Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22005D0460

    Deċiżjoni Nru 4/2005 tal-Kunsill tal-Ministri ACP-KE tat- 13 ta' April 2005 dwar l-użu tar-riżerva tad-dotazzjoni għall-iżvilupp fit-tul tad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    ĠU L 164, 24.6.2005, p. 46–47 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 206–207 (MT)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/460/oj

    16.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    206


    DEĊIŻJONI Nru 4/2005 TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI ACP-KE

    tat-13 ta' April 2005

    dwar l-użu tar-riżerva tad-dotazzjoni għall-iżvilupp fit-tul tad-disa' Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    (2005/460/KE)

    IL-KUNSILL TAL-MINISTRI ACP-KE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE ffirmat f'Kotonù fit-23 ta' Ġunju 2000, u b'mod partikolari l-paragrafu 8 ta' l-Anness I tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-fondi għall-Assemblea Parlamentari Konġunta taħt id-dotazzjoni għall-iżvilupp fit-tul tad-9 Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) u għall-kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali huma eżawriti.

    (2)

    Sabiex tiġi żgurata t-tkomplija ta' l-implimentazzjoni għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE (Assemblea Parlamentari Konġunta), huwa xieraq li jiġu allokati riżorsi supplimentari.

    (3)

    Sabiex ikunu żgurati kontributi għall-isforzi fil-bini ta' kapaċitajiet fil-qasam ta' l-immaniġġjar ambjentali u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali, l-istabbiliment ta' Pjan ta' Azzjoni ACP-UE għall-Infurzar tal-Liġi tal-Forestrija, il-Governanza u l-Kummerċ (FLEGT), u t-tisħiħ ta' l-immaniġġjar tas-sajd fil-Pajjiżi ta' l-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (ACP), huwa xieraq li jiġu allokati riżorsi supplimentari għal dan il-għan.

    (4)

    Sabiex jiġi żgurat is-sostenn għall-produtturi fil-pajjiżi ta' l-ACP l-iżjed dipendenti fuq il-materjali primarji, biex titjieb il-kompetittività u tonqos il-vulnerabbiltà, u biex jiġu promossi t-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni fil-pajjiżi ta' l-ACP, huwa xieraq li jiġu allokati riżorsi supplimentari għal dan il-għan.

    (5)

    Sabiex jiġi żgurat is-sostenn metodoloġiku u l-bini ta' kapaċitajiet fil-qasam tal-migrazzjoni u l-kooperazzjoni reġjonali, b'enfażi fuq il-migrazzjoni Nofsinhar-Nofsinhar, huwa xieraq li jiġu allokati riżorsi supplimentari għal dan il-għan.

    (6)

    Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni iktar mill-qrib ma' dawk l-organizzazzjonijiet tan-NU li l-mandat u l-kapaċitajiet tagħhom jaqblu mal-prijoritajiet tal-politika ta' żvilupp ta' l-ACP-KE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza u s-sitwazzjonijiet ta' wara l-konflitti, u jitjieb l-impatt ta' attivitajiet intra-ACP, huwa xieraq li jiġu allokati riżorsi supplimentari għal dan il-għan,

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Assemblea Parlamentari Konġunta

    Ammont ta' EUR 2 miljun għandu jiġi trasferit mir-riżerva tad-dotazzjoni għall-iżvilupp fit-tul tad-disa' EDF lejn l-allokazzjoni ta' l-Assemblea Parlamentari Konġunta taħt id-dotazzjoni għall-iżvilupp fit-tul, skond il-finijiet imsemmija fl-Artikolu 17 u l-Protokoll 1 għall-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE.

    Artikolu 2

    Kooperazzjoni Intra-ACP taħt id-dotazzjoni għal kooperazzjoni reġjonali

    Ammont ta' EUR 170 miljun għandu jiġi trasferit mir-riżerva tad-dotazzjoni għall-iżvilupp fit-tul tad-disa' EDF lejn l-allokazzjoni għall-kooperazzjoni intra-ACP taħt id-dotazzjoni għall- kooperazzjoni u l-integrazzjoni reġjonali, skond il-finijiet imsemmija fl-Artikoli 28, 29 u 30 tal-Ftehim ta' Sħubija ACP-KE. Dan l-ammont jista' jintuża għall-finijiet li ġejjin:

    (a)

    riżorsi naturali (EUR 60 miljun), għal azzjonijiet fil-qasam ta' l-ambjent u r-riżorsi naturali (inkluż is-sajd, il-valutazzjoni xjentifika u teknika, il-kontroll u s-sorveljanza);

    (b)

    sostenn għas-settur privat u t-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni (EUR 65 miljun), għal azzjonijiet biex isostnu l-produtturi fil-pajjiżi ta' l-ACP l-iżjed dipendenti fuq il-materjali primarji u biex jiġu promossi t-teknoloġiji ta' l-informatika u tal-komunikazzjoni fil-pajjiżi ta' l-ACP;

    (ċ)

    sostenn metodoloġiku u bini ta' kapaċitajiet (EUR 25 miljun), inter alia, għall-istabbiliment ta' faċilità intra-ACP għall-bini ta' kapaċitajiet fil-qasam tal-migrazzjoni;

    (d)

    sħubija strateġika man-NU u sostenn għall-implimentazzjoni ta' programmi intra-ACP (EUR 20 miljun), għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' l-organizzazzjonijiet tan-NU l-aktar qrib il-prijoritajiet tal-politika ta' żvilupp ACP-KE, b'mod partikolari fl-oqsma ta' governanza u sitwazzjonijiet ta' wara l-kunflitti, u ħtiġijiet ġodda biex jitjieb l-impatt ta' attivitajiet intra-ACP.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    L-Ordinatur Ewlieni ta' l-EDF huwa mitlub jieħu l-miżuri meħtieġa biex jingħata effett lil din id-Deċiżjoni, li għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta' l-adozzjoni tagħha.

    Magħmula fi Brussel, 13 ta' April 2005.

    Il-President tal-Kumitat ta' l-Ambaxxaturi ACP-KE b'delega, għall-Kunsill tal-Ministri ACP-KE

    F.J. WAHNON FERREIRA


    Top