Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007D0491

    2007/491/KE: Deċiżjoni tal-Kunsill ta' l- 10 ta’ Lulju 2007 dwar linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

    ĠU L 183, 13.7.2007, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2007/491/oj

    13.7.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 183/25


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    ta' l-10 ta’ Lulju 2007

    dwar linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta’ l-Istati Membri

    (2007/491/KE)

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA:

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 128(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali (2),

    Wara li kkonsultaw il-Kumitat tar-Reġjuni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Impjiegi (3),

    Billi:

    (1)

    Ir-riforma ta' l-Istrateġija ta' Liżbona fl-2005 enfasizzat it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi ta' l-Istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi li jinsabu fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 200/600/KE tat-12 ta’ Lulju 2005 dwar il-Linji ta' Gwida għall-politika dwar l-impjiegi ta' l-Istati Membri (4) u l-Linji ta' Gwida Ġenerali dwar il-Politika Ekonomika li jinsabu fir-Rakkommandazzjoni tal-Kunsill 2005/601/KE tat-12 ta’ Lulju 2005 dwar il-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika ta' l-Istati Membri u l-Komunità (2005 sa 2008) (5) ġew adottati bħala pakkett integrat, li bih l-Istrateġija Ewropea dwar l-impjiegi għandha r-rwol ewlieni fl-implimentazzjoni ta' l-għanijiet ta' impjiegi u tas-suq tax-xogħol ta' l-Istrateġija ta' Liżbona.

    (2)

    Jeħtieġ li l-Unjoni timmobilizza r-riżorsi kollha xierqa, nazzjonali u Komunitarji, inkluża l-politika ta' koeżjoni, fit-tliet dimensjonijiet ta' l-istrateġija ta' Liżbona (ekonomika, soċjali u ambjentali) biex tkun tista' tisfrutta aħjar is-sinerġiji tagħhom f'kuntest ġenerali ta' żvilupp sostenibbli.

    (3)

    Il-Linji Gwida dwar l-impjiegi u l-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Ġenerali għandhom ikunu riveduti bis-sħiħ biss kull tliet snin, filwaqt li fis-snin intermedjarji sa l-2008 l-aġġornament tagħhom għandu jibqa' limitat b'mod strett biex jiżgura l-grad ta' stabbilità meħtieġ għal implimentazzjoni effettiva.

    (4)

    L-eżami tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma ta' l-Istati Membri fir-Rapport Annwali ta' Progress tal-Kummissjoni u fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi turi li l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz biex jindirizzaw l-oqsma ta' prijorità li huma

    li jattiraw u jżommu aktar nies f'impjieg, iżidu l-għadd ta' ħaddiema u jimmodernizzaw is-sistemi ta' ħarsien soċjali,

    itejbu l-adattabilità tal-ħaddiema u ta' l-intrapriżi, u

    iżidu l-investiment fil-kapital uman permezz ta' titjib fl-edukazzjoni u l-ħiliet.

    (5)

    Il-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta’ Marzu 2006 enfasizza r-rwol ċentrali tal-politika dwar l-impjiegi fil-qafas ta' l-aġenda ta' Liżbona u l-ħtieġa taż-żieda fl-opportunitajiet ta' impjiegi għall-kategoriji ta' prijorità, fi ħdan strateġija għax-xogħol ibbażata fuq iċ-ċiklu tal-ħajja. F'dan ir-rigward, huwa approva l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza tas-Sessi li għandu jkompli jiġbed attenzjoni lejn l-integrazzjoni tas-sessi u jagħti impetu għat-titjib fil-perspettivi u l-opportunitajiet għan-nisa fuq skala wiesgħa.

    (6)

    It-tneħħija ta' ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema, kif elaborat fit-Trattati, inkluż it-Trattati ta' Adeżjoni, għandha ssaħħaħ l-iffunzonar tas-suq intern u ttejjeb il-potenzjal tiegħu għat-tkabbir u għall-impiegi.

    (7)

    Fid-dawl kemm ta' l-eżami mill-Kummissjoni tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, il-punt fokali issa għandu jkun fuq implimentazzjoni effettiva u f'waqtha, fejn għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-miri kwantitattivi miftiehma kif stabbilit fil-linji ta' gwida ta' l-2005-2008.

    (8)

    L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-Linji ta' Gwida dwar l-Impjiegi meta jipprogrammaw l-użu tagħhom ta' finanzjament mill-Komunità, b'mod partikolari l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew.

    (9)

    Tenut kont tan-natura integrata tal-pakkett ta' linji ta' gwida, l-Istati Membri għandhom jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji ta' Gwida ta' Politika Ekonomika Ġenerali,

    ADOTTA DIN ID-DECIZJONI:

    Artikolu 1

    Il-linji ta' gwida għall-politiki dwar l-impjiegi għall-Istati Membri kif jinsabu fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/600/KE għandhom jinżammu għall-2007 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki tagħhom dwar l-impjiegi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, 10 ta’ Lulju 2007.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. TEIXEIRA DOS SANTOS


    (1)  Opinjoni tal-15 ta’ Frar 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Opinjoni tal-25 ta’ April 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (3)  Opinjoni tat-2 ta’ Frar 2007 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 21.

    (5)  ĠU L 205, 6.8.2005, p. 28.


    Top