Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document JOL_2007_274_R_0017_01

    Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/670/PESK ta’ l- 1 ta’ Ottubru 2007 dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand dwar il-parteċipazzjoni tan-New Zealand fil-missjoni tal-pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)
    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand dwar il-parteċipazzjoni tan-New Zealand fil-missjoni tal-pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

    ĠU L 274, 18.10.2007, p. 17–21 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.10.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 274/17


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2007/670/PESK

    ta’ l-1 ta’ Ottubru 2007

    dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand dwar il-parteċipazzjoni tan-New Zealand fil-missjoni tal-pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 24 tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Presidenza,

    Billi:

    (1)

    Fit-30 ta’ Mejju 2007, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL Afghanistan) (1).

    (2)

    L-Artikolu 12(5) ta’ l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK jipprevedi li l-arranġamenti dettaljati fir-rigward tal-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu s-suġġett ta’ Ftehim, konformement ma’ l-Artikolu 24 tat-Trattat.

    (3)

    Fit-13 ta’ Settembru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Presidenza, assistita fejn meħtieġ mis-Segretarju-Ġenerali/Rappreżentant Għoli, f’każ ta’ operazzjonijiet futuri ta’ l-UE ta’ maniġġar ta’ kriżijiet ċivili sabiex tiftaħ negozjati ma’ Stati terzi bil-ħsieb li tikkonkludi Ftehim abbażi tal-mudell tal-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u Stat terz dwar il-parteċipazzjoni ta’ Stat terz f’operazzjoni ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ maniġġar ta’ kriżi ċivili. Abbażi ta’ dan, il-Presidenza nnegozjat Ftehim man-New Zealand dwar il-parteċipazzjoni tan-New Zealand fil-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN).

    (4)

    Il-Ftehim għandu jiġi approvat,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand dwar il-parteċipazzjoni tan-New Zealand fil-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) hija hawnhekk approvata f’isem l-Unjoni Ewropea.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni mogħtija s-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim sabiex tintrabat l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ l-adozzjoni tagħha.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fil-Lussemburgu, 1 ta’ Ottubru 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. LINO


    (1)  ĠU L 139, 31.5.2007, p. 33.


    TRADUZZJONI

    FTEHIM

    bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand dwar il-parteċipazzjoni tan-New Zealand fil-missjoni tal-pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN)

    L-UNJONI EWROPEA (UE),

    min-naħa waħda, u

    N-NEW ZEALAND

    min-naħa l-oħra,

    minn issa ’l quddiem imsejħa “l-Partijiet”,

    FILWAQT LI JIKKUNSIDRAW:

    l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea ta’ l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK fit-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN),

    l-istedina lir-Repubblika tan-New Zealand biex tipparteċipa fl-EUPOL AGHANISTAN,

    id-deċiżjoni min-New Zealand biex tipparteċipa fl-EUPOL AGHANISTAN,

    id-Deċiżjoni tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà dwar l-aċċettazzjoni tal-kontribut tan-New Zealand lill-EUPOL AFGHANISTAN

    QABLU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Parteċipazzjoni fl-operazzjoni

    1.   In-New Zealand għandha tassoċja ruħha ma’ l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) u ma’ kwalunkwe Azzjoni Konġunta jew Deċiżjoni li permezz tagħhom l-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea jiddeċiedi li jestendi l-EUPOL AFGHANISTAN, skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim u kwalunkwe arranġament implimentattiv meħtieġ.

    2.   Il-kontribut tan-New Zealand lill-EUPOL AFGHANISTAN hu mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea.

    3.   In-New Zealand għandha tiżgura li l-persunal tagħha li jipparteċipa fl-EUPOL AFGHANISTAN għandu jwettaq il-missjoni tiegħu b’konsistenza ma’

    l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK u emendi sussegwenti possibbli;

    il-Pjan ta’ l-Operazzjoni;

    miżuri implimentattivi.

    4.   Il-persunal issekondat għall-EUPOL AFGHANISTAN min-New Zealand għandu jwettaq id-doveri tiegħu u jġib ruħu biss bl-interess ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN f’moħħu.

    5.   In-New Zealand għandha tinforma fiż-żmien debitu lill-Kap tal-Missjoni tal-EUPOL AFGHANISTAN u lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea bi kwalunkwe bidla fil-kontribut tagħha lill-EUPOL AFGHANISTAN.

    6.   Il-persunal issekondat għall-EUPOL AFGHANISTAN għandu jiġi sottopost għal eżami mediku, vaċċinazzjoni u għandu jkun ċertifikat medikament b’saħħtu għax-xogħol minn awtorità kompetenti min-New Zealand. Il-persunal issekondat għall-EUPOL AFGHANISTAN għandu jipproduċi kopja ta’ din iċ-ċertifikazzjoni.

    Artikolu 2

    Status tal-persunal

    1.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament konkluż bejn il-Gvern tan-New Zealand u l-Gvern tar-Repubblika Islamika ta’ l-Afganistan, l-istatus tal-persunal kontribwit lill-EUPOL AFGHANISTAN min-New Zealand għandu jkun regolat bil-ftehim dwar l-istatus tal-missjoni konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Islamika ta’ l-Afganistan.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Ftehim dwar l-istatus tal-missjoni msemmi fil-paragrafu 1, in-New Zealand għandha teżerċita ġurisdizzjoni fuq il-persunal tagħha li jipparteċipa fl-EUPOL AFGHANISTAN.

    3.   In-New Zealand għandha tkun responsabbli biex twieġeb kwalunkwe pretensjoni minn, marbuta ma’ jew dwar il-parteċipazzjoni tal-persunal tagħha fl-EUPOL AFGHANISTAN. In-New Zealand għandha tkun responsabbli li tressaq kwalunkwe azzjoni, b’mod partikolari legali jew dixxiplinari, kontra kwalunkwe mill-persunal tagħha, skond il-liġijiet u r-regolamenti tagħha.

    4.   In-New Zealand timpenja ruħha li tagħmel dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fl-EUPOL AFGHANISTAN, u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim. Mudell għal tali dikjarazzjoni huwa anness ma’ dan il-Ftehim.

    5.   L-Unjoni Ewropea għandha tiżgura li l-Istati Membri tagħha jagħmlu dikjarazzjoni fir-rigward tar-rinunzja tal-pretensjonijiet għall-parteċipazzjoni tan-New Zealand fl-EUPOL AFGHANISTAN u li tagħmel dan meta tiffirma dan il-Ftehim.

    Artikolu 3

    Informazzjoni klassifikata

    1.   In-New Zealand għandha tieħu l-miżuri xierqa biex tiżgura li l-informazzjoni klassifikata ta’ l-UE hi protetta skond ir-regolamenti ta’ sigurtà tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea, fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/264/KE (1), u skond gwida ulterjuri maħruġa minn awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Kap tal-Missjoni ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN.

    2.   Fejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand ikunu kkonkludew Ftehim dwar il-proċeduri ta’ sigurtà għall-iskambju ta’ l-informazzjoni klassifikata, id-dispożizzjonijiet ta’ tali Ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUPOL AFGHANISTAN.

    Artikolu 4

    Linja ta’ kmand

    1.   Il-persunal kollu li jipparteċipa fl-EUPOL AFGHANISTAN għandu jibqa’ taħt il-kmand sħiħ ta’ l-awtoritajiet nazzjonali tiegħu.

    2.   L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jittrasferixxu kontroll Operattiv lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-EUROPOL AFGHANISTAN, li għandu jeżerċita dak il-kmand permezz ta’ struttura ġerarkika ta’ kmand u kontroll.

    3.   Il-Kap tal-Missjoni għandu jmexxi l-EUPOL AFGHANISTAN u jieħu f’idejh l-amministrazzjoni tagħha ta’ kuljum.

    4.   In-New Zealand għandha jkollha l-istess drittijiet u obbligi f’termini ta’ amministrazzjoni ta’ kuljum ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN bħall-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea li jipparteċipaw fl-operazzjoni, skond l-istrumenti legali msemmija fl-Artikolu 1(1) ta’ dan il-Ftehim.

    5.   Il-Kap tal-Missjoni ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN għandu jkun responsabbli għall-kontroll dixxiplinarju fuq il-persunal ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN. Meta jkun meħtieġ, azzjoni dixxiplinarja għandha tittieħed mill-awtorità nazzjonali kkonċernata.

    6.   Punt Kontinġenti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NPC) għandu jiġi maħtur min-New Zealand biex jirrappreżenta l-kontinġent fl-EUPOL AFGHANISTAN. L-NPC għandu jirrapporta lill-Kap tal-Missjoni ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN dwar kwistjonijiet nazzjonali u għandu jkun responsabbli għad-dixxiplina kontinġenti ta’ kuljum.

    7.   Id-deċiżjoni li tintemm l-operazzjoni għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea, wara konsultazzjoni man-New Zealand, dment li n-New Zealand tkun għadha qed tikkontribwixxi għall-EUROPOL AFGHANISTAN fid-data tat-tmiem ta’ l-operazzjoni.

    Artikolu 5

    Aspetti finanzjarji

    1.   In-New Zealand għandha tassumi l-ispejjeż kollha assoċjati mal-parteċipazzjoni tagħha fl-operazzjoni minbarra l-ispejjeż li huma soġġetti għal finanzjament komuni, kif stabbilit fil-baġit operattiv ta’ l-operazzjoni.

    2.   Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe arranġament konkluż bejn il-Gvern tan-New Zealand u l-Gvern tar-Repubblika Islamika ta’ l-Afganistan, f’każ ta’ mewt, korriment, telf jew ħsara lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi mill-Afganistan, in-New Zealand għandha, meta r-responsabbiltà tagħha tkun ġiet stabbilita, tħallas kumpens taħt il-kondizzjonijiet previsti fil-Ftehim dwar l-istatus tal-missjoni, jekk disponibbli, kif imsemmi fl-Artikolu 2 (1) ta’ dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    Kontribut għal baġit operattiv

    Peress li l-parteċipazzjoni min-New Zealand tikkostitwixxi kontribut sinifikanti li hu essenzjali għall-operazzjoni, in-New Zealand hi eżenti minn kontributi għall-baġit operattiv ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN.

    Artikolu 7

    Arranġamenti biex jiġi implimentat dan il-Ftehim

    Kwalunkwe arranġament tekniku u amministrattiv meħtieġ sabiex jiġi implimentat dan il-Ftehim għandu jiġi konkluż bejn is-Segretarju Ġenerali/Rappreżentant Għoli, u l-awtoritajiet kompetenti tan-New Zealand

    Artikolu 8

    Non-konformità

    Jekk waħda mill-Partijiet tonqos milli tikkonforma ma’ l-obbligi tagħha stabbiliti fl-Artikoli preċedenti, il-Parti l-oħra għandha jkollha d-dritt li ttemm dan il-Ftehim b’notifika minn xahar qabel.

    Artikolu 9

    Riżoluzzjoni ta’ tilwim

    Tilwim marbut ma’ l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi riżolt b’mezzi diplomatiċi bejn il-Partijiet.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    1.   Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum ta’ l-ewwel xahar wara li l-Partijiet ikunu notifikaw lil xulxin bit-tlestija tal-proċeduri interni meħtieġa għal dan il-għan.

    2.   Dan il-Ftehim għandu jiġi applikat b’mod provviżorju mid-data tal-firma.

    3.   Dan il-Ftehim għandu jibqa’ fis-seħħ għat-tul ta’ żmien tal-kontribut tan-New Zealand lill-operazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, fit-tielet ġurnata ta' Ottubru fis-sena elfejn u sebgħa bil-lingwa Ingliża f’żewġ kopji.

    Image

    Għall-Unjoni Ewropea

    Image

    Għan-New Zealand


    (1)  ĠU L 101, 11.4.2001, p. 1. Deċiżjoni kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2007/438/KE (ĠU L 164, 26.6.2007, p. 24).

    ANNESS

    DIKJARAZZJONIJIET

    Imsemmija fl-Artikolu 2(4) u (5)

    Dikjarazzjoni mill-Istati Membri ta’ l-UE:

    “L-Istati Membri ta’ l-UE li japplikaw l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) ser jippruvaw, safejn is-sistemi legali interni tagħhom jippermettu, jirrinunzjaw, fuq bażi reċiproka, safejn possibbli pretensjonijiet kontra n-New Zealand għal korriment, mewt ta’ persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħhom u utilizzati mill-EUPOL AFGHANISTAN jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

    kien ikkawżat minn persunal min-New Zealand fit-twettiq tad-doveri tiegħu marbutin ma’ l-operazzjoni ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja,

    jew irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi proprjetà tan-New Zealand, dment li l-assi ntużaw in konnessjoni ma’ l-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta’ persunal ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN min-New Zealand li jkun qed juża dawk l-assi.”

    Dikjarazzjoni min-New Zealand:

    “In-New Zealand, assoċjata ma’ l-Azzjoni Konġunta 2007/369/PESK tat-30 ta’ Mejju 2007 dwar l-istabbiliment tal-Missjoni tal-Pulizija ta’ l-Unjoni Ewropea fl-Afganistan (EUPOL AFGHANISTAN) ser tipprova, fuq bażi reċiproka safejn is-sistemi legali interni tagħha jippermettu, li tirrinunzja, fuq bażi reċiproka, safejn possibbli pretensjonijiet kontra kwalunkwe Stat parteċipanti fl-EUPOL AFGHANISTAN għal korriment, mewt ta’ persunal tagħhom, jew ħsara lil, jew telf ta’, kwalunkwe assi li huma proprjetà tagħha u utilizzati mill-EUPOL AFGHANISTAN jekk tali korriment, mewt, ħsara jew telf:

    kien ikkawżat minn persunal fit-twettiq tad-doveri tiegħu marbutin ma’ l-operazzjoni ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN, ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja,

    jew irriżulta mill-użu ta’ kwalunkwe assi proprjetà ta’ l-Istati parteċipanti fl-EUPOL AFGHANISTAN, dment li l-assi jkunu ntużaw b’konnessjoni ma’ l-operazzjoni u ħlief f’każ ta’ negliġenza serja jew imġiba ħażina volontarja ta’ persunal ta’ l-EUPOL AFGHANISTAN li jkun qed juża dawk l-assi.”


    Top