness III, il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 3.

(d)

jekk Stat Membru jiddeċiedi hekk, ħrief u gidjien li għandhom anqas minn tliet xhur jistgħu jiċċaqalqu minn azjenda sabiex imorru direttament għat-tbiċċir għal konsum uman.

3.4.

Ir-restrizzjonijiet stipulati fil-punti 3.1, 3.2 u 3.3 għandhom ikomplu japplikaw għall-azjenda għall-perjodu ta’ sentejn minn:

(a)

id-data tal-kisba ta’ l-istatus ARR/ARR mill-annimali ovini kollha fl-azjenda; inkella

(b)

l-aħħar ġurnata meta nagħġa jew mogħża nżammet fil-bini; inkella

(c)

id-data meta l-monitoraġġ intensifikat tat-TSE stipulat fi 3.3 (c) inbeda; inkella

(d)

id-data meta l-imtaten kollha tat-tgħammir fl-azjenda huma tal-ġenotip ARR/ARR u n-nagħaġ kollha tat-tgħammir għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ, sakemm matul il-perjodu ta’ sentejn, jinkisbu riżultati negattivi mill-ittestjar tat-TSE ta’ l-annimali li ġejjin li għandhom aktar minn 18-il xahar:

kampjun annwali ta’ annimali ovini mbiċċra għall-konsum uman fl-aħħar tal-ħajja produttiva tagħhom skond id-daqs tal-kampjun imsemmi fit-Tabella fl-Anness III, il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 5; kif ukoll

l-annimali kollha msemmija fl-Anness III, il-Kapitolu A, il-Parti II, il-punt 3 li mietu jew inqatlu fl-azjenda.

4.

Wara l-applikazzjoni f'azjenda tal-miżuri stipulati fil-punt 2.3 (b)(iii) u għall-perjodu ta’ sentejn ta’ tgħammir wara s-sejba ta’ l-aħħar każ tat-TSE:

(a)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-azjenda għandhom ikunu identifikati;

(b)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-azjenda, jistgħu jiċċaqalqu biss fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat għat-tbiċċir għall-konsum uman jew għall-għanijiet tal-qerda; l-annimali kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar imbiċċra għall-konsum uman għandhom jiġu ttestjati għall-preżenza tat-TSE skond il-metodi laboratorji stipulati fl-Anness X, il-Kapitolu C, il-punt 3.2(b);

(c)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li l-embrijuni u l-ova kollha ma jintbagħtux mill-azjenda;

(d)

is-semen biss minn imtaten tal-ġenotip ARR/ARR u embrijuni li għandhom mill-anqas allela waħda ARR u l-ebda allela VRQ jista' jintuża fl-azjenda;

(e)

l-annimali kollha ovini u kaprini li għandhom aktar minn 18-il xahar li mietu jew inqatlu fl-azjenda għandhom ikunu soġġetti għall-ittestjar tat-TSE;

(f)

nagħaġ irġiel tal-ġenotip ARR/ARR u annimali ovini nisa biss mill-azjendi fejn ma nstab l-ebda każ tat-TSE jew minn merħliet li jilħqu l-kondizzjonijiet stipulati fil-punt 3.4 jistgħu jiġu introdotti fl-azjenda;

(g)

annimali kaprini biss minn azjendi fejn ma nstab l-ebda każ tat-TSE jew minn merħliet li jilħqu l-kondizzjonijiet tal-punt 3.4 biss jistgħu jiġu introdotti fl-azjenda;

(h)

l-annimali kollha ovini u kaprini fl-azjenda għandhom ikunu soġġetti għal restrizzjonijiet komuni ta’ mergħa li għandhom jiġu determinati mill-awtorità kompetenti, fuq il-bażi ta’ konsiderazzjoni rraġunata tal-fatturi epidemjoloġiċi kollha;

(i)

permezz ta’ deroga tal-punt (b) jekk l-awtorità kompetenti tiddeċiedi hekk, ħrief u gidjien jistgħu jintbagħtu għand azjenda oħra fi ħdan l-istess Stat Membru għall-għanijiet ta’ tismin qabel it-tbiċċir; bil-kondizzjoni li l-azjenda destinatarja ma għandu jkollha l-ebda annimal ovin jew kaprin minbarra dawk li qed jissemmnu qabel it-tbiċċir, u ma għandhiex tibgħat annimali ovini jew kaprini ħajjin lil azjendi oħra, minbarra għal tbiċċir dirett, fi ħdan it-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

5.

Wara l-applikazzjoni tad-deroga prevista fil-punt 2.3 (c) għandhom japplikaw il-miżuri li ġejjin:

(a)

jew il-qtil u l-qerda kompluta ta’ l-annimali, l-embrijuni u l-ova kollha identifikati mill-indaġni msemmija fit-tieni u t-tielet inċiż tal-punt 1(b). L-Istati membri jistgħu jiddeċiedu li jiddeterminaw il-ġenotip tal-proteina prijonika ta’ annimali ovini li nqatlu u nqerdu;

(b)

inkella, għal perjodu ta’ sentejn ta’ tgħammir wara s-sejba ta’ l-aħħar każ tat-TSE, mill-anqas il-miżuri li ġejjin:

(i)

l-annimali ovini u kaprini kollha fl-azjenda għandhom ikunu identifikati;

(ii)

l-azjenda għandha tkun soġġetta għall-monitoraġġ intensifikat tat-TSE għal perjodu ta’ sentejn, inkluż l-ittestjar ta’ l-annimali ovini u kaprini kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar u li tbiċċru għall-konsum uman u l-annimali ovini u kaprini kollha li għandhom aktar minn 18-il xahar li mietu jew inqatlu fl-azjenda;

(iii)

l-awtorità kompetenti għandha tiżgura li annimali ovini u kaprini ħajjin, embrijuni u ova mill-azjenda ma jintbagħtux lil Stati Membri oħra jew pajjiżi terzi.

6.

L-Istati Membri li japplikaw il-miżuri stipulati fil-punt 2.3(b)(iii) jew id-derogi previsti fil-punti 2.3(c) u (d) għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni rendikont tal-kondizzjonijiet u l-kriterji użati li minħabba fihom ingħataw. Fejn jinstabu każijiet addizzjonali tat-TSE f'qatgħat fejn ġew applikati derogi, il-kondizzjonijiet għall-għotja ta’ derogi bħal dawn għandhom jiġu vverifikati mill-ġdid.”


Top