Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005R0953

    Regolament (KE) Nru 953/2005 tal-Kunsill tal- 21 ta' Ġunju 2005 dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill- 1 ta’ Lulju 2004 sat- 30 ta’ Ġunju 2007 , il-possibilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju

    ĠU L 164, 24.6.2005, p. 1–2 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 204–205 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 30/06/2007

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2005/953/oj

    16.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    204


    REGOLAMENT (KE) Nru 953/2005 TAL-KUNSILL

    tal-21 ta' Ġunju 2005

    dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2007, il-possibilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju

    IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 37 tiegħu flimkien mal-paragrafu 2 u l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 ta’ l-Artikolu 300,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Billi:

    (1)

    Bi qbil mal-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju (2), qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ validità tal-Protokoll anness mal-Ftehim, il-partijiet involuti fil-kuntratt jinnegozjaw sabiex jiddeterminaw bi qbil komuni l-kontenut tal-Protokoll għall-perjodu li jmiss u, jekk ikun hemm bżonn, il-modifikazzjonijiet jew iż-żidiet li għandhom isiru fl-Anness.

    (2)

    Iż-żewġ partijiet innegozjaw Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-possibilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju bejn id-9 u t-13 ta’ Novembru 2003 f’Abidjan. Dan il-Protokoll li jikkonċerna l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2007 ġie ffirmat fit-3 ta’ Marzu 2004 fi Brussel.

    (3)

    Hu importanti li ssir konferma ta’ l-iskema tat-tqassim tal-possibilitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri kif ukoll ta’ l-obbligi tagħhom li jinnotifikaw il-qabdiet.

    (4)

    Huwa xieraq li dan il-Protokoll ikun approvat,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Il-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2004 sat-30 ta’ Ġunju 2007, il-possibilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst fil-Ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju (3), hu approvat f’isem il-Komunità Ewropea.

    Artikolu 2

    1.   Il-possibilitajiet ta’ sajd stabbiliti bil-Protokoll huma mqassma bejn l-Istati Membri skond l-iskema li ġejja:

    a)

    sajd demersali:

    Spanja: 1 300 GT (gross tonnage) fix-xahar b’medja annwali

    b)

    sajd għat-tonn:

    i)

    tunnari li jistadu bit-tartarun

    Franza: 17-il bastiment

    Spanja: 17-il bastiment

    ii)

    skejjen li jistadu bil-konz tal-wiċċ

    Spanja: 6 bastimenti

    Portugall: 5 bastimenti

    iii)

    tunnari li jistadu bil-konz

    Franza: 3 bastimenti

    2.   Jekk it-talbiet għal-liċenzji minn dawn l-Istati Membri ma jeħdux il-possibilitajiet kollha ta’ sajd stabbiliti bil-Protokoll, il-Kummissjoni tista’ tikkonsidra talbiet għal-liċenzji minn kull Stat Membru ieħor.

    Artikolu 3

    L-Istati Membri li l-bastimenti tagħhom jistadu fil-qafas ta’ dan il-Ftehim għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kwantitajiet ta’ kull qabda li jkunu għamlu fiż-żona tas-sajd tal-Kosta ta’ l-Avorju skond il-modalitajiet previsti bir-Regolament (KE) Nru 500/2001 tal-Kummissjoni (4) ta' l-14 ta' Marzu 2001 dwar l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet applikabbli għar-Regolament (KEE) Nru 2847/93 tal-Kunsill dwar il-kontrolli tal-qabdiet minn bastimenti tas-sajd fl-ilmijiet ta' pajjiżi terzi fl-ibħra miftuħa.

    Artikolu 4

    Il-President tal-Kunsill hu awtorizzat biex jaħtar il-persuni awtorizzati biex jiffirmaw il-Protokoll sabiex tiddaħħal il-Komunità.

    Artikolu 5

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika f’kull Stat Membru.

    Magħmul fi Brussel, il-21 ta' Ġunju 2005.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    F. BODEN


    (1)  Opinjoni mogħtija fis-26 ta' Mejju 2005 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  ĠU L 379 tal-31.12.1990, p. 3. Ftehim kif emendat l-aħħar mill-Protokoll li jistabbilixxi, għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2000 sat-30 ta’ Ġunju 2003, il-possibilitajiet ta’ sajd u l-kontribut finanzjarju previst mill-ftehim bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika tal-Kosta ta’ l-Avorju dwar is-sajd ’il barra mill-Kosta ta’ l-Avorju (ĠU L 102, 12.4.2001, p. 3).

    (3)  ĠU L 76, 22.3.2005, p. 1.

    (4)  ĠU L 73 tal-15.3.2001, p. 8.


    Top